20.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 222/24


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-165/16)

(2016/C 222/30)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda), Airport Marketing Services Ltd (Dublin) (rappreżentanti: G. Berrisch, E. Vahida u I. Metaxas Maragkidis, avukati, u B. Byrne, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 1(4), u 2 sa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/287, tal-15 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.26500 (2012/C) (ex 2011/NN, ex CP 227/2008) mogħtija mill-Ġermanja lil Flughafen Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair Ltd. (ĠU 2016, L 59, p. 22); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni naqset milli tippermetti lir-rikorrenti aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni u li tqegħdhom f’pożizzjoni fejn effettivament setgħu jagħtu l-fehmiet tagħhom.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi selettività.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-ftehimiet bejn l-ajruport u r-rikorrenti jagħtu vantaġġ lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni b’mod żbaljat irrifjutat li taċċetta l-analiżi komparattiva proposta mir-rikorrenti u manifestament wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni u naqset milli tagħti motivazzjoni fl-analiżi tal-profittabbiltà tagħha, billi naqset milli tattribwixxi valur xieraq għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni konklużi taħt il-ftehimiet tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni; tiċħad b’mod żbaljat ir-raġunament wara d-deċiżjoni tal-ajruport li jixtru servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni; b’mod żbaljat tiċħad il-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu inxtraw għal skopijiet ta’ interess ġenerali; ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq data li ma hijiex kompluta, affidabbli u xierqa sabiex tikkalkola l-profittabbiltà; u b’mod żbaljat injorat il-benefiċċji usa tal-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport ma’ Ryanair.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-għajnuna lil Ryanair u AMS kien ekwivalenti għat-telf marġinali akkumulat tal-ajruport (kif ikkalkolat mill-Kummissjoni) minflok il-benefiċċju attwali lil Ryanair u AMS. Il-Kummissjoni kien imissha eżaminat sa liema punt l-allegat benefiċċju kien effettivament ġie mgħoddi lill-passiġġieri ta’ Ryanair. Barra minn hekk, hija naqset li tikkwantifika kwalunkwe vantaġġ kompetittiv li Ryanair gawdiet permezz tal-allegata għajnuna, u hija naqset milli tispjega kif suppost għalfejn l-irkupru tal-ammont ta’ għajnuna speċifikata fid-deċiżjoni kienet neċessarja sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni qabel l-għoti tal-għajnuna.