25.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/31


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2016 – POA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-74/16)

(2016/C 145/38)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Pagkyprios organismos ageladotrofon (POA) Dimosia Ltd (Ċipru) (rappreżentati minn: N. Korogiannakis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni Ares(2015)5632670, tas-7 ta’ Diċembru 2015, tas-Segretarjat Ġenerali, li tiċħad l-applikazzjoni konfermatorja sottomessa mir-rikorrenti permezz tal-ittra tagħha bid-data tal-15 ta’ Settembru 2015, li fih ir-rikorrenti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 331) talbet aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ produttur Ċiprijott għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni “Halloumi” skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012 L 343, p. 1), u

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż legali tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi straħet fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, naqqset milli tagħti spjegazzjonijiet xierqa għaliex proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni jista’ jidgħajjef b’mod serju mill-iżvelar tal-partijiet mhux żvelati.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi billi motivi mogħtija mir-Repubblika ta’ Ċipru biex tirrifjuta l-iżvelar fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma humiex xierqa.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u l-prinċipju ta’ trasparenza billi r-rifjut tar-Repubblika taċ-Ċipru biex tiżvela wħud mid-dokumenti f’riskju jimplika li r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem is-suġġett ta’ kull dokument mhux żvelat.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi billi Stat Membru ma jistax juża’ l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 biex jirrifjuta l-iżvelar ta’ dokumenti jekk id-deċiżjoni li tista’ tidgħajjef hija dik ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.