SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

17 ta’ Mejju 2018 ( *1 ) ( 1 )

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta qfief speċjali għar-roti – Raġuni għal invalidità – Inammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Artikolu 52(3) u Artikolu 86(5) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Żvelar tad-disinn preċedenti – Karattru individwali – Impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑760/16,

Basil BV, stabbilita f’Silvolde (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn N. Weber u J. von der Thüsen, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Artex SpA, stabbilita f’San Zeno di Cassola (l-Italja), irrappreżentata minn J. Vogtmeier, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑7 ta’ Lulju 2016 (Każ R 535/2015‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Artex u Basil,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Novembru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Jannar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Jannar 2017,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit‑13 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti, Basil BV, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2

Id-disinn li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”) huwa rriprodott kif ġej:

Image Image Image Image Image Image

3

Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat bin-Numru 142245‑0001. Ir-reġistrazzjoni tiegħu ġiet ippubblikata fil-Bullettin tad-disinni Komunitarji Nru 47/2004, tal‑15 ta’ Ġunju 2004. Sadanittant din ir-reġistrazzjoni ġie estiża sat‑13 ta’ Frar 2019.

4

Id-disinn ikkontestat huwa intiż sabiex jiġi applikat għal “qfief speċjali għar-roti”, li jaqgħu fil-Klassi 03-01 skont il-Ftehim ta’ Locarno, tat‑8 ta’ Ottubru 1968, li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat.

5

Fis‑17 ta’ Ġunju 2013, l-intervenjenti, Artex SpA, ippreżentat mal-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002. Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

6

Fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l-intervenjenti argumentat, b’mod partikolari, li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 u għamlet użu, insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha, minn diversi dokumenti intiżi li jistabbilixxu l-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn preċedenti (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”), jiġifieri, b’mod partikolari:

wieħed mill-katalgi tagħha li fih hemm stampa ta’ qoffa speċjali għar-roti; din l-istampa għandha magħha n-numru tal-oġġett 34.54.50, indikazzjoni tad-daqs tal-prodott inkwistjoni u d-deskrizzjoni tiegħu, jiġifieri “qoffa ta’ wara Speedy tax-xibka”, li tidher f’erba’ lingwi; din l-istampa u l-indikazzjonijiet ta’ magħha huma rriprodotti kif ġej:

Image

diversi fatturi, li jiddataw għas-snin 2000 sa 2002 u li jirrigwardaw il-bejgħ, lil impriżi, ta’ qfief speċjali li fuqhom hemm l-isem Speedy;

katalgu tas-sena 2001 u tliet katalgi tas-sena 2002 minn diversi impriżi Taljani li jinkludu l-istampa ta’ qoffa speċjali għar-roti, li hija rriprodotta kif ġej:

Image

fattura u ordni ta’ kunsinna li jiddataw għall‑20 ta’ Lulju 2000 ta’ impriża Tajlandiża li ġew indirizzati lilha;

riproduzzjoni tal-istand ta’ impriża li fiha kienet esposta qoffa speċjali għar-roti kif ukoll fattura għal wirja f’Köln (il-Ġermanja) fl‑2002.

7

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2015, wara li laqgħet l-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat id-disinn ikkontestat null minħabba l-assenza ta’ karattru individwali tiegħu.

8

Fil‑11 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Essenzjalment, huwa qies, l-ewwel nett, li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata f’dak il-każ mill-intervenjenti kienet ammissibbli, kuntrarjament għal dak li kienet qiegħda targumenta r-rikorrenti, it-tieni nett li d-disinn preċedenti kien ġie żvelat qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, jiġifieri t‑13 ta’ Frar 2004 u, it-tielet nett, li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġustament iddikjarat li d-disinn ikkontestat kien null, għaliex nieqes minn karattru individwali.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10

Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali bagħtet xi domandi lill-partijiet li wieġbu fit-termini mogħtija.

11

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO u, skont il-każ, lill-partijiet l-oħrajn għall-ispejjeż.

12

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fid-dritt

13

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, jiġifieri, l-ewwel nett, ksur tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002, dwar l-inammissibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-tieni nett, ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002, dwar l-iżvelar tad-disinni u, it-tielet nett, ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, dwar il-karattru individwali tad-disinni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002

14

Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-EUIPO kellha tiddikjara t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-intervenjenti inammissibbli, skont l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-Artikolu 86(5) tal-istess regolament.

15

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha dan kien diġà ċaħad talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa fil-konfront tad-disinn ikkontestat. Hija tenfasizza li dawn il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità preċedenti tnedew mill-impriża li għamlet l-applikazzjoni flimkien mal-intervenjenti.

16

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiem l-EUIPO hija inammissibbli jekk qorti ta’ disinni komunitarji tkun iddeċidiet bejn l-istess partijiet fuq applikazzjoni li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża u din id-deċiżjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

18

Issa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

19

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Qrati tad-disinji Komunitarji” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom numru ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u t-tieni istanza, il-qrati tad-disinni Komunitarji, li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom b’dan ir-regolament. Mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jirriżulta għaldaqstant li qorti ta’ disinni komunitarji hija neċessarjament qorti jew tribunal nazzjonali ta’ Stat Membru.

20

Għaldaqstant, l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 ma japplikax meta l-EUIPO jkun diġà ta deċiżjoni, iżda biss meta qorti jew tribunal nazzjonali ta’ Stat Membru tkun għamlet dan.

21

It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-parti li, f’din il-kawża, ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-konfront tad-disinn ikkontestat hija l-istess parti bħal dik li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-konfront tad-disinn ikkontestat fil-kawża preċedenti.

22

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li teżisti konnessjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ każijiet inkwistjoni u kollaborazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ partijiet li ressqu, f’kull wieħed miż-żewġ każijiet, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kif jidher, b’mod partikolari, mill-identiċità tar-rappreżentanti tagħhom u tal-argumenti tagħhom, ma tippermettix li jiġi konkluż li hemm identiċità ta’ partijiet.

23

F’dan ir-rigward, l-intervenjenti indikat, mingħajr dan ma ġie kkontestat matul is-seduta, li l-impriża li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità preċedenti kienet sempliċement il-klijenta tagħha, fatt li ma huwiex biżżejjed sabiex jagħmel lilha u lil din l-impriża l-istess parti waħdanija.

24

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq ma tippermettix li jiġi konkluż li t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inkwistjoni huma ta’ natura abbużiva.

25

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jipprovdi li l-Bord tal-Appell kiser id-dritt tar-rikorrenti għal smigħ suffiċjenti fir-rigward tal-aġir allegatament abbużiv tal-intervenjenti, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma ppermettilhiex tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

26

Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti tinvoka, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, hemm lok jiġi speċifikat li l-Qorti Ġenerali eskludiet l-applikazzjoni ta’ tali dritt għall-bordijiet tal-appell tal-EUIPO, peress li l-proċedimenti quddiem il-bordijiet tal-appell ma humiex ta’ natura ġudizzjarja, iżda ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal‑20 ta’ April 2005, Krüger vs UASI – Calpis (CALPICO), T‑273/02, EU:T:2005:134, punt 62, u tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Comptoir d’Épicure vs UASI – A-Rosa Akademie (da rosa), T‑405/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1072, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta’ sapuna), T‑63/01, EU:T:2002:317, punt 23).

27

Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(5) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprovdu li ma tista’ ssir l-ebda kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat jekk deċiżjoni li tkun saret finali u li tkun diġà ngħatat mill-EUIPO dwar applikazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istess suġġett u l-istess kawża, u tinvolvi l-istess partijiet, ma jirregolawx il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u, b’mod partikolari, il-bordijiet tal-appell tiegħu, iżda l-proċeduri quddiem il-qrati ta’ disinni Komunitarji, kif intqal fil-punt 19 iktar ’il fuq, dawn huma qrati nazzjonali.

28

Filwaqt li huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 u dawk tal-Artikolu 86(5) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhom l-għan li jipprekludu eventwali kunflitti, fil-qasam ta’ invalidità ta’ disinn, bejn id-deċiżjonijiet tal-EUIPO u dawk tal-qrati ta’ disinni Komunitarji, ma jistax jiġi dedott minn dawn l-istess dispożizzjonijiet li r-Regolament Nru 6/2002 jistabbilixxi forma ekwivalenti ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO bejniethom.

29

Fit-tielet lok, applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għas-sitwazzjonijiet meta l-EUIPO jkun diġà ta deċiżjoni fuq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija eskluża.

30

Fil-fatt, ma huwiex stabbilit li din id-dispożizzjoni għandha lakuna inkompatibbli ma’ prinċipju ġenerali tad-dritt li tista’ timtela b’applikazzjoni b’analoġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1985, Krohn, 165/84, EU:C:1985:507, punti 1314).

31

Huwa minnu li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)), u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 56(3) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 63 tar-Regolament 2017/1001), li tagħmel riferiment għalih ir-rikorrenti fir-rikors tagħha (billi ssemmi, bi żball tal-pinna, li hija tikkonferma l-eżistenza tiegħu fis-seduta, l-Artikolu 60(3) tar-Regolament Nru 6/2002), jipprovdi, fil-verżjoni emendata tiegħu bir-Regolament (UE) Nru 2424/2015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibbli meta talba li tirrigwarda l-istess suġġett u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata fuq il-merti tagħha, jew mill-EUIPO jew minn qorti għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u d-deċiżjoni tal-EUIPO jew ta’ dik il-qorti dwar dik it-talba tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

32

Madankollu, minkejja li, fil-qasam ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea, l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni espressa dehret neċessarja għal-leġiżlatur sabiex l-awtorità marbuta mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO tkun tista’ twassal sabiex talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi miċħuda mingħajr ma tiġi eżaminata fil-mertu, tali dispożizzjoni espressa hija għaldaqstant neċessarja wkoll fil-qasam ta’ disinni. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li l-assenza ta’ tali dispożizzjoni tiġi kkumpensata billi jiġi applikat, b’analoġija, l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għad-deċiżjonijiet tal-EUIPO.

33

Barra minn hekk, dispożizzjoni testwali espressa hija iktar u iktar neċessarja sabiex jiġu applikati b’analoġija għad-deċiżjonijiet tal-EUIPO dispożizzjonijiet li huma intiżi japplikaw għal deċiżjonijiet ġudizzjarji “li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata”, fid-dawl tal-fatt li skont ġurisprudenza stabbilita l-proċedimenti quddiem l-EUIPO huma ta’ natura amministrattiva, u mhux ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, TVR Automotive vs UASI – TVR Italia (TVR ITALIA), T‑398/13, EU:T:2015:503, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Forma ta’ sapuna, T‑63/01, EU:T:2002:317, punti 2223).

34

Hemm lok jiżdied li, fil-qasam ta’ disinni Komunitarji, l-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 6/2002, limitat għall-istħarriġ tal-konformità ta’ din l-applikazzjoni mad-definizzjoni tad-disinn li tirriżulta mill-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-osservanza tal-ordni pubbliku. Għall-kumplament, huma applikabbli rekwiżiti formali, esposti fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 6/2002. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament 2017/1001) jistabbilixxu, qabel ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, stħarriġ sostanzjali tal-validità tagħha, ibbażat, fir-rigward tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, fuq l-eżistenza ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Għaldaqstant, fid-dawl tal-livell ta’ stħarriġ tal-validità tad-disinni qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom, il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li jippermettu li jiġi żgurat tali stħarriġ wara din ir-reġistrazzjoni, neċessarjament għandhom importanza differenti fl-istruttura tar-Regolament Nru 6/2002 meta mqabbla ma’ dik li għandhom fl-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009 li għaliha dan il-livell ta’ stħarriġ huwa differenti. Dan jagħmel dejjem iktar delikata kwalunkwe applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għad-deċiżjonijiet tal-EUIPO li allegatament huwa ispirat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002

36

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002 meta rrikonoxxa li d-disinn preċedenti kien is-suġġett ta’ żvelar. Dan il-motiv jinkludi diversi partijiet, l-ewwel waħda, ibbażata fuq il-komunikazzjoni tardiva lill-EUIPO tat-traduzzjoni tal-provi prodotti mill-intervenjenti sabiex jiġi stabbilit l-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn preċedenti, it-tieni waħda, ibbażata fuq in-natura inkonklużiva tal-provi li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuqhom sabiex jikkonkludi li d-disinn preċedenti kien ġie żvelat qabel id-disinn ikkontestat u, it-tielet waħda, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ddetermina ċ-ċirkoli speċjalizzati rilevanti.

Fuq il-komunikazzjoni tardiva tat-traduzzjoni tal-provi prodotti mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO

37

Ir-rikorrenti, li argumentat, fir-rikors tagħha, li l-provi prodotti mill-intervenjenti sabiex tistabbilixxi l-iżvelar tad-disinn preċedenti kienu ġew tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità biss wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal‑21 ta’ Ottubru 2002 li timplimenta r-Regolament Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), bħalma jirriżulta mill-proċess verbal tas-seduta, irtirat dan l-ilment, li għaldaqstant ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuqu.

Fuq in-natura inkonklużiva tal-elementi li bbaża ruħu fuqhom il-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi li kien hemm żvelar lill-pubbliku tad-disinn preċedenti

38

Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-provi li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuqhom ma kinux jippermettu l-konklużjoni li d-disinn preċedenti kien ġie żvelat qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, jiġifieri t‑13 ta’ Frar 2004. Hija targumenta għaldaqstant li l-katalgu tal-intervenjenti, il-fatturi, ir-riproduzzjoni tal-istand tal-impriża u l-katalgi l-oħrajn prodotti mill-intervenjenti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit b’ċertezza l-iżvelar preċedenti.

39

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li dan l-ilment jiġi miċħud.

40

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ħlief jekk dawn il-fatti, fil-prattika normali tal-kummerċ, ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur ikkonċernat li jopera fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, dejjem skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002, id-disinn ma għandux jitqies żvelat lill-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt kundizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.

41

Ir-Regolament Nru 2245/2002 ma jispeċifikax xi provi għandhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-iżvelar tad-disinn preċedenti mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament Nru 2245/2002 sempliċement jipprevedi li, meta t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn Komunitarju li permezz tagħha hija mitluba l-protezzjoni, din għandha tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinn ta’ min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità li tista’ tkun ta’ ostakolu għall-karattru individwali tad-disinn Komunitarju li hija mitluba l-protezzjoni għalih kif ukoll dokumenti li jippruvaw l-iżvelar preċedenti tad-disinn preċedenti. Barra minn hekk, la r-Regolament Nru 6/2002 u lanqas ir-Regolament Nru 2245/2002 ma jispeċifikaw forma obbligatorja għall-provi li għandhom jiġu prodotti minn min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex jiġi ġġustifikat l-iżvelar tad-disinn tiegħu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li hija mitluba l-protezzjoni tiegħu. Għaldaqstant, l-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament Nru 2245/2002 sempliċement jeżiġi li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tinkludi “dokumenti li juru l-eżistenza [tad-disinn preċedenti]” kif ukoll “an indication of the facts, evidence and arguments submitted in support of those grounds [il-fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn [tagħha]]”. Bl-istess mod, l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi biss lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri istruttorji possibbli fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO. Minn dan isegwi li min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa liberu jagħżel il-prova li huwa jqis utli li jippreżenta lill-EUIPO sabiex isostni t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Thun 1794 vs EUIPO – Adekor (Simboli grafiċi dekorattivi), T‑420/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:410, punt 26).

42

Barra minn hekk, l-iżvelar ta’ disinn preċedenti ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ żvelar effettiv tad-disinn preċedenti fis-suq. Barra minn hekk, il-provi prodotti minn min jagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom ikunu evalwati fil-konfront ta’ xulxin. Fil-fatt, filwaqt li uħud minn dawn l-elementi jistgħu jkunu insuffiċjenti waħedhom sabiex juru l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li, meta dawn ikunu assoċjati jew moqrija flimkien ma’ dokumenti jew informazzjoni oħrajn, dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex joħolqu l-prova tal-iżvelar. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veraċità tal-informazzjoni inkluża fih. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li ġie mfassal fihom u d-destinatarju tiegħu, kif ukoll jiġi mistoqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa sensibbli u affidabbli (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Simboli grafiċi dekorattivi, T‑420/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:410, punt 27).

43

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrileva li l-intervenjenti kienet ikkomunikat katalgu, li ġie prodott l-oriġinali tiegħu. F’dan il-katalgu kien hemm l-istampa ta’ qoffa għar-roti bl-isem ta’ Speedy. Din l-istampa kellha n-numru tal-oġġett 34.54.50. L-intervenjenti pproduċiet ukoll iktar minn 100 fattura indirizzata lil diversi impriżi stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Italja. Dawn il-fatturi kellhom id-data tas-snin 2000 sa 2002 u kienu jikkorrispondu mal-bejgħ ta’ iktar minn 25000 qoffa speċjali li fihom kien hemm kemm in-numru tal-oġġett 34.54.50 kif ukoll l-isem Speedy.

44

Il-Bord tal-Appell indika li kien hemm qoffa speċjali simili għal dik imsemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq ukoll f’erba’ katalgi ta’ impriżi oħrajn bid-data tas-snin 2001 u 2002 u kienet tidher fir-riproduzzjoni tal-istand ta’ impriża għal wirja f’Köln fl‑2002.

45

Abbażi ta’ tali elementi, meqjusa fit-totalità tagħhom, il-Bord tal-Appell seta’ ġustament jikkonkludi li d-disinn preċedenti inkwistjoni f’dan il-każ kien is-suġġett ta’ żvelar.

46

Il-konklużjoni preċedenti ma tistax tiġi mminata mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti.

47

Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tqajjem dubji jew riżervi, b’mod partikolari, fir-rigward tad-data u tat-tqassim tal-katalgu msemmi fil-punt 43 iktar ’il fuq kif ukoll fuq l-eżistenza nfisha tal-katalgi msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, fir-rigward tar-rabta bejn in-numru tal-oġġett li jinsab fil-katalgu msemmi fil-punt 43 iktar ’il fuq u n-numru, identiku, li jinsab fuq il-fatturi msemmija wkoll fil-punt 43 iktar ’il fuq jew anki fir-rigward tal-fatt li l-katalgi inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ tqassim jew li l-prodotti riprodotti fih kienu ġew immanifatturati.

48

Tali dubji ma humiex suffiċjenti sabiex jimminaw is-serje ta’ indikazzjonijiet konkordanti miġjuba mill-intervenjenti u aċċettati mill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi li kien hemm żvelar.

49

Barra minn hekk, hemm lok jitfakkar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ taħrika ta’ xhud, li min jagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa liberu jagħżel il-prova li huwa jqis utli li jippreżenta lill-EUIPO sabiex isostni t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

50

Bl-istess mod, hemm lok jitfakkar, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq in-natura mhux konklużiva biżżejjed tal-provi aċċettati mill-Bord tal-Appell, li, matul l-eżami tal-iżvelar ta’ disinn, għandha ssir evalwazzjoni globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).

51

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li, fis-settur inkwistjoni, huwa normali li jintużaw numri tal-oġġetti identiċi għall-prodott tal-mudell preċedenti u dak tal-mudell sussegwenti ma hija pprovata bl-ebda mod.

52

Barra minn hekk, l-EUIPO tindika b’mod konvinċenti li, minkejja li tali allegazzjoni ma tistax tiġi eskluża għal isem ta’ oġġett, ma hijiex realistika għan-numru tal-oġġett, għaliex l-użu tal-istess numru tal-oġġett għall-prodotti ta’ mudelli sussegwenti jagħmilha impossibbli li ssir kwalunkwe distinzjoni bejn dawn il-prodotti fir-rendiment tal-bejgħ, fil-kontabbiltà jew fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ garanzija.

53

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward ta’ allegata manipulazzjoni tad-dokumenti prodotti mill-intervenjenti, dawn ma humiex ipprovati.

54

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-invokazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ wieħed mill-bordijiet tal-appell tal-EUIPO, sa fejn tali lment ma huwiex marbut mal-ewwel motiv li ġie miċħud fil-punt 35 iktar ’il fuq, iżda mal-invokazzjoni tal-prassi deċiżjonali tal-bordijiet tal-appell tal-EUIPO, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet li dawn il-bordijiet huma msejħa jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom. Ġie deċiż li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO kellu, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, iqis id-deċiżjonijiet li diġà ttieħdu fuq applikazzjonijiet simili u jqis b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm lok li jiddeċiedi bl-istess mod jew le. Madankollu, ġie miżjud li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba kellhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Konsegwentement, il-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bl-għan li tikseb deċiżjoni identika. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bl-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod indebitu. Dan l-eżami għandu jitwettaq f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni u maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt motiv għal rifjut (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Issa, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 iktar ’il fuq, dwar is-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, hija applikabbli b’analoġija għall-eżami tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinni (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Termosifuni għal radjaturi, T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 93).

56

F’dan il-każ, bħalma jirriżulta mill-punti 43 sa 45 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament li d-disinn preċedenti kien ġie żvelat. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli, sabiex tinvalida tali konklużjoni, deċiżjoni preċedenti tal-EUIPO.

57

Fi kwalunkwe każ, diversi elementi jiddistingwu din il-kawża mill-kawża invokata mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-intervenjenti pproduċiet numru ħafna ikbar ta’ fatturi milli għamlet ir-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-imsemmija kawża. Barra minn hekk, dawn il-fatturi kienu jagħmlu riferiment għall-isem tad-disinn preċedenti u għal numru tal-oġġett, li kienu fil-katalgu oriġinali fejn kien hemm dan id-disinn. Fl-aħħar nett, ġew ippreżentati wkoll xi katalgi oħrajn minn impriżi oħrajn.

58

Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li tali elementi kienu jippermettu li ż-żewġ kawżi jiġu distinti b’mod suffiċjenti b’mod li jiġġustifikaw li huwa jasal għal konklużjonijiet differenti f’kull waħda minnhom.

59

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

Fuq l-iżball fid-determinazzjoni taċ-ċirkoli speċjalizzati rilevanti

60

Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball fid-determinazzjoni taċ-ċirkoli speċjalizzati rilevanti.

61

Ir-rikorrenti targumenta, fil-kuntest tal-ewwel argument, li l-Bord tal-Appell għamel żball meta qies li n-negozjanti kienu jagħmlu parti miċ-ċirkoli speċjalizzati.

62

Ir-rikorrenti tagħmel ukoll it-tieni argument, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma ddeċidiex b’mod suffiċjenti fuq il-kwistjoni dwar jekk parti notevoli taċ-ċirkoli speċjalizzati kellhiex il-possibbiltà li jkollha konoxxenza tad-disinn ikkontestat u għaldaqstant kiser id-dritt tagħha għal smigħ.

63

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li dan l-ilment għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

64

Fir-rigward tal-ewwel argument tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprevedi li disinn jitqies li ġie żvelat lill-pubbliku fi ħdan l-Unjoni jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-prattika normali tal-kummerċ, dawn il-fatti setgħu ġew magħrufa b’mod raġonevoli fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni, kellu jiġi interpretat fis-sens li seta’ jitqies li disinn mhux irreġistrat seta’, fil-prattika normali tal-kummerċ, ikun raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fl-Unjoni, peress li xi rappreżentazzjonijiet tal-imsemmi disinn kienu tqassmu lin-negozjanti li joperaw f’dan is-settur (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C‑479/12, EU:C:2014:75, punt 30). Tali interpretazzjoni tapplika, b’analoġija, għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 li l-formulazzjoni tiegħu hija simili għal dik tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament u li huwa intiż ukoll li jiddetermina l-elementi rilevanti sabiex tiġi rrikonoxxuta, jew le, l-eżistenza ta’ żvelar li jippermetti li disinn mhux irreġistrat jiġi protett.

65

Għaldaqstant l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

66

Fir-rigward tat-tieni argument, għandu jitfakkar li disinn jitqies li ġie żvelat ladarba l-parti li ssostni l-iżvelar tiegħu tkun ipprovat il-fatti li jikkostitwixxu dan l-iżvelar. Sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, il-parti li tikkontesta l-iżvelar għandha tipprova b’mod suffiċjenti fid-dritt li ċ-ċirkustanzi tal-każ setgħu raġonevolment jimpedixxu li dawn il-fatti jsiru magħrufa fil-kors normali tal-kummerċ miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Senz Technologies vs UASI – Impliva (Umbrelel), T‑22/13 u T‑23/13, EU:T:2015:310, punt 26).

67

F’dan il-każ, bħalma ntqal fil-punt 45 iktar ’il fuq, l-intervenjenti pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-iżvelar tad-disinn preċedenti. Issa, ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu jostakolaw li l-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar ikunu magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat. Peress li hija r-rikorrenti li għandha turi dan u li hija ma pprovatx li għamlet dan quddiem il-Bord tal-Appell, għaldaqstant ma tistax b’mod utli tinvoka l-fatt li dan tal-aħħar ma tax deċiżjoni dwar dan il-punt u lanqas li kiser id-dritt tagħha għal smigħ.

68

Għall-finijiet ta’ kompletezza, l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ ma għandux miegħu preċiżjonijiet suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, dan għandu jiġi miċħud.

69

Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti tinvoka, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fuq l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, tali argument għandu jiġi miċħud billi jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 26 iktar ’il fuq.

70

Għaldaqstant it-tieni argument, kif ukoll it-tielet ilment, għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata l-eżistenza ta’ żvelar lill-pubbliku tad-disinn preċedenti għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, jiġifieri t‑13 ta’ Frar 2004.

72

Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002

73

Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 meta qies li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali.

74

Ir-rikorrenti targumenta għaldaqstant li l-elementi li jvarjaw bejn iż-żewġ disinni f’kunflitt, jiġifieri żewġ linji orizzontali fil-qiegħ tal-qoffa u rettangolu fin-naħa ta’ wara, huma viżibbli għall-utent avżat u jiddominaw l-impressjoni globali prodotta fuq dan tal-aħħar mid-disinn ikkontestat.

75

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

76

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-karattru individwali għandu jiġi evalwat, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat. L-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk kien hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ prijorità. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jispeċifika li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali, il-grad ta’ libertà tal-kreatur fit-tfassil ta’ dan id-disinn (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs UASI – Villeroy & Boch (Vit b’liver wieħed), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 15).

77

Konformement mal-ġurisprudenza, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbla ma’ kull preċedent fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, mingħajr ma jitqiesu differenzi li, minkejja li ma humiex sempliċement dettalji irrilevanti, ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, iżda jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement sinjifikattivi sabiex joħolqu impressjonijiet globali li ma jixxiebhux (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’liver wieħed, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 16).

78

Fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn meta mqabbel ma’ kull preċedent fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodott li japplika għalih id-disinn jew li huwa inkorporat fih u, b’mod partikolari, tal-qasam industrijali li jaqa’ fih (ara l-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002), tal-grad ta’ libertà tal-kreatur fit-tfassil tad-disinn, ta’ eventwali saturazzjoni tal-livell ta’ eċċellenza, li tista’ tkun ta’ natura li tagħmel lill-utent avżat iktar sensittiv għad-differenzi bejn id-disinni mqabbla, kif ukoll tal-mod kif huwa użat il-prodott inkwistjoni, b’mod partikolari skont tibdiliet li normalment isirulu f’din l-okkażjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’liver wieħed, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 17).

79

Fl-aħħar nett, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-perspettiva tal-utent avżat. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-utent avżat huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-livell ta’ eċċellenza preċedenti, jiġifieri tal-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat, jew jekk ikun il-każ, fid-data li fiha tintalab il-prijorità (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’liver wieħed, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

F’dan il-każ, l-utent avżat ġie ddefinit ġustament mill-Bord tal-Appell, mingħajr dan barra minn hekk ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, bħala li huwa persuna mdorrija bi qfief speċjali għar-roti li, mingħajr ma hija disinjatur jew espert tekniku, taf id-diversi disinni li jeżistu fis-settur ikkonċernat u għandha ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li normalment ikollhom dawn id-disinni (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

81

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies ukoll, ġustament, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, li l-libertà tal-kreatur fit-tfassil tal-qfief speċjali għar-roti kienet limitata minn limitazzjonijiet tekniċi, peress li l-qfief speċjali għar-roti jridu jeħlu mar-rota u jridu jkunu jistgħu jżommu oġġetti mingħajr dawn tal-aħħar ma jaqgħu meta tinstaq ir-rota, iżda li l-kreatur seta’ jagħżel bejn numru kbir ta’ kuluri, ta’ materjali (pereżempju tal-plastik, metall, tal-kejn jew drapp) u ta’ forom (tonda, ovali jew kwadra) tal-qoffa (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

82

Il-Bord tal-Appell irrileva sussegwentement, mingħajr ma wettaq żball, li l-qfief inkwistjoni kellhom mill-inqas diversi karatteristiċi l-istess (punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri l-fatt li:

il-materjali taż-żewġ qfief kienu xibka tal-ħadid;

iż-żewġ qfief speċjali għar-roti kienu rettangolari;

it-truf ta’ fuq taż-żewġ naħat laterali kienu inklinati ’l quddiem;

kellha nofs l-għoli tan-naħa ta’ wara;

il-bordura mad-dawra tal-qoffa kollha kienet tgħaddi minn fuq in-naħa ż-żgħira l-iktar baxxa.

83

Il-Bord tal-Appell ikkonstata wkoll, ġustament, li d-disinni f’kunflitt kienu differenti fil-fatt li d-disinn ikkontestat kien jinkludi żewġ elementi, jiġifieri żewġ linji orizzontali fil-qiegħ u rettangolu fin-naħa ż-żgħira ta’ wara, li d-disinn preċedenti ma kellux (punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

84

Il-Bord tal-Appell qies li l-utent informat jara ż-żewġ linji orizzontali fil-qiegħ tad-disinn ikkontestat bħala rinfurzar tal-qoffa. Huwa qies ukoll li l-utent informat jara r-rettangolu fin-naħa ż-żgħira ta’ wara tad-disinn ikkontestat bħala tag għall-isem, li dawn l-elementi ma kinux jiddominaw l-istampa globali tal-qoffa speċjali għar-roti u li l-utent kien jara għaldaqstant fid-disinni f’kunflitt l-istess forma, l-istess materjal u l-istess kwalitajiet estetiċi. Huwa kkonkluda li d-disinni f’kunflitt kienu jipproduċu l-istess impressjoni globali u li d-differenzi limitati tagħhom ma kinux jippermettu li jiġi kkonstatat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha fil-punti preċedenti, li għandhom jiġu approvati, hemm lok jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell seta’ jikkonkludi, ġustament, abbażi tal-provi li huwa aċċetta, li d-disinni f’kunflitt kienu jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat u li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali.

86

Ir-rikorrenti, fir-rikors tagħha, ma tinvoka ebda argument li jippermetti li tiġi mminata l-konklużjoni esposta fil-punt 85 iktar ’il fuq.

87

Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

88

Hemm lok jiżdied, f’dak li jirrigwarda l-argumenti ppreżentati matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, li r-rikorrenti tagħmel riferiment għalihom, b’mod partikolari fil-punti 61, 66 u 82 tar-rikors tagħha, li, minkejja li r-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’referenzi għal estratti ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali. Għaldaqstant l-annessi ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw motiv espost sommarjament fir-rikors billi jitressqu lmenti jew argumenti li ma humiex fir-rikors (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, EU:T:2007:22, punt 167). Dawn l-argumenti għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

89

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

90

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Basil BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Mejju 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Fil-kliem prinċipali ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.