|
29.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 111/31 |
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2016 – Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-27/16)
(2016/C 111/36)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: J. Kraehling, aġent, u S. Lee u M. Gray, barristers)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tannulla l-parti mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2098, tat-13 ta’ Novembru 2015 (1), li tistabbilixxi, fost oħrajn, li parti min-nefqa agrikola li tikkonċerna l-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata (VPK) iddikjarat mir-Renju Unit twettaq bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant ma jistax jiġi ffinanzjat mill-FAEG u mill-FAEŻR, u dan jitlob l-annullament tal-ħames entrati (l-aħħar entrata tal-paġna 42 u l-erba’ entrati tal-paġna 43) fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni, li jammontaw għal korrezzjoni finanzjarja totali ta’ EUR 1 849 194 ,86; u |
|
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-Renju Unit. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
|
1. |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kumissjoni wettqet żball ta’ liġi meta interpretat il-kundizzjoni b’tali mod li, meta jikkalkola l-VPK ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi sabiex jiddetermina l-ammont massimu tal-għajnuna, Stat Membru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-produzzjoni tal-agrikolturi li jingħaqdu mal-organizzazzjoni. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni injorat id-dispożizzjonijiet ċari, l-ewwel nett, tal-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1433/2003 (2) u, it-tieni nett, tal-Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007 (3). |
|
2. |
Fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, fl-interpretazzjoni tagħha tal-valur tal-produzzjoni tal-membri li jingħaqdu mal-organizzazzjoni, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, liema prinċipji għandhom setgħa partikolari meta miżura tkun iġġib magħha konsegwenzi finanzjarji u/jew l-impożizzjoni ta’ multa. |
(1) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2098, tat-13 ta’ Novembru 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2015) 7716) (ĠU L 303, 2015, p. 35).
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1433/2003, tal-11 ta’ Awissu 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 dwar il-fondi operattivi, programmi operazzjonali u għajnuna finanzjarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 431).
(3) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1).