27.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/26


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2016 – Kohrener Landmolkerei u DHG vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-199/16)

(2016/C 232/35)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Kohrener Landmolkerei Gmbh (Penig, il-Ġermanja) u DHG Deutsche Heumilchgesellschaft mbH (Frohburg, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Wagner, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/304, tat-2 ta’ Marzu 2016, li jdaħħal fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Heumilch/Haymilk/Latte fieno/Lait de foin/Leche de heno (STG)].

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

Ir-rikorrenti jilmentaw li l-oppożizzjoni tagħhom ma tteħditx inkunsiderazzjoni mill-konvenuta fl-adozzjoni tar-regolament ta’ implementazzjoni kkontestat, minkejja li hija ġiet ikkomunikata fit-terminu stabbilit lill-awtorità nazzjonali kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nruo1151/2012 (1), u din sussegwentement ma bagħtitx l-oppożizzjoni lill-Kummissjoni fil-ħin.

2.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jilmentaw li l-konvenuta adottat regolament ta’ implementazzjoni jerġa’ qabel ma l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet b’mod definittiv dwar ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T-178/15, Kohrener Landmolkerei u DHG vs Il-Kummissjoni, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni żbaljata tal-konvenuta li tiċħad l-oppożizzjoni minħabba nuqqas ta’ osservanza tat-terminu.

3.

Fl-aħħar nett, l-adozzjoni tar-regolament ta’ implementazzjoni kkontestat tqiegħed kunsiderevolment fi żvantaġġ lir-rikorrenti. Hija tikser ir-regoli tal-Unjoni Ewropea intiżi għall-protezzjoni ta’ kompetizzjoni libera u leali.


(1)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, p. 1).