27.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/26


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2016 – NG vs Il-Kunsill Ewropew

(Kawża T-193/16)

(2016/C 232/34)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: NG (Il-Gżira ta’ Levbos, il-Greċja) (rappreżentant: B. Burns, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-ftehim bejn il-Kunsill Ewropew u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 intitolat “Dikjarazzjoni UE-Turkija, 18 ta’ Marzu 2016”;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-ftehim bejn il-Kunsill Ewropew u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 intitolat “Dikjarazzjoni UE-Turkija, 18 ta’ Marzu 2016”, huwa inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-UE, partikolarment mal-Artikoli 1, 18 u 19 tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li t-Turkija ma hijiex pajjiż terz bla periklu fis-sens tal-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/EC, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168).

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162) kellha tiġi implementata.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-ftehim ikkontestat huwa fir-realtà Trattat vinkolanti jew “att” li għandu effetti legali fuq ir-rikorrent u li n-nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-Artikolu 218 TFUE u/jew l-Artikolu 78(3) TFUE, kemm jekk flimkien jew separatament, jirrendu l-ftehim ikkontestat invalidu.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li hemm ksur tal-projbizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi fis-sens tal-Artikolu 19(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.