14.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/56


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2016 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-28/16)

(2016/C 098/72)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u A. Lippstreu)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 1 u l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2098, tat-13 ta’ Novembru 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn dawn jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni ħlasijiet magħmula mill-organu li jħallas kompetenti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont il-FAEŻR għal ammont totali ta’ EUR 7 719 920,30;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 71(2) moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 (1), sa fejn il-Kummissjoni talbet li l-kriterji ta’ għażla ma jiġux applikati biss għal “operazzjonijiet [tranżazzjonijiet]” konkreti, skont l-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1698/2005, iżda wkoll fil-fażijiet preċedenti tal-proċedura nazzjonali ta’ tiġdid tal-irħula u tar-riorganizzazzjoni tal-ħbula agrikoli, u sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rekwiziti relatati mal-kriterji ta’ għażla.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sħubija msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE] u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha ta’ rettifika fuq azzjoni li hija kienet awtorizzat jew li hija ma kinitx opponiet.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (Artikolu 5 TUE), sa fejn il-Kummissjoni ndaħlet fl-awtonomija proċedurali u fil-prerogattivi ta’ ippjanar tal-Istati Membri.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (2), tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 (3), kif ukoll tal-prinċipju tal-proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni, permezz ta’ rettifika b’rata fissa ta’ 10 %, ma evalwatax adegwatament in-natura u, fi kwalunkwe każ, il-portata limitata ta’ eventwali ksur fir-rigward tal-kriterji ta’ għażla u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Unjoni ma ġarrbet l-ebda telf finanzjarju fil-konkret u li qatt ma kien jeżisti riskju reali li ser ikun hemm tali telf.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, p. 1).

(2)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, p. 549).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).