14.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/50


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2016 – Hitachi-LG Data Storage u Hitachi-LG Data Storage Korea vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1/16)

(2016/C 098/65)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hitachi-LG Data Storage, Inc. (Tokyo, il-Ġappun) u Hitachi-LG Data Storage Korea, Inc. (Seoul, ir-Repubblika tal-Korea) (rappreżentanti: L. Gyselen u N. Ersbøll, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Enonomika Ewropea, mogħtija fil-Każ AT.39639 – apparat li jaqra d-diski ottiċi, b’mod li jirrifletti ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tirrispondi għat-talba tar-rikorrenti skont il-punt 37 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida għall-kalkolu tal-multi”).

Matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni tnaqqas l-ammont tal-multa fid-dawl ta’ “ċirkustanzi partikolari” fis-sens tal-punt 37 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi. It-tim tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl ma rrispondiex għal din it-talba u l-Kummissjoni ma indirizzathiex fid-deċiżjoni tagħha. Ir-rikorrenti għandhom jassumu li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jew assolutament ma evalwawx it-talba tagħhom jew li ma kkondividewx tali evalwazzjoni mal-kumitat konsultattiv u mal-kulleġġ tal-kummissarji għall-eżami mill-ġdid tagħhom. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li, kieku seħħ dan l-eżami mill-ġdid, il-multa li finalment ġiet imposta fuq ir-rikorrenti setgħet kienet iktar baxxa. Il-Kummissjoni għalhekk kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli teskludi l-metoloġija prevista fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi bil-għan li tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u tar-rwol tar-rikorrenti. Iċ-“ċirkustanzi partikolari” fis-sens tal-punt 37 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi huma dawn li ġejjin:

ir-rikorrenti, li l-parti l-kbira tad-dħul tagħhom toriġina minn prodott wieħed (apparat li jaqra d-diski ottiċi), iddiversifikaw in-negozju tagħhom fl-2014, is-sena użata mill-Kummissjoni bħala sena ta’ referenza għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru1/2003;

ir-rikorrenti huma l-uniċi fost il-kumpanniji li ġew immultati li baqgħu joperaw fis-suq tal-apparat li jaqra d-diski ottiċi u l-livell tal-multa imposta fuqhom ser tippreġudika l-kapaċità tagħhom li jservu l-konsumaturi f’dan is-suq b’mod sostenibbli; u

ir-rikorrenti jaffaċċjaw sitwazzjoni finanzjarja prekarja, filwaqt li fl-istess ħin jagħmlu sforzi sinjifikattivi sabiex jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji tagħhom.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).