Kawża T‑688/16
Mercedes Janssen-Cases
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ombudsman tal-Kummissjoni – Awtorità tal-Ħatra kompetenti – Delegazzjoni ta’ kompetenza – Proċedura – Konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal – Responsabbiltà”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tat‑22 ta’ Novembru 2018
Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Att dwar il-ħatra ta’ kandidat għal kariga – Komunikazzjoni ta’ dan l-att lill-kandidati mhux magħżula – Inklużjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Delegi – Kundizzjonijiet – Neċessità ta’ deċiżjoni espliċita tal-awtorità li tiddelega – Revoka tad-delegazzjoni – Kundizzjoni – Neċessità ta’ deċiżjoni espliċita tal-awtorità li tiddelega
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 2(1))
Uffiċjali – Rappreżentanza – Kumitat tal-Persunal – Obbligu ta’ konsultazzjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni finali ta’ ħatra mill-Awtorità tal-Ħatra – Assenza ta’ konsultazzjoni effettiva minn qabel – Ksur
Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Dannu morali allegatament ikkawżat lil kandidat mhux magħżul minn deċiżjoni ta’ ħatra ta’ kandidat ieħor – Esklużjoni
(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, l-Artikolu 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)
Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Dannu mġarrab minħabba ċ-ċaħda illegali ta’ kandidatura – Telf tal-possibbiltà li jintlaħaq il-grad AD 14 – Assenza ta’ rabta kawżali diretta bejn id-dannu u l-illegalità kkonstatata
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)
Jekk in-notifika għall-attenzjoni ta’ kandidat jew kandidati mhux magħżula tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u għandha titqies bħala ċaħda formali ta’ kanditatura, li hija suġġetta għat-terminu għat-tressiq ta’ lment fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqa’ l-fatt li l-att li jtemm il-proċedura ta’ selezzjoni bl-għażla ta’ kandidat jipproduċi wkoll effetti legali, li ċ-ċaħda formali tiegħu msemmija hawn fuq hija l-konsegwenza inevitabbli.
(ara l-punt 22)
Delega ta’ kompetenza tikkostitwixxi att fejn l-awtorità li tiddelega ċċedi l-kompetenza ddelegata lill-awtorità. Id-delega ta’ kompetenza għalhekk għandha l-effett ta’ trasferiment ta’ kompetenzi, li jipprojbixxi lill-awtorità li tiddelega milli tagħmel użu mill-kompetenza ttrasferita, ħlief sabiex tivvizzja d-deċiżjoni tagħha minħabba nuqqas ta’ kompetenza. L-awtorità li tiddelega ma tistax teżerċita l-kompetenza mill-ġdid jekk tadotta att minn qabel li bih tkun qiegħda tirkupra l-kompetenza ddelegata. Fil-fatt, bl-istess mod li delegazzjoni ta’ kompetenza teħtieġ l-adozzjoni ta’ att espliċitu li jittrasferixxi s-setgħa ikkonċernat, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li fuqu hija bbażata n-natura formali tal-kompetenza, jeħtieġ li r-revoka tagħha ssir permezz tal-adozzjoni ta’ att espliċitu.
Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-mekkaniżmu fejn tiġi ddeterminata l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi kklassifikat bħala delega ta’ kompetenza jew għandu jiġi assimilat ma’ tali delega, dan jinjora l-effett tar-rinunzja għall-kompetenza kkawżat minn tali “delega” li awtorità li tiddelega tqis li hija kompetenti sabiex twettaq hija stess, minflok l-awtorità li tkun irċeviet id-delega, is-setgħa li jinħatar uffiċjal, meta hija tqis li huwa xieraq.
(ara l-punti 31, 32)
L-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħa tal-Kummissjoni għandu jiġi interpretat li jimponi li l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal issir mill-korp li għandu r-responsabbiltà li jieħu d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ ħatra tal-Ombudsman. Barra minn hekk, minkejja li din il-konsultazzjoni tikkonsisti f’sempliċi dritt għal smigħ mingħajr ma tagħti lill-Kumitat tal-Persunal id-dritt ta’ kodeċiżjoni mal-korp deċiżjonali, din għandha tkun ta’ natura li dan jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-att adottat, li jimplika l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni.
F’dan il-kuntest, l-effettività tal-konsultazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi żgurata biss jekk is-suġġett ta’ din tal-aħħar ikun jikkoinċidi mas-suġġett tal-evalwazzjoni tal-korp li jieħu d-deċiżjoni finali. Għalhekk, il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal għandha tikkonċerna l-istess kandidati bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-korp inkwistjoni kien imsejjaħ sabiex iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-effettività ta’ din il-konsultazzjoni tkun sfat fix-xejn jekk il-Kumitat tal-Persunal kien imsejjaħ sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu fir-rigward ta’ kandidat wieħed biss filwaqt li l-korp deċiżjonali ngħata l-kompitu li jevalwa diversi kandidati qabel ma jagħżel dak preferut.
(ara l-punti 39, 40)
Fil-kawżi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, dritt ta’ kumpens huwa rrikonoxxut jekk tliet kundizzjonijiet ikunu preżenti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat.
Il-fatt li kandidat ieħor seta’ jintgħażel għal pożizzjoni ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jippreġudika lill-kandidati li finalment ma ġewx magħżula. Fil-fatt, anki jekk din l-għażla timplika li kandidat ieħor kien jitqies li kien jistħoqqlu iktar f’din l-okkażjoni, dan il-fatt ma jinkludi l-ebda ġudizzju negattiv fil-konfront tal-kandidati oħra.
(ara l-punti 51, 53)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 56, 57)