SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – SEAE – Remunerazzjoni – Uffiċjali assenjati fid-delegazzjoni ta’ Beijing – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Qabża tal-limitu massimu stabbilit għall-pajjiżi terzi – Deċiżjoni li jiġi stabbilit limitu massimu għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi f’każijiet eċċezzjonali – DĠI”

Fil-Kawża T-729/16,

PO, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea,

PP, uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

PQ, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea,

PR, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea,

inizjalment irrappreżentati minn N. de Montigny u J.-N. Louis, u sussegwentement minn N. de Montigny, avukati,

rikorrenti,

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u R. Spac, bħala aġenti, assistiti minn M. Troncoso Ferrer, F.-M. Hislaire u S. Moya Izquierdo, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas-SEAE li għas-sena skolastika 2015/2016, ma jirrimborsax lir-rikorrenti għall-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-ammont li jikkorrispondi għal-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi (sitt darbiet il-limitu bażiku), miżjud b’EUR 10000 (total ta’ EUR 27 788.40),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-30 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-miżuri kkontestati

1

Ir-rikorrenti, PO, PP, PQ u PR, kienu ġew assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiċ-Ċina f’Beijing bħala membri tal-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

A. PO

2

Fis-26 ta’ Awwissu 2011, PO ġie assenjat lid-Delegazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċina f’Beijing fl-interess tas-servizz. Meta wasal fiċ-Ċina, huwa rreġistra lit-tfal tiegħu fil-British School of Beijing.

3

Fid-9 ta’ Settembru 2015, skont l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), PO talab ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi (allowance tal-edukazzjoni B) għas-sena 2015/2016 li qabżu l-limitu massimu li din id-dispożizzjoni tipprovdi għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz, li jikkorrispondi għal sitt darbiet il-limitu bażiku għal allowance tal-edukazzjoni skont l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-“limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi”). Għas-sena 2015/2016, il-limitu bażiku tal-allowance tal-edukazzjoni kien ta’ EUR 260.95 fix-xahar għal kull tifel/tifla u l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi kien ta’ EUR 1 565.70 fix-xahar, jiġifieri EUR 18 788.40 fis-sena.

4

Fis-17 ta’ Diċembru 2015, PO rċieva posta elettronika mill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) li informatu bil-fatt li r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal kull tifel/tifla kien limitat għal livell li jikkorrispondi għall-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000 (EUR 28 788.40 fis-sena). Id-differenza bejn l-allowances skolastiċi li rċieva PO u l-ispejjeż skolastiċi sostnuti minnu għat-tfal tiegħu għas-sena skolastika 2015/2016 kienet tammonta għal EUR 17 330.11.

5

Fis-7 ta’ Marzu 2016, wara talba ta’ PO, dan tal-aħħar ġie informat bil-fatt li l-“posta elettronika tat-21 ta’ Diċembru 2015” kienet tikkostitwixxi d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li fir-rigward tagħha huwa seta’ jressaq ilment.

6

Fl-15 ta’ Marzu 2016, PO ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra l-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015.

7

Fil-5 ta’ Lulju 2016, l-Awtorità tal-Ħatra adottat deċiżjoni li tiċħad l-ilment ta’ PO.

B. PP

8

Fl-1 ta’ Awwissu 2015, PP ġie assenjat lid-Delegazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċina f’Beijing fl-interess tas-servizz. Fid-dawl tal-wasla tiegħu fiċ-Ċina, fid-19 ta’ Mejju 2015, huwa rreġistra lit-tfal tiegħu fid-Dulwich College Beijing.

9

Fil-25 ta’ Awwissu 2015, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, PP talab ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi (allowance tal-edukazzjoni B) għas-sena 2015/2016 li jaqbżu l-limitu massimu stabbilit għall-pajjiżi terzi.

10

Fis-17 ta’ Diċembru 2015, PP rċieva posta elettronika mill-Awtorità tal-Ħatra, li informatu bil-fatt li r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal kull tifel/tifla kien limitat għal livell li jikkorrispondi għall-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000. Minn referenza fit-tmiem ta’ din il-posta elettronika jirriżulta li din tal-aħħar intbagħtet biss b’għan informattiv u ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-differenza bejn l-allowances tal-edukazzjoni li rċieva PP u l-ispejjeż skolastiċi sostnuti minnu għat-tfal tiegħu għas-sena skolastika 2015/2016 kienet tammonta għal EUR 23 791.93.

11

Fil-21 ta’ Diċembru 2015, fuq talba ta’ PP, l-Awtorità tal-Ħatra kkonfermat li huwa kien ser jirċievi biss somma għal kull tifel/tifla li tikkorrispondi għal-limitu massimu stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000.

12

Fit-13 ta’ Jannar 2016, PP informa lill-Awtorità tal-Ħatra bil-konsegwenzi finanzjarji li kienu ser jirriżultaw għalih u talab sabiex jirċievi d-deċiżjoni finali.

13

Fl-14 ta’ Jannar 2016, PP ġie informat bil-fatt li d-deċiżjoni finali kienet il-posta elettronika tal-21 ta’ Diċembru 2015.

14

Fis-16 ta’ Marzu 2016, PP ippreżenta lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra l-posta elettronika tal-21 ta’ Diċembru 2015 u, sa fejn kien neċessarju, kontra l-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015 u r-rendikont tal-paga tiegħu ta’ Frar 2016.

15

Fil-5 ta’ Lulju 2016, is-SEAE adotta deċiżjoni li ċaħdet l-ilment ta’ PP.

C. PQ

16

Fl-2015, PQ ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal pożizzjoni fid-delegazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċina, f’Beijing. Fid-19 ta’ Ottubru 2015, ġie propost lilu sabiex jokkupa din il-pożizzjoni mill-1 ta’ Jannar 2016.

17

Fid-19 ta’ Novembru 2015, PQ talab ħlas bil-quddiem tal-allowance tal-edukazzjoni kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi (allowance tal-edukazzjoni B), għas-sena 2015/2016 li jaqbżu l-limitu massimu stabbilit għall-pajjiżi terzi, abbażi tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

18

Fis-17 ta’ Diċembru 2015, PQ irċieva posta elettronika tal-Awtorità tal-Ħatra li informatu bil-fatt li r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal kull tifel/tifla kien limitat għal livell li jikkorrispondi għall-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000. Minn referenza fit-tmiem din il-posta elettronika jirriżulta li din tal-aħħar intbagħtet biss b’għan informattiv u ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ammont tal-ispejjeż skolastiċi kien ġie kkalkolat prorata għal tmien xhur fuq tnax.

19

Meta wasal fiċ-Ċina fl-1 ta’ Jannar 2016, PQ irreġistra lit-tfal tiegħu fil-Western Academy of Beijing. Id-differenza bejn l-allowances tal-edukazzjoni li rċieva PQ u l-ispejjeż skolastiċi sostnuti minnu għas-sena skolastika 2015/2016 kienet ta’ EUR 10,011.94.

20

Fl-14 ta’ Marzu 2016, PQ ippreżenta lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra l-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015.

21

Fil-5 ta’ Lulju 2016, is-SEAE adotta deċiżjoni li ċaħdet l-ilment ta’ PQ.

D. PR

22

Fl-14 ta’ Awwissu 2013, PR bdiet l-funzjonijiet tagħha fid-delegazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċina, f’Beijing. Meta waslet fiċ-Ċina, hija rreġistrat lil tnejn mit-tfal tagħha fil-Western Academy of Beijing.

23

Fil-25 ta’ Settembru 2015, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, PR talbet ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi (allowance tal-edukazzjoni B) għas-sena 2015/2016 li jaqbżu l-limitu massimu stabbilit għall-pajjiżi terzi.

24

Fis-17 ta’ Diċembru 2015, PR irċeviet posta elettronika mill-Awtorità tal-Ħatra, li informatha bil-fatt li r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal kull tifel/tifla kien limitat għal livell li jikkorrispondi għall-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000. Minn referenza fit-tmiem ta’ din il-posta elettronika jirriżulta li din tal-aħħar intbagħtet biss b’għan informattiv u ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-differenza bejn l-allowances tal-edukazzjoni li tirċievi PR u l-ispejjeż skolastiċi sostnuti minnha għat-tfal tagħha għas-sena skolastika 2015/2016 kienet ta’ EUR 17 960.45.

25

Fis-7 ta’ Jannar 2016, wara talba, l-Awtorità tal-Ħatra kkonfermat lil PR li l-ammont li kienet ser tirċievi għall-allowance tal-edukazzjoni għal kull tifel/tifla ma kienx ser jaqbeż il-livell li jikkorrispondi għal-limitu massimu stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000.

26

Fl-4 ta’ Marzu 2016, PR talbet li tintbagħtilha deċiżjoni uffiċjali.

27

Fis-7 ta’ Marzu 2016, PR irċeviet posta elettronika tal-Awtorità tal-Ħatra, li informatha li l-att li jikkawża preġudizzju kienet il-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015.

28

Fit-12 ta’ Marzu 2016, PR ippreżentat ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra l-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015.

29

Fil-5 ta’ Lulju 2016, is-SEAE adotta deċiżjoni li ċaħdet l-ilment ta’ PR.

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

31

Fis-6 ta’ Jannar 2017, is-SEAE ppreżenta r-risposta tiegħu.

32

Fid-9 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika tagħhom.

33

Fit-3 ta’ Mejju 2017, is-SEAE ppreżenta l-kontroreplika tiegħu.

34

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lis-SEAE sabiex jippreżenta xi dokumenti. Is-SEAE kkonforma ma’ din it-talba.

35

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2018.

36

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla lid-Deċiżjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2015“li jiġu limitati għal EUR 10000 l-ispejjeż skolastiċi sostnuti minnhom”;

sa fejn ikun neċessarju, tannulla:

il-posta elettronika tal-21 ta’ Diċembru 2015;

kull posta elettronika oħra li tikkonferma lid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2015;

il-formoli ta’ evalwazzjoni tal-allowance tal-edukazzjoni;

ir-rendikonti tal-paga li jsemmu l-ammont tal-allowance tal-edukazzjoni li ngħatat;

sa fejn ikun neċessarju, tannulla lid-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti tagħhom tal-5 ta’ Lulju 2016;

tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż.

37

Is-SEAE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara lir-rikors ammissibbli, iżda infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-istanza.

III. Id-dritt

38

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE, tas-26 ta’ Lulju 2010, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE (ĠU 2010, L 201, p. 30), is-SEAE huwa korp tal-Unjoni Ewropea funzjonalment awtonomu, isseparat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea, u li għandu l-kapaċità legali meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu u jilħaq l-objettivi tiegħu.

39

Abbażi tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2010/427, ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, japplikaw għall-aġenti tas-SEAE. Minn naħa tiegħu, l-Artikolu 1B(a) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, sakemm mhux previst mod ieħor, is-SEAE huwa assimilat, għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

40

Fir-rigward tal-għan tat-talbiet għall-annullament tar-rikorrenti, għandu jiġi nnotat li dawn tal-aħħar jikkonċernaw prinċipalment lill-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015 kif ukoll lid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti u li huwa biss “sa fejn ikun neċessarju” li r-rikorrenti għandhom jitolbu l-annullament tal-posta elettronika sussegwenti għal dik tas-17 ta’ Diċembru 2015, tal-formoli ta’ evalwazzjoni tal-allowance tal-edukazzjoni, u tar-rendikonti tal-paga li jsemmu l-ammont tal-allowance tal-edukazzjoni rċevuta. Fid-dawl tal-għan tat-talbiet għal annullament, fl-ewwel lok, ser ikunu eżaminati t-talbiet għall-annullament li jikkonċernaw lill-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti u, fit-tieni lok, it-talbet għall-annullament l-oħra.

A. Fuq it-talbiet għall-annullament li jikkonċernaw lill-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015 u d-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti

41

Insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tal-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015 kif ukoll tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

42

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, huma jsostnu li, peress li l-każijiet tagħhom huma eċċezzjonali, huma kellhom dritt għal rimbors sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi skont l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan id-dritt ma setgħax jiġi limitat minn kunsiderazzjonijiet ta’ ordni baġitarja. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, huma jsostnu wkoll li f’kull każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu bbażati fuq dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni (iktar ’il quddiem, id-“DĠI”), li s-SEAE kellu jadotta konformement mal-proċedura prevista mill-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

43

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-linji gwida tas-SEAE li jikkonċernaw l-allowances tal-edukazzjoni (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

44

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipji tad-dritt primarju, bħalma huma d-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal ħajja tal-familja, id-dritt għall-edukazzjoni, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif ukoll il-prinċipju tad-drittijiet miksuba u tal-aspettattivi leġittimi.

45

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

46

Fl-ewwel lok, għandu jiġi analizzat l-argument imressaq minn PR fil-kuntest tar-raba’ motiv, li huwa bbażat fuq il-fatt li, fid-dawl tal-argumenti li kienet ressqet, il-motivazzjoni li tidher fil-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015 u fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha ma hijiex suffiċjenti.

47

Fit-tieni lok, ser ikunu eżaminati l-argumenti li r-rikorrenti żviluppaw fil-kuntest tar-raba’ motiv u li huma intiżi sabiex juru li l-kunsiderazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, li tipprovdi li l-każijiet tagħhom ma humiex eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal hija vvizzjata minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

48

Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ motivi intiżi li juru li, peress li dawn kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, is-SEAE kien obbligat iħallas l-ispejjeż skolastiċi sħaħ li jaqbżu l-limitu massimu stabbilit għall-pajjiżi terzi.

49

Fir-raba’ lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ motivi li jirrigwardaw il-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi li wettqet l-Awtorità tal-Ħatra fil-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015.

50

Fil-ħames lok, għandhom jiġu analizzati l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati b’mod partikolari fil-kuntest tal-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li s-SEAE kellu jadotta DĠI.

1.   Fuq l-argument ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti

51

Fil-kuntest tar-raba’ motiv, PR issostni li, fid-dawl tal-motivi li hija kienet ressqet, il-motivazzjoni tal-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015 u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha ma hijiex suffiċjenti. L-Awtorità tal-Ħatra ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li hija kienet invokat fit-talba tagħha għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi, li jiġġustifikaw rimbors sħiħ ta’ dawl l-ispejjeż. Ir-reġistrazzjoni tat-tfal tagħha fil-Western Academy of Beijing hija ġġustifikata, fil-fehma tagħha, min-neċessità, għat-tfal tagħha, li jżommu u jtejbu l-livell tagħhom fil-lingwa materna Olandiża, fid-dawl tal-fatt li t-tfal tagħha kienu inizjalment edukati bl-Olandiż u probabbilment kienu ser ikomplu l-edukazzjoni tagħhom b’din il-lingwa jekk jirritornaw lura fis-snin li ġejjin.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi biss repetizzjoni tal-obbligu ġenerali stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-interessat indikazzjoni biżżejjed sabiex jevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawża preġudizzju fil-konfront tiegħu u l-opportunità li jippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil dan tal-aħħar li jistħarreġ il-legalità tal-att (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad l-ilment għandha tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha kien sar l-ilment u tista’ tikkompleta lil din il-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2015, Trentea vs FRA, T‑107/13 P, EU:T:2015:20, punt 77).

54

Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ta’ PR, għandu jiġi nnotat li, b’mod partikolari fil-paġni 21 u 22 ta’ din id-deċiżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra esponiet, essenzjalment, li anki f’xi każijiet eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jeżistix l-obbligu awtomatiku għas-SEAE li tirrimborsa l-ammont sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi sostnuti li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Din indikat ukoll li hija kellha d-dritt li tikkunsidra r-restrizzjonijiet baġitarji. Barra minn hekk, fil-paġni 20 u 21 ta’ din id-deċiżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra ppreċiżat li d-dritt għall-edukazzjoni abbażi tal-Artikolu 14(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jkoprix l-edukazzjoni fi skola privata.

55

Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-motivi ppermettew lil PR tifhem ir-raġunijiet għalfejn, minkejja ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li hija kienet invokat fit-talba tagħha għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, l-Awtorità tal-Ħatra kienet iddeċidiet li ma tħallasx lura l-ammont sħiħ ta’ dawn l-ispejjeż. Dawn il-motivi ppermettew ukoll lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

56

Għaldaqstant, il-motiv ta’ PR ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

2.   Fuq l-argumenti intiżi sabiex juru li l-kunsiderazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tgħid li l-każijiet tar-rikorrenti ma kinux eċċezzjonali hija vvizzjata minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

57

Uħud mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv jissuġġerixxu li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ikkunsidrat inġustament li l-każijiet tar-rikorrenti ma kinux eċċezzjonali u li din il-kunsiderazzjoni kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li dawn l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx ikkunsidrat li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

59

Issa, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tipprevedi li, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra, l-uffiċjal għandu jirċievi allowance tal-edukazzjoni biex ikopri l-ispejjeż attwali tal-edukazzjoni li ntefqu, bil-pagament jitħallas fuq il-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali deċiżi mill-Awtorità tal-Ħatra, din l-allowance ma tistax taqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Kif tindika l-aħħar sentenza, l-Awtorità tal-Ħatra hija għalhekk intitolata li tagħti rimbors li jaqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi biss f’każijiet eċċezzjonali f’dan is-sens.

60

Kif jirriżulta mill-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015, l-ammont irrimborsat mis-SEAE għall-ispejjeż skolastiċi tat-tfal tagħhom jaqbeż il-limitu massimu stabbilit. Minn dan isegwi li l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat li l-każijiet tar-rikorrenti kienu eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

61

Il-premessa tar-rikorrenti li tgħid li l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx ikkunsidrat li huma jinsabu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali hija għaldaqstant żbaljata. Għalhekk, l-argumenti tagħhom għandhom jiġu miċħuda.

3.   Fuq l-argumenti intiżi sabiex juru li l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta sabiex tirrimborsa l-ammont sħiħ lir-rikorrenti tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi

62

Peress li r-rikorrenti jqisu li l-każijiet tagħhom huma eċċezzjonali, l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta sabiex tirrimborsa l-ammont sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Insostenn ta’ dan l-argument, huma jressqu, fl-ewwel lok, argumenti intiżi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u, fit-tieni lok, xi argumenti bbażati fuq il-linji gwida.

a)   Fuq l-argumenti intiżi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal

63

Ir-rikorrenti jsostnu li, abbażi tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta li tirrimborsa l-ammont sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi tagħhom li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Il-każijiet tagħhom huma eċċezzjonali minħabba l-fatt li, fil-fehma tagħhom, il-forom ta’ tagħlim f’Beijing li kienu adatti għat-tfal tagħhom iġġeneraw spejjeż skolastiċi li qabżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Insostenn tal-argument tagħhom, huma jsostnu argumenti bbażati fuq il-kliem tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u tax-xogħol preparatorju tal-imsemmi anness kif ukoll fuq l-argumenti bbażati fuq interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tad-drittijiet tat-tfal, tad-dritt għall-ħajja tal-familja, tad-dritt għall-edukazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1) Fuq l-argumenti bbażati fuq il-kliem tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u tax-xogħol preparatorju tal-imsemmi anness

64

Fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti, l-Awtorità tal-Ħatra esponiet, essenzjalment, li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix id-dritt inkundizzjonat għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi u li, ’il fuq minn dan il-limitu massimu, hija kellha d-dritt li tillimita l-allowance tal-edukazzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-baġit disponibbli.

65

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal hija żbaljata. Dan l-artikolu ma jippermettix li jiġi limitat ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi f’każijiet eċċezzjonali, li fihom l-uniċi forom ta’ tagħlim adattati għat-tfal ta’ uffiċjali f’delegazzjoni li huma disponibbli fl-Istat terz inkwistjoni jiġġeneraw spejjeż li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, huma jsostnu li l-kliem tat-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu ma jipprevedix limiti għall-ammont tal-allowances tal-edukazzjoni li għandhom jitħallsu f’każijiet eċċezzjonali u jinvokaw ix-xogħol preparatorju tal-imsemmi anness.

66

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-allowances tal-edukazzjoni huma intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż skolastiċi attwali. Madankollu, għandu jiġi nnotat ukoll li, abbażi tat-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, bħala prinċipju, l-ammont tal-allowances skolastiċi ma jistax jaqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Ċertament, din is-sentenza tipprevedi wkoll li, f’każijiet eċċezzjonali, l-imsemmi limitu massimu jista’ jinqabeż. Madankollu, il-kliem ta’ din is-sentenza ma jippermettix li jiġi ddeterminat sa fejn l-allowances tal-edukazzjoni għandhom ikopru l-ispejjeż skolastiċi li huma neċessarji sabiex tingħata forma ta’ tagħlim xierqa.

68

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar x’jikkostitwixxi każ eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi nnotat li mix-xogħol preparatorju ta’ dan l-anness, jirriżulta li dan l-artikolu huwa intiż sabiex jitwettaq l-għan li jkun permess għat-tfal tal-uffiċjali tal-Unjoni li jirċievu tagħlim mingħajr ħlas u jipprevedi li jiġi evitat li uffiċjal li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu barra mill-Unjoni jbati minn diskriminazzjoni fuq dan il-punt. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll li dan ix-xogħol preparatorju jibda mill-prinċipju li l-forom ta’ tagħlim pubbliku mingħajr ħlas disponibbli fil-pajjiż tal-impjieg ma humiex neċessarjament adattati għat-tfal tal-uffiċjali tal-Unjoni. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li l-forom ta’ tagħlim li huma disponibbli f’pajjiż terz u li huma adattati għat-tfal tal-uffiċjali tal-Unjoni jistgħu jkunu limitati u għoljin ħafna, u li l-possibbiltà li jinqabeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi stabbilit mit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal inħoloq sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni tali sitwazzjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti jinsabu f’sitwazzjonijiet li fihom il-possibbiltà li jinqabeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi kienet prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

69

Madankollu, bil-kontra ta’ dak li jinvokaw ir-rikorrenti, mix-xogħol preparatorju tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi dedott li t-tieni sentenza tal-Artikolu 15 ta’ dan l-Anness għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’xi każijiet eċċezzjonali fis-sens ta’ din is-sentenza, jeżisti dritt illimitat għar-rimbors tal-ammont sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

70

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-imsemmi xogħol, il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi ġie introdott sabiex jiġu evitati spejjeż eċċessivi li jirriżultaw mir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi. Issa, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ dan il-limitu massimu u tad-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tgħid li, bħala prinċipju, li r-rimborsi tal-allowances skolastiċi ma għandhomx jaqbżu lil dan il-limitu. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ispejjeż tal-edukazzjoni sabiex jinkiseb tagħlim adattat f’pajjiż terz jistgħu jiddependu fuq fatturi li ma humiex taħt il-kontroll tas-SEAE, bħar-rata tal-kambju jew mid-domanda għal tali forom ta’ tagħlim. Billi stabbilixxa l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jevita li xi spejjeż eċċessivi li jistgħu jirriżultaw minn tali fatturi jkunu ta’ piż għall-baġit tas-SEAE. Issa, interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li, f’każijiet eċċezzjonali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeżisti dritt illimitat għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, indipendentement mill-konsegwenzi għall-baġit tas-SEAE, ma tiħux inkunsiderazzjoni lil dan il-għan.

71

Barra minn hekk, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi biss ir-rimbors tal-parti mill-ispejjeż skolastiċi li taqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi li tirriżulta mill-fatt li, filwaqt li jkunu jeżistu stabbilimenti li joffru tagħlim adattat fejn l-ispejjeż skolastiċi jkunu inqas għoljin, il-membri tal-persunal tas-SEAE jagħżlu li jirreġistraw lit-tfal tagħhom fi stabbiliment li jeżiġi spejjeż skolastiċi ogħla. Fil-fatt, kieku l-leġiżlatur xtaq jillimita ruħu sabiex jeskludi biss ir-rimbors ta’ din il-parti tal-ispejjeż skolastiċi, setgħa jindika dan.

72

Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, la l-kliem tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas ix-xogħol preparatorju ta’ dan l-anness ma jimponu interpretazzjoni tat-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu fis-sens li, f’xi każijiet eċċezzjonali fis-sens ta’ din is-sentenza, jeżisti dritt għar-rimbors sħiħ u illimitat tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Bil-kontra, din is-sentenza għandha tiġi interpretata fis-sens li, fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet baġitarji.

73

Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq il-kliem tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u tax-xogħol preparatorju ta’ dan l-anness, għandhom jiġu miċħuda.

2) Fuq l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

74

Fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti ta’ PO u PP, l-Awtorità tal-Ħatra esponiet li l-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi tar-rikorrenti, sa ammont li jikkorrispondi għal-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000 ma kienx kuntrarju għall-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti. Dawn tal-aħħar ma rċevewx assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li kienu ser jiksbu rimbors sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi għat-tul ta’ żmien tal-assenjazzjoni tagħhom fiċ-Ċina.

75

Ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet kweżiti tagħhom u tal-aspettattivi leġittimi tagħhom, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jipprekludu l-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi tagħhom.

76

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

77

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi emenda tar-regoli applikabbli mingħajr diskussjoni jew informazzjoni minn qabel u mingħajr miżuri tranżitorji, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma ġiex emendat. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mis-SEAE waqt is-seduta, u li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, il-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi għal EUR 10000 kienet diġà ġiet applikata għall-ispejjeż skolastiċi għas-sena 2014/2015. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

78

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-drittijiet kweżiti tar-rikorrenti, biżżejjed jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova li tista’ turi li huma jiddisponu minn dritt kweżiti għar-rimbors totali tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi għas-sena skolastika 2015/2016. Bil-kontra, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti ta’ PO u PP, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għas-snin skolastiċi preċedenti, is-SEAE kien ħa ħsieb li jippreċiża li dawk id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw biss lis-sena skolastika inkwistjoni u li dawn ma kienu jagħtu ebda dritt għas-snin skolastiċi futuri. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

79

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, it-tieni nett, li dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li joħolqu aspettattiva leġittima fil-persuna li huma indirizzati lejha u, it-tielet nett, li l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Righini vs Il‑Kummissjoni, T‑145/04, EU:T:2005:395, punt 130).

80

Issa, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-kontenut tal-linji gwida, li jipprevedu li t-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi jiġu eżaminati abbażi tal-baġit disponibbli, is-sempliċi fatt li, fil-passat, ir-rikorrenti setgħu jirċievu allowances tal-edukazzjoni li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi u li jkopru l-ispejjeż sħaħ tat-tagħlim ma jistax fih innifsu jitqies bħala assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq. Dan huwa iktar minnu meta, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tiegħu li jirrigwardaw talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għas-snin skolastiċi preċedenti, is-SEAE kien ħa ħsieb li jippreċiża li d-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw biss lis-sena skolastika inkwistjoni u li dawn ma kienu jagħtu l-ebda dritt għas-snin skolastiċi futuri (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

81

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ngħataw f’nofs is-sena skolastika, filwaqt li l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni kienu diġà tħallsu mill-uffiċjali. F’dak il-mument ma setgħux jirreaġixxu iktar.

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, essenzjalment, dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li, qabel ir-reġistrazzjoni tat-tfal tagħhom fl-iskejjel inkwistjoni, huma kellhom id-dritt li jistrieħu fuq il-fatt li l-ammont sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi, inkluż l-ammont li jaqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, kien ser ikun irrimborsat lilhom. Issa, hekk kif diġà ġie espost fil-punti 77 sa 80 iktar ’il fuq, ma teżistix bażi valida għal tali aspettattivi. Għaldaqstant, dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

83

Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, la l-prinċipju ta’ ċertezza legali, la l-prinċipju ta’ osservanza tad-drittijiet kweżiti tagħhom jew tal-aspettattivi leġittimi tagħhom, u lanqas il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma kienu jipprekludu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tillimita r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

3) Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

84

Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv u tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jressqu argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, huwa pprojbit li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, EU:C:1990:270, punt 25).

86

L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u n-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. F’dan il-kuntest, għandhom barra minn hekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

87

Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata jekk tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47).

88

Fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Hija ma ttrattatx sitwazzjonijiet identiċi b’mod differenti. L-uffiċjali fid-delegazzjoni ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħal dawk l-uffiċjali assenjati fis-sede ta’ Brussell (il-Belġju). Huwa minħabba din ir-raġuni li l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi regoli speċifiċi għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz.

89

Ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati.

90

Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-uffiċjali f’delegazzjoni huma ttrattati bl-istess mod bħall-uffiċjali li jinsabu fis-sede, filwaqt li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti.

91

Is-SEAE jikkontesta dan l-argument.

92

L-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 101a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Anness X ta’ dawn ir-Regolamenti jiddetermina d-dispożizzjonijiet speċifiċi u ta’ deroga applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz u dan l-Anness jipprovdi regoli speċifiċi dwar l-allowances tal-edukazzjoni li jirċievu l-imsemmija uffiċjali, li huma differenti minn dawk applikabbli għall-uffiċjali li jaħdmu fis-sede. Fil-fatt, l-Artikolu 15 tal-Anness X mhux biss jipprevedi li l-limitu massimu għall-imsemmija allowances jikkorrispondi għal sitt darbiet il-limitu massimu bażiku għall-allowances tal-edukazzjoni abbażi tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda jipprevedi wkoll il-possibbiltà li dan il-limitu massimu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-uffiċjali assenjati f’delegazzjoni ma humiex ittrattati bl-istess mod bħall-uffiċjali assenjati fis-sede.

93

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, filwaqt li kemm l-uffiċjali assenjati fis-sede kif ukoll l-uffiċjali fid-delegazzjoni jiddisponu minn dritt għat-tagħlim mingħajr ħlas tat-tfal tagħhom, huma ttrattati b’mod differenti peress li għat-tfal tal-uffiċjali fid-delegazzjoni, ir-rimbors tal-allowances tal-edukazzjoni jistgħu jiġu limitati.

94

Is-SEAE jikkontesta dan l-argument.

95

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie espost fil-punt 92 iktar ’il fuq, minn naħa, il-limitu massimu legalment stabbilit għall-uffiċjali f’delegazzjoni huwa ogħla minn dak stabbilit għall-uffiċjali assenjati fis-sede u, min-naħa l-oħra, il-limitu massimu għall-uffiċjali f’delegazzjoni jista’ jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali, filwaqt li tali possibbiltà ma teżistix għall-uffiċjali assenjati fis-sede. Għaldaqstant, ir-regoli previsti fl-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu trattament iktar favorevoli għar-rikorrenti milli għall-uffiċjali assenjati fis-sede.

96

Madankollu, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jixtiequ wkoll isostnu li teżisti differenza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li, bis-saħħa tal-iskejjel Ewropej jew tal-allowances tal-edukazzjoni li jirċievu, it-tfal tal-uffiċjali assenjati fis-sede għandhom aċċess mingħajr ħlas għal forma ta’ tagħlim adattata, filwaqt li l-allowances tal-edukazzjoni li rċevew ma jippermettux lit-tfal tagħhom sabiex jirċievu tagħlim adattat mingħajr ħlas f’Beijing.

97

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi jiġu ttrattati b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbla mal-uffiċjali assenjati fis-sede f’dak li jikkonċerna l-miżati tat-tagħlim tat-tfal tagħhom (ara l-punt 68 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, l-uffiċjali assenjati fid-delegazzjoni humiex ittrattati b’mod diskriminatorju meta mqabbla ma’ dawk assenjati fis-sede.

98

Issa, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, is-SEAE espona li f’Beijing jeżistu skejjel li joffru tagħlim adattat li l-ispejjeż skolastiċi tagħhom kienu inqas minn dawk sostnuti mir-rikorrenti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la fil-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015, u lanqas fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti tar-rikorrenti, is-SEAE ma bbażax ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li kien disponibbli tagħlim adattat għal ammont ugwali jew inqas mil-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, miżjud b’EUR 10000.

99

F’kull każ, jekk jitqies li ma teżistix skola f’Beijing li tista’ toffri tagħlim adattat għat-tfal tar-rikorrenti għal ammont ta’ EUR 27 788.40, li jikkorrispondi għal-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, miżjud b’EUR 10000, ċertament ir-rikorrenti kienu jkunu ġew ittrattati b’mod differenti meta mqabbla mal-uffiċjali assenjati fis-sede jekk jitqies li l-ispejjeż skolastiċi tat-tfal tal-uffiċjali assenjati fis-sede huma de facto rrimborsati b’mod sħiħ. Madankollu, differenza fit-trattament tikkostitwixxi biss diskriminazzjoni jekk ma hijiex iġġustifikata oġġettivament.

100

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-SEAE jiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jikkonċerna il-mod kif iqassam il-baġit li jiddisponi minnu għal spejjeż mhux obbligatorji. Hekk kif espona s-SEAE waqt is-seduta, l-għan imfittex minnu għal-limitazzjoni fir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000, kien li jestendi r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi għall-massimu tal-uffiċjali possibbli li għamlu t-talba, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-limiti baġitarji għal tali spejjeż. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li jiddisponi minnha s-SEAE, l-għażla ta’ dan l-għan ma tistax tiġi kkontestata.

101

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet baġitarji. Huma jillimitaw ruħhom sabiex isostnu li l-Awtorità tal-Ħatra ma ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement il-fatt li l-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi jista’ jiġġenera spejjeż oħra, bħall-ispejjeż ta’ repetizzjoni tat-tfal, u l-ispejjeż taċ-ċaqliq, ta’ akkomodazzjoni, ta’ trasferimenti u ta’ invalidità.

102

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, essenzjalment, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jpoġġu indiskussjoni n-natura xierqa tal-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjuda b’EUR 10000 sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi estiż ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż għall-massimu possibbli tal-uffiċjali li jagħmlu din it-talba.

103

Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li jiddisponi minnha s-SEAE f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha sabiex tistħarreġ jekk l-argumenti tar-rikorrenti humiex ta’ natura li juru l-eżistenza ta’ żball manifest imwettaq mis-SEAE. Dan ikun biss il-każ jekk l-argumenti tar-rikorrenti jkunu ta’ natura li jċaħħdu lill-kunsiderazzjonijiet tas-SEAE mill-plawżibbiltà.

104

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ibbażat fuq spejjeż li jistgħu jirriżultaw minn eventwali repetizzjonijiet, ċaqliq, akkomodazzjoni, trasferimenti u invalidità, li bl-ebda mod ma huwa ddettaljat, ma huwiex ta’ natura li jrendi implawżibbli l-kunsiderazzjoni tas-SEAE li tgħid li l-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi għal EUR 10000 tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jitqassam il-baġit limitat li dan jiddisponi minnu.

105

Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li juru li eventwali differenza fit-trattament ma kinitx oġġettivament iġġustifikata.

106

Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq diskriminazzjoni tar-rikorrenti fil-konfront tal-uffiċjali assenjati fis-sede għandu jiġi miċħud ukoll.

107

Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li ġew iddiskriminati meta mqabbla mal-uffiċjali assenjati f’delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi fejn l-ammont li jikkorrispondi għall-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi miżjud b’EUR 10000 huwa suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż skolastiċi sabiex jibbenefikaw minn tagħlim adattat, għandu jiġi miċħud dan l-argument b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 93 sa 106 iktar ’il fuq.

108

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li s-SEAE jiffavorixxi lill-uffiċjali mingħajr tfal, biżżejjed li jiġi rrilevat li l-uffiċjali li għandhom it-tfal ma humiex ittrattati bl-istess mod bħall-uffiċjali mingħajr tfal. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu l-għoti ta’ allowances tal-edukazzjoni biss għall-uffiċjali li għandhom tfal taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

109

Għaldaqstant, l-ebda mill-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mressqa mir-rikorrenti ma jistgħu juru li, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat bħala li jagħtihom id-dritt għar-rimbors tal-ammont sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi.

4) Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tat-tfal, tad-dritt għall-ħajja tal-familja u tad-dritt għall-edukazzjoni

110

Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, fid-dawl tad-drittijiet tat-tfal, tad-dritt għall-ħajja tal-familja u tad-dritt għall-edukazzjoni, l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kellu jiġi interpretat bħala li jagħtihom dritt għar-rimbors totali tal-ispejjeż skolastiċi.

111

Fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti ta’ PO, PP u ta’ PR, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-edukazzjoni. Fl-ewwel lok, l-Awtorità tal-Ħatra esponiet li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma tipprevedix dispożizzjoni li tobbliga lil min jimpjega sabiex jirrimborsa kompletament l-ispejjeż skolastiċi tal-persunal tiegħu li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-tfal tagħhom fi skola privata, u fit-tieni lok, li d-dritt għal edukazzjoni previst fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma huwiex ippreġudikat, peress li huwa intiż sabiex jipproteġi d-dritt li jiġi segwit b’xejn it-tagħlim obbligatorju fl-Istati Membri, iżda ma jagħtix id-dritt li jiġi segwit tagħlim fl-iskejjel privati bħalma huma l-iskejjel magħżula mir-rikorrenti, u fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, limitazzjoni ta’ dan id-dritt tista’ tiġi ġġustifikata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

112

Ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati.

113

Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, skont l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha dritt għall-edukazzjoni, u li dan id-dritt jinkludi l-fakultà li jiġi segwit mingħajr ħlas it-tagħlim obbligatorju. B’mod ġenerali, fil-pajjiżi tal-Unjoni, l-edukazzjoni hija obbligatorja għat-tfal li għandhom l-età bejn 6 sa 16-il sena. It-tfal tal-uffiċjali f’delegazzjoni jiddisponu minn dritt għal edukazzjoni ta’ livell simili. Issa, f’ċerti pajjiżi terzi, l-għażla ta’ skejjel li joffru dan il-livell huwa limitat. Għaldaqstant, id-dritt għall-edukazzjoni ma jkunx limitat għat-tagħlim pubbliku b’xejn f’dawn il-pajjiżi terzi. Dan ikun partikolarment il-każ meta, f’pajjiż terz, l-edukazzjoni pubblika ma tiġi offruta la bil-lingwa materna li jitkellmu t-tfal tal-persunal f’delegazzjoni u lanqas bl-Ingliż, iżda biss bil-lingwa nazzjonali ta’ dan il-pajjiż.

114

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

115

Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt għall-edukazzjoni ggarantit mill-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jitfakkar li, ċertament, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jiggarantixxi l-fakultà li tiġi segwita b’xejn l-edukazzjoni obbligatorja.

116

Issa, qabel kollox, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 2), li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni debitament skont l-Artikolu 52(7) tal-imsemmija Karta, l-Artikolu 14 tagħha ma jimponix li l-istabbilimenti privati li joffru tali edukazzjoni jkunu mingħajr ħlas.

117

Sussegwentement, mill-Artikolu 14(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax jiġi dedott li l-Unjoni hija marbuta li tiżgura, fuq it-territorju ta’ pajjiż terz, edukazzjoni obbligatorja mingħajr ħlas li tikkorrispondi għal dik eżistenti fl-Istati Membri tal-Unjoni.

118

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jsostnux li t-tfal tagħhom ma kellhomx aċċess għall-edukazzjoni pubblika nazzjonali fiċ-Ċina.

119

Apparti dan, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li t-tfal tal-persunal fid-delegazzjoni għandhom id-dritt għal forma ta’ edukazzjoni adattata, għandu jitfakkar li għandha ssir distinzjoni bejn id-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u d-drittijiet iggarantiti mir-Regolamenti tal-Persunal.

120

Minn naħa, fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lis-SEAE sabiex jirrimborsa l-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi b’mod illimitat (ara l-punti 64 sa 73 iktar ’il fuq).

121

Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jirreferu għall-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jagħti drittijiet minimi lil kull persuna u li d-dritt tat-tfal tal-uffiċjali għal forma ta’ edukazzjoni xierqa fi Stat terz ma huwiex parti minn dan.

122

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq limitazzjoni tad-dritt għall-edukazzjoni stabbilit mill-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

123

Fit-tieni lok u f’kull każ, anki jekk jitqies li rimbors mhux totali tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiż terzi jillimita d-dritt għall-edukazzjoni previst mill-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jitfakkar li tali limitazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, din hija limitazzjoni prevista minn liġi li ssegwi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni, jiġifieri l-għan li jiġi estiż ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi lejn il-massimu ta’ uffiċjali possibbli li jagħmlu t-talba għalih, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti baġitarji għal tali spejjeż (ara l-punti 100 sa 105 iktar ’il fuq).

124

Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, id-dritt għall-edukazzjoni stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jimponix interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li, minħabba s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali li kienu jinsabu fihom, is-SEAE kien marbut jirrimborsa kompletament l-ispejjeż skolastiċi tagħhom li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

125

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tad-drittijiet tat-tfal stabbiliti mill-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tad-dritt għall-ħajja tal-familja stabbilit mill-Artikolu 9 tal-imsemmija Karta u tal-protezzjoni tal-familja previst mill-Artikolu 33 ta’ din il-Karta, l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li l-każijiet tagħhom huma eċċezzjonali, dawn jiddisponu minn dritt għar-rimbors totali tal-ispejjeż skolastiċi li jeċċedu l-ammont massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Billi ċċaqalqu lejn iċ-Ċina flimkien mal-familja tagħhom, huma eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-ħajja tal-familja. F’dan il-kuntest, huma jsostnu li l-uffiċjali assenjati f’delegazzjoni ma jagħmlux dan neċessarjament minħabba għażla tagħhom stess. Minn naħa, ċerti uffiċjali, bħal PO u PP, kienu ġew assenjati fiċ-Ċina fl-interess tas-servizz. Min-naħa l-oħra, il-persunal kollu tas-SEAE għandu jeżerċita perjodikament il-funzjonijiet tiegħu fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Il-piż finanzjarju li toħloq ir-restrizzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi fuq ċerti familji ta’ uffiċjali jippreġudika kemm id-drittijiet tat-tfal tagħhom, kif ukoll id-drittijiet tagħhom għall-ħajja tal-familja, peress li, minħabba dan il-piż, it-tfal jistgħu jiġu separati mill-ġenitur tagħhom fid-delegazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jsegwu forma ta’ edukazzjoni xierqa f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni.

126

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

127

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti li huma intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ limitazzjoni tad-dritt għall-ħajja tal-familja u tad-drittijiet tat-tfal huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li uffiċjal jista’ jiġi assenjat kontra r-rieda tiegħu f’delegazzjoni tal-Unjoni f’pajjiż terz li fih l-ispejjeż skolastiċi jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

128

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ddeċidew li jingħaqdu mas-SEAE, bl-għarfien li dan jimplika l-eżerċizzju perjodiku tal-funzjonijiet tagħhom f’delegazzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-tielet sentenza tal-Artikolu 6(10) tad-Deċiżjoni 2010/427).

129

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pprovawx li ġew assenjati kontra r-rieda tagħhom fid-delegazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċina f’Beijing. Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li ċerti rikorrenti kienu talbu fuq l-inizjattiva tagħhom stess sabiex jiġu assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċina. Fir-rigward tal-uffiċjali li ġew assenjati mad-delegazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċina fl-interess tas-servizz, ġie kkonfermat mir-rikorrenti waqt is-seduta li dan ma kienx seħħ kontra r-rieda tagħhom. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li s-SEAE espona fil-kitbiet tiegħu u waqt is-seduta li l-membri tal-persunal tas-SEAE ma jiġux assenjati f’delegazzjoni tal-Unjoni f’pajjiż terz kontra r-rieda tagħhom u li r-rikorrenti ma kkontestawx din l-allegazzjoni b’mod iddettaljat.

130

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-totalità tal-ispejjeż skolastiċi li qabżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi ma ġiex irrimborsat lir-rikorrenti ma jistax jitqies bħala limitazzjoni tad-drittijiet tat-tfal tagħhom fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tad-dritt għall-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmija Karta, u lanqas tad-dritt għall-protezzjoni tal-familja previst mill-Artikolu 33 tagħha.

131

Fit-tieni lok u f’kull każ, għandu jitfakkar li limitazzjoni eventwali tad-dritt għall-ħajja tal-familja li tirriżulta mill-fatt li, minħabba l-piż finanzjarju kkawżat mir-rimbors parzjali tal-ispejjeż skolastiċi fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni, xi tfal ma jkunux jistgħu jakkumpanjaw lil wieħed mill-ġenituri tagħhom meta jiġu assenjat lil delegazzjoni tal-Unjoni f’pajjiż terz, tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara l-punt 123 iktar ’il fuq).

132

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tat-tfal, tad-dritt għal ħajja tal-familja u għall-protezzjoni tal-familja kif ukoll tad-dritt għal edukazzjoni.

5) Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

133

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi llimitat ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi, minkejja li kienu jinsabu f’każijiet eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra ħadet inkunsiderazzjoni biss l-għan ta’ tnaqqis tal-impatt finanzjarju li jimplika r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi. Billi pproċediet b’dan il-mod, mingħajr ma ħadet suffiċjentement inkunsiderazzjoni d-drittijiet u l-interessi tagħhom, l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

134

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

135

F’dan il-kuntest, biżżejjed jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami ta’ ksur tad-drittijiet invokati mir-rikorrenti, li sar fil-punti 74 sa 132 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni (ara b’mod partikolari l-punti 100 sa 105 iktar ’il fuq). Issa, dan l-eżami ma weriex li, billi ma rrimborsatx lir-rikorrenti l-ammont sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, l-Awtorità tal-Ħatra ppreġudikat b’mod sproporzjonat id-drittijiet tar-rikorrenti.

136

Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda wkoll.

137

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti bbażati fuq il-kliem u l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-drittijiet tat-tfal, tad-dritt għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-edukazzjoni jew tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jista’ juri li, fis-sitwazzjoni li kienu jinsabu fiha r-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra kienet obbligata tirrimborsa l-ammont sħiħ tal-ispejjeż tal-edukazzjoni tagħhom li jeċċedi l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

b)   Fuq l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-linji gwida

138

Fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti ta’ PQ u ta’ PR, l-Awtorità tal-Ħatra esponiet li osservat il-linji gwida. Dawn tal-aħħar jipprevedu li r-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż isir fuq il-bażi tal-“baġit disponibbli”.

139

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. Il-linji gwida jipprekludu li r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi jkun limitat meta l-uniċi forom ta’ edukazzjoni adattati għat-tfal tal-uffiċjali tal-Unjoni assenjati f’pajjiż terz jiġġeneraw spejjeż li jeċċedu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Dawn ma jipprevedux limitu għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi f’każijiet eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

140

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

141

Dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mil-linji gwida, kif kienu applikabbli f’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar li d-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi kienu adottati fuq il-bażi tal-baġit disponibbli. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-linji gwida ma fihom l-ebda element li jippermetti li jitqies li l-Awtorità tal-Ħatra ma setgħetx ma tiħux inkunsiderazzjoni l-limiti baġitarji meta l-uniċi forom ta’ edukazzjoni adattati għat-tfal tal-uffiċjali tal-Unjoni jiġġeneraw spejjeż li jeċċedu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

142

Minn dan isegwi li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ juri li, fis-sitwazzjonijiet eċċezzjonali li kienu jinsabu fihom, huma kellhom dritt għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi tagħhom.

4.   Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra

143

Fil-punti 62 sa 142 iktar ’il fuq, ġew eżaminati biss l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li, peress li l-każijiet tagħhom huma eċċezzjonali, l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta li tirrimborsa kompletament l-ispejjeż skolastiċi tat-tfal tagħhom. Issa, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ma jillimitawx ruħhom li jsostnu dawn l-argumenti, iżda jressqu wkoll argumenti intiżi sabiex ipoġġu indiskussjoni l-metodi tal-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi li għamlet użu minnhom l-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

144

Fid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti, l-Awtorità tal-Ħatra esponiet, b’mod partikolari, li l-limitazzjoni tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi li hija kienet wettqet ma kinitx diskriminatorja. Peress li l-allowances tal-edukazzjoni kienu dovuti għal kull tifel/tifla, limitazzjoni tagħhom tapplika wkoll għal kull tifel/tifla. Tali metodu ma huwiex manifestament żbaljat.

145

Ir-rikorrenti jsostnu li l-kunsiderazzjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, mal-linji gwida, mad-drittijiet tat-tfal, mad-dritt għall-ħajja tal-familja, mad-dritt għall-edukazzjoni u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

146

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

147

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mal-linji gwida minħabba l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx ipproċediet għall-eżami individwali tat-talbiet għar-rimbors tal-uffiċjali inkwistjoni.

148

Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti tar-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra eżaminat it-talbiet tagħhom għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom. Huwa biss minħabba l-fatt li l-ammonti tal-ispejjeż skolastiċi li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti kienu talbu r-rimbors kienu kollha qabżu l-limitu ta’ EUR 10000 stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra li l-ammonti tal-benefiċċji mogħtija lir-rikorrenti kienu identiċi.

149

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-limitu applikat mill-Awtorità tal-Ħatra huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, minħabba l-fatt li dan jittratta b’mod identiku lill-familji b’ġenitur wieħed u lill-familji kbar, minn naħa, u familji oħra, min-naħa l-oħra, minkejja li dawn jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti.

150

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, huwa pprojbit li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament differenti ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, u li l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (ara l-punti 85 u 86 iktar ’il fuq).

151

Issa, ir-rikorrenti ma jinvokawx l-eżistenza ta’ għan tar-Regolamenti tal-Persunal li minnu jista’ jiġi dedott li, f’dak li jikkonċerna l-ammont tal-allowance tal-edukazzjoni tat-tfal, l-Awtorità tal-Ħatra kellha tikkunsidra s-sitwazzjoni tal-familji b’ġenitur wieħed u dawk ta’ familji li għandhom ħafna tfal bħala differenti minn dik ta’ familji oħra, liema ħaġa tkun teħtieġ trattament differenti. Bil-kontra, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li, l-allowance tal-edukazzjoni għandha titħallas għal kull wild dipendenti u, min-naħa l-oħra, li fir-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa limiti massimi ta’ dawn l-allowances għall-edukazzjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jitqies li, billi llimitat ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal kull tifel/tifla, li jaqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi għal EUR 10000, l-Awtorità tal-Ħatra ttrattat żewġ sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku.

152

Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi ttrattat lill-familji b’ġenitur wieħed u lill-familji l-kbar b’mod identiku għal familji oħra, għandu wkoll jiġi miċħud.

153

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti l-oħra bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-argumenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tat-tfal, id-dritt għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-edukazzjoni, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 62 sa 142 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fil-każ li xi wieħed minn dawn id-drittijiet jiġi limitat minħabba l-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jressqu ebda argument dettaljat intiż sabiex juri li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-SEAE, jiġifieri l-għan li jestendi r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi lin-numru massimu ta’ uffiċjali possibbli li jkunu talbuh, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet baġitarji li s-SEAE kien suġġett għalihom, din il-limitazzjoni kienet manifestament sproporzjonata.

154

Minn dan isegwi li l-argumenti intiżi għal-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra għandhom ukoll jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

5.   Fuq l-argumenti bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu bbażati fuq id-DĠI

155

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu bbażati fuq DĠI adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali proċedura tipprevedi l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal tas-SEAE u li l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti opinjoni.

156

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

157

Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li permezz tad-Deċiżjoni tiegħu HR DEC(2014)02, tat-3 ta’ Frar 2014, is-SEAE ddeċieda li japplika d-dispożizzjonijiet li jidhru fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 8971 finali, tas-16 ta’ Diċembru 2013, dwar dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar l-għoti ta’ allowance għall-edukazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u li din l-ewwel deċiżjoni ġiet adottata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

158

Madankollu, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti ma jpoġġux indiskussjoni l-eżistenza ta’ dawn id-DĠI tas-SEAE dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda jsostnu li s-SEAE kellu jadotta DĠI dwar ir-regola derogatorja prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti lill-imsemmi dipartiment jaqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi f’każijiet eċċezzjonali.

159

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jeżisti l-obbligu li jiġu adottati DĠI skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-preżenza ta’ dispożizzjoni espliċita. Fin-nuqqas ta’ klawżola espliċita, tali obbligu huwa permess biss b’mod eċċezzjonali, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux ċari u preċiżi sa tali punt li dawn ma jkunux adattati għal applikazzjoni nieqsa minn arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE, T‑792/14 P, EU:T:2016:156, punti 2930).

160

Fl-ewwel lok, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk teżistix dispożizzjoni espliċita li tipprovdi l-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra li tfassal DĠI, fl-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tagħha prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri s-setgħa tagħha li tiddeċiedi, f’każijiet eċċezzjonali, li tirrimborsa l-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

161

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li tali dispożizzjoni espliċita ma tirriżultax mit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jillimita ruħu sabiex jirreferi għad-deċiżjonijiet individwali li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tadotta f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

162

Fit-tieni lok, anki fil-każ fejn l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom uffiċjal għandu jirċievi allowance tal-edukazzjoni huma stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra, tipprovdi l-każijiet eċċezzjonali, imsemmija fit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, li fihom l-Awtorità tal-Ħatra tista’ taqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprevedix b’mod espliċitu li dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti taħt il-forma ta’ DĠI.

163

Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnu jirriżulta li “[i]d-[DĠI] għandhom jiġi deċiżi konformement mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal”, għandha titqies bħala stipulazzjoni espressa li teħtieġ l-adozzjoni ta’ DĠI fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

164

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-setgħa deċiżjonali mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tirrigwarda każijiet eċċezzjonali. Barra minn hekk, kif ġie espost b’mod partikolari fil-punti 64 sa 73 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ din is-setgħa deċiżjonali, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet baġitarji eżistenti għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, din għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-talbiet kollha għar-rimbors tal-ispejjeż magħmula mill-membri tal-persunal tas-SEAE, li l-ammonti tagħhom jistgħu jvarjaw minħabba fatturi barra mill-kontroll ta’ dak is-servizz, bħar-rati tal-kambju jew it-talba għal tali forom ta’ edukazzjoni. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tas-setgħa deċiżjonali tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tingħata ċerta flessibbiltà, li tippermettilha li tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont totali li għalih hemm talba għal rimbors, il-baġit disponibbli u ċirkustanzi eċċezzjonali invokati mill-persuni interessati.

165

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lis-SEAE jadotta DĠI li jirrigwardaw it-twettiq tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali mogħtija permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

166

Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din il-konklużjoni hija konformi mas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T‑792/14 P, EU:T:2016:156).

167

Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra li s-SEAE kien marbut li jadotta DĠI fir-rigward tal-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu trasposti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-imsemmi Anness.

168

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 32 tas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T‑792/14 P, EU:T:2016:156), f’dak li jikkonċerna l-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura li l-kriterji użati għad-determinazzjoni tal-pajjiżi terzi fejn il-kundizzjonijiet tal-ħajja jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal dawk abitwali fl-Unjoni, jiġu stabbiliti b’mod astratt u indipendenti minn kull proċedura li għandha l-għan li tiddetermina, f’każ speċifiku, jekk il-kundizzjonijiet tal-ħajja li jipprevalu f’pajjiż jippreżentawx tali ekwivalenza. Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi deċiżjoni ta’ portata ġenerali, li tapplika għall-membri tal-persunal kollha tas-SEAE li huma assenjati f’pajjiż terz. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta l-kundizzjonijiet ta’ għajxien f’pajjiż terz ma jkunux ekwivalenti għal dawk li jipprevalu normalment fl-Unjoni, il-membri tal-persunal tas-SEAE assenjati f’dak il-pajjiż għandhom ikunu intitolati għal allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja.

169

Bil-kontra, kif ġie espost fil-punti 62 sa 142 iktar ’il fuq, anki jekk membru tal-persunal tas-SEAE jkun jinsab f’każ eċċezzjonali fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt inkundizzjonat għal rimbors sħiħ tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, is-setgħa deċiżjonali mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra minn din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax deċiżjoni ta’ portata ġenerali, iżda deċiżjonijiet ta’ portata individwali li għandhom jiġu adottati f’każijiet eċċezzjonali u, kif ġie espost fil-punt 164 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet individwali tal-membri tal-persunal tagħha li talbu rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tiddisponi minn flessibbiltà li tippermettilha li tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, is-sitwazzjoni individwali ta’ kull membru tal-persunal tas-SEAE li għamel talba għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet baġitarji li huwa suġġett għalihom il-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż.

170

Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiggarantixxi li l-kriterji użati għad-determinazzjoni tal-pajjiżi terzi fejn il-kundizzjonijiet tal-ħajja jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal dawk abitwali fl-Unjoni, jiġu stabbiliti b’mod astratt u indipendenti minn kull proċedura li għandha l-għan li tiddetermina, f’każ speċifiku, jekk il-kundizzjonijiet tal-ħajja li jipprevalu f’pajjiż jippreżentawx tali ekwivalenza u għalhekk fil-kuntest ta’ DĠI, ma hijiex trasponibbli għas-setgħa deċiżjonali mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

171

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li ma teżisti ebda dispożizzjoni espliċita li tipprevedi l-obbligu li jiġu adottati xi DĠI li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tal-Awtorità tal-Ħatra previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

172

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita li tipprevedi l-obbligu li jiġu adottati DĠI, tali obbligu huwa permess biss b’mod eċċezzjonali, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux ċari u preċiżi sa tali punt li dawn ma jkunux adattati għal applikazzjoni nieqsa minn arbitrarjetà (ara l-punt 159 iktar ’il fuq).

173

Issa, fir-rigward tan-natura eċċezzjonali tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li taqbeż il-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tingħata ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-punt 164 iktar ’il fuq), ma jistax jitqies li l-fatt li dan l-artikolu jħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Awtorità tal-Ħatra huwa biżżejjed sabiex jintwera nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ previżjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 159 iktar ’il fuq.

174

F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqu ebda argument ta’ natura li juri li, fl-assenza ta’ DĠI, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma twassalx għal applikazzjoni nieqsa minn arbitrarjetà. Fil-fatt, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-punti 62 sa 154 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li s-SEAE wettaq żball fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu miċħuda. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqux argumenti ddettaljati oħra f’dan ir-rigward.

175

Finalment u f’kull każ, għandu jiġi rrilevat li, anki kieku s-SEAE kien obbligat jadotta DĠI, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 64 sa 137 iktar ’il fuq, f’tali DĠI, ma kienx ikun obbligat li jipprevedi obbligu li jirrimborsa l-ammont totali tal-ispejjeż skolastiċi li jaqbżu l-limitu massimu legalment stabbilit għall-pajjiżi terzi.

176

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti bbażati fuq il-fatt li s-SEAE kien obbligat jadotta DĠI fir-rigward tas-setgħa deċiżjonali tiegħu prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

177

Għalhekk, il-motivi kollha tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. Għaldaqstant, it-talba għall-annullament li tipprevedi l-posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2015 u t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ din l-aħħar talba.

B. Fuq it-talbiet għall-annullament l-oħra

178

Fir-rigward tat-talbiet għal annullament li jipprevedu l-posta elettronika sussegwenti għal dik tas-17 ta’ Diċembru 2015, il formoli ta’ evalwazzjoni tal-allowance tal-edukazzjoni u r-rendikonti tal-paga li jindikaw l-ammont tal-allowance tal-edukazzjoni rċevuta, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jressqu l-motivi li diġà ġew eżaminati u miċħuda fil-punti 41 sa 177 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dawn it-talbiet ukoll għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

179

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

IV. Fuq l-ispejjeż

180

Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-każ li r-rikors ikollu jiġi miċħud, huma ma għandhomx jiġu kkundannati għall-ispejjeż iġġenerati mill-fatt li s-SEAE iddeċieda li jkun assistit minn avukati. Din id-deċiżjoni ma għandhiex tippreġudikahom. Il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż u għall-infiq ta’ avukati esterni, filwaqt li s-SEAE jiddisponi minn servizz legali intern, jikkostitwixxi ostakolu għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal qorti.

181

Is-SEAE jikkontesta dawn l-argumenti.

182

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

183

Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mis-SEAE.

184

Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li ma jiġux ikkundannati għall-ispejjeż ġġenerati mill-fatt li s-SEAE iddeċieda li jkun assistit minn avukati, sa fejn din tirrigwarda n-natura rekuperabbli tal-ispejjeż, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar in-natura rekuperabbli tal-ispejjeż fuq talba tal-parti interessata, permezz ta’ digriet adottat abbażi tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2014, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑133/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:176, punt 104). Tali talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

185

Barra minn hekk, fil-każ fejn din it-talba tirrigwarda l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Bil-kontra, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma, fir-rigward tal-mod li bih huma jridu jiġu rrappreżentati jew assistiti quddiem il-qorti tal-Unjoni, liberi li jiddeċiedu li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat.

186

Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti li ma jiġux ikkundannati għall-ispejjeż iġġenerati mill-fatt li s-SEAE iddeċieda li jkun assistit minn avukati għandha tiġi miċħuda.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

PO, PP, PQ u PR huma kkundannati sabiex ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

 

Gratsias

Labucka

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.