SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Kompetizzjoni ġenerali – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/303/15 (AD 7) – Verifika mill-EPSO tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni – Esperjenza professjonali ta’ tul inqas mit-tul minimu rikjest – Natura tal-istħarriġ tal-kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-esperjenza professjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑671/16,

Vincent Villeneuve, residenti f’Montpellier (Franza), irrappreżentat minn C. Mourato, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba skont l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-5 ta’ Novembru 2015 li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent għall-kompetizzjoni miftuħa bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet EPSO/AD/303/15 – Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u Maniġment tal-Għajnuna lil Pajjiżi li mhumiex fl-UE (AD 7),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

L-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali fuq kwalifiki u eżamijiet EPSO/AD/303/15 – Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u Maniġment tal-Għajnuna lil Pajjiżi li mhumiex fl-UE (AD 7) (ĠU 2015, C 150 A, p. 150 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”), kien fih erba’ taqsimiet distinti intitolati, rispettivament, “Liema kompiti għandi nistenna li nagħmel?”, “Jien eliġibbli biex napplika?”, “Kif nintgħażel?” u “Fejn u meta nista’ napplika?”

2

Taħt it-taqsima “Jien eliġibbli biex napplika?”, ġie ddikjarat li l-“kundizzjonijiet ġenerali” u l-“kundizzjonijiet speċifiċi” kollha – relatati mal-lingwi, mal-kwalifiki u mal-esperjenza professjonali – kellhom ikunu ssodisfatti fiż-żmien tal-validazzjoni tal-att tal-kandidatura mill-kandidat.

3

Kienu meħtieġa, bħala kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-kandidat:

“Mill-inqas erba’ snin ta’ studji universitarji kompluti attestati permezz ta’ diploma, u minimu ta’ sitt snin ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni wara l-kisba tad-diploma

jew

Mill-inqas tliet snin ta’ studji universitarji kompluti attestati permezz ta’ diploma, u minimu ta’ seba’ snin ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni wara l-kisba tad-diploma”.

4

Taħt it-taqsima “Kif nintgħażel” tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-punt 1, intitolat “Testijiet b’Għażliet Multipli” (MCQ) bil-kompjuter” indika li l-kandidati li kienu vvalidaw il-kandidatura tagħhom kienu mistiedna jieħdu serje ta’ testijiet fil-forma ta’ MCQ u li dawn l-eżamijiet ikunu eliminatorji. Il-punt 2 tal-imsemmija taqsima, intitolat “Selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki”, kien ifformulat kif ġej:

“L-ewwel nett, ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà se jiġu vverifikati fuq il-bażi tad-dejta pprovduta fl-applikazzjoni online tal-kandidati. Hemm żewġ xenarji possibbli:

— Jekk it-testijiet MCQ bil-kompjuter ikunu organizzati minn qabel, il-fajls tal-kandidati jiġu ċċekkjati għall-eliġibbiltà f’ordni dekrexxenti tal-marki li jiksbu sakemm l-għadd ta’ kandidati eliġibbli jilħaq il-livell limitu msemmi fil-punt 1. Il-fajls l-oħrajn ma jiġux iċċekkjati,

— Jekk it-testijiet MCQ bil-kompjuter ma jkunux organizzati bil-quddiem, il-fajls tal-kandidati kollha jiġu ċċekkjati għall-eliġibbiltà.

It-tieni nett, għall-kandidati eliġibbli biss magħżula kif spjegat hawn fuq; is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki ssir bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-kandidati fit-taqsima Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet (EN – Talent Screener, FR – évaluateur de talent, DE – Talentfilter) tal-formola tal-applikazzjoni. Il-bord ta’ selezzjoni jassenja piż lil kull kriterju ta’ selezzjoni li jirrifletti l-importanza relattiva tiegħu (1 sa 3) u t-tweġibiet ta’ kull kandidat jingħataw bejn 0 u 4 punti.

Imbagħad, il-bord ta’ selezzjoni jimmultiplika l-punti bil-piż ta’ kull kriterju u jgħoddhom sabiex jidentifika dawk li l-profili tagħhom jaqbel l-aktar mad-dmirijiet li għandhom jitwettqu.

Ara l-ANNESS III għal-lista ta’ kriterji”.

5

L-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni ddefinixxa, bħala indikazzjoni, il-kompiti li l-amministraturi rreklutati wara kompetizzjoni kellhom jeżegwixxu fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

6

L-Anness III għall-avviż tal-kompetizzjoni elenka l-kriterji li abbażi tagħhom il-Bord tal-Għażla kellu jagħmel is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, skont il-punt 2 tat-taqsima “Kif nintgħażel?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

7

Fit 8 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent, Vincent Villeneuve, ressaq il-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni EPSO/AD/303/15.

8

Fl-att tal-kandidatura tar-rikorrent, it-tab “Esperjenza professjonali” kellu tliet entrati, fejn l-ewwel tnejn kienu fformulati kif ġej:

“Entrata I

 

Dati (SSSS-XX-JJ)

mill-2015-10-01 sal-2015-05-08

Tul f’xhur u jiem

valuri kkalkulati: Xahar: 31 Jiem: 7

Tip ta’ esperjenza

Oħra

Ddettalji addizzjonali jekk

 

“Oħra”

Relazzjonijiet pubbliċi

Klassifikazzjoni

Persuna taħdem għal rasha

[…]

 

Tip jew settur ta’ attività

Relazzjonijiet pubbliċi u konsulenza f’servizzi ta’ promozzjoni dwar kwistjonijiet ta’ popolazzjoni u ta’ żvilupp

[…]

 

Pożizzjoni

Konsulent

In-natura tal-kompiti mwettqa

Kollaborazzjoni mar-rappreżentanti eletti jew mhux eletti, l-awtoritajiet parlamentari, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjonali u l-membri tas-soċjetà ċivili dwar l-attivitajiet ta’ promozzjoni parlamentari li jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki.

 

L-iżvilupp, it-tfassil u l-ġestjoni ta’ proposti ta’ proġetti, it-tixrid ta’ materjal ta’ promozzjoni parlamentari (bulettin bilingwi, manwali, noti ta’ informazzjoni) u assistenza għall-inizjattivi parlamentari (seduti, round tables, emendi, mistoqsijiet, diskorsi, ittri, editorjali ta’ opinjoni)

Entrata 2

 

Dati (SSSS-XX-JJ)

mill-2012-08-31 sal-2012-09-30,

Dewmien f’xhur u jiem

valuri kkalkulati: Xhur: 49 Jiem … 0

Tip ta’ esperjenza

Oħra

Dettalji addizzjonali

 

jekk “Oħra”

Servizzi ta’ promozzjoni (advocacy)

Klassifikazzjoni

Organizzazzjoni mhux governattiva

Dettalji addizzjonali

 

jekk “Oħra”

Forum Parlamentari Ewropew dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (EPF)

Tip jew settur ta’ attività

EPF huwa netwerk ta’ parlamentari fl-Ewropa kollha li huma impenjati fil-protezzjoni tas-saħħa riproduttiva u sesswali tal-persuni l-iktar vulnerabbli fid-dinja.

Isem u indirizz tal-persuna li timpjega

Forum Parlamentari Ewropew dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp – EPF

23 rue Montoyer

1000 Brussell

Il-Belġju

Pożizzjoni

2008-2010 Assistent inkarigat mis-servizzi ta’ promozzjoni

2011-2012 Uffiċjal tal-Proġett

Natura tal-kompiti mwettqa

Organizzazzjoni, ġestjoni u koordinazzjoni ta’ konferenzi parlamentari internazzjonali. Organizzazzjoni, ġestjoni u koordinazzjoni tad-delegazzjonijiet parlamentari.

 

Appoġġ għall-ġbir ta’ fondi u għall-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi.

 

Analiżi u riċerka dwar il-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta’ kwistjonijiet demografiċi.

 

Pubblikazzjonijiet;”

9

Fis‑16 ta’ Ġunju 2015, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) informa lir-rikorrent li, b’mod partikolari, “dawk il-kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki fl-eżamijiet ta’ ammissjoni MCQ bil-kompjuter (u mill-inqas il-minimu meħtieġ) u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi għall-ammissjoni jgħaddu għall-fażi ta’ selezzjoni abbażi tal-kwalifiki”.

10

Fit‑3 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrent għadda mill-eżamijiet MCQ.

11

Fit‑3 ta’ Novembru 2015, l-EPSO informat lir-rikorrent li kien kiseb għall-eżamijiet MCQ in-numru minimu ta’ punti rikjesti.

12

Fil‑5 ta’ Novembru 2015, l-EPSO informa lir-rikorrent li, wara li saret verifika jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-ammissjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kien iddeċieda li ma setax jaċċedi għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni tal-5 ta’ Novembru 2015”). L-EPSO ppreċiża li, fid-data tal-għeluq tar-reġistrazzjonijiet online, ir-rikorrent ma kellux esperjenza ta’ mill-inqas sitt snin fil-qasam tal-kompetizzjoni, wara l-kisba ta’ diploma ta’ studji universitarji ta’ mill-inqas erba’ snin.

13

Fl-istess jum, ir-rikorrent informa lill-EPSO li, fl-att tal-kandidatura tiegħu, kien iddikjara 85 xahar ta’ esperjenza ddedikata kompletament għall-kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), sussegwentement bħala sieħeb ta’ implimentazzjoni tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA).

14

Fil‑15 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent ressaq talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni tal‑5 ta’ Novembru 2015.

15

Fil‑25 ta’ Jannar 2016, l-EPSO informa lir-rikorrent li l-Bord tal-Għażla kkonferma d-deċiżjoni tiegħu li ma jiġix ammess għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni.

16

Fil‑5 ta’ Frar 2016, ir-rikorrent ressaq ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑5 ta’ Novembru 2015.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2016, id-direttur tal-EPSO ċaħad l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal‑10 ta’ Ġunju 2016”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fis‑6 ta’ Diċembru 2016. Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet wara l-preżentata mir-rikorrent tar-replika u mill-Kummissjoni tal-kontroreplika fl‑24 ta’ Jannar u fit‑13 ta’ Marzu 2017 rispettivament.

19

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ April 2017, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx talba bħal din.

20

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑5 ta’ Novembru 2015;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

21

Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula matul is-seduta mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent indika li talab ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑25 ta’ Jannar 2016.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

23

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet wieħed, fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati f’kompetizzjoni. Jeħtieġ li jiġi eżaminat qabel kollox l-ewwel motiv, insegwitu t-tielet wieħed, sussegwentement it-tieni wieħed, u, fl-aħħar, ir-raba’ motiv.

Osservazzjonijiet preliminari

24

Skont il-ġurisprudenza, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob reviżjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2), jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 19). Id-deċiżjoni meħuda wara reviżjoni tissostitwixxi, b’dan il-mod, id-deċiżjoni oriġinali tal-Bord tal-Għażla (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑28 ta’ April 2015, Garcia Minguez vs Il-Kummissjoni, F‑72/14, EU:F:2015:40, punt 26).

25

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑25 ta’ Jannar 2016, adottata wara t-talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑5 ta’ Novembru 2015, li hija tissostitwixxi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

26

Ir-rikorrent isostni li la d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑5 ta’ Novembru 2015 u lanqas id-deċiżjoni kkontestata ma jippermettu li jinftiehem għaliex il-Bord tal-Għażla ma kkunsidrax li kellu esperjenza ta’ sitt snin fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

27

Ir-rikorrent jippreżumi, abbażi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal‑10 ta’ Ġunju 2016, li l-problema tinsab fi ħdan l-attività tiegħu ta’ konsulent, bħala persuna li taħdem għal rasha, dwar kwistjonijiet ta’ popolazzjoni u ta’ żvilupp. Madankollu, ma huwiex spjegat jekk din l-attività kinitx problematika, peress li eżerċitaha għal rasu, minħabba l-kwalità tal-konsultazzjonijiet jew in-natura tal-kompiti mwettqa. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-esperjenza professjonali tiegħu bħala konsulent hija materjalment l-istess bħal dik miksuba bħala impjegat fl-istess organizzazzjoni, jiġifieri l-Forum Parlamentari Ewropew dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (EPF). Għalhekk kien hemm kontradizzjoni fl-evalwazzjoni ta’ din l-esperjenza u, għaldaqstant, kontradizzjoni fil-motivazzjoni.

28

Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-kundizzjoni speċifika ta’ ammissjoni msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni tippreċiża biss li l-esperjenza għandha tirrigwarda “l-qasam tal-kompetizzjoni” u bl-ebda mod ma huwa meħtieġ f’dan l-istadju “li hija taqa’ direttament fil-qasam tal-kompetizzjoni […] jew li din l-esperjenza għandha tkun rilevanti għall-għanijiet tal-kompetizzjoni”.

29

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal‑10 ta’ Ġunju 2016 hija dik ifformulata mill-EPSO, u mhux mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, b’tali mod li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

30

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

31

Hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li diversi argumenti tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv huma intiżi fir-realtà li jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Għażla tal-esperjenza professjonali tiegħu. Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 48, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Ricoh Belgium vs Il-Kunsill, T‑691/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:641, punt 32).

32

Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrent li huma relatati mal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

33

Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, “[k]ull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata”.

34

Għandu jiġi rrilevat, insegwitu, li hija ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu ta’ motivazzjoni, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex infondata jew le u, min-naħa l-oħra, sabiex jista’ jsir l-istħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Frieberger u Vallin, T‑232/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:15, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Rigward, b’mod iktar speċifiku, id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni, il-qorti tal-Unjoni Ewropea speċifikat li kien meħtieġ, għal dan il-għan, li l-Bord tal-Għażla għandu jindika preċiżament liema kienu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni li kien qies li ma ġewx issodisfatti mill-kandidat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1990, Gonzalez Holguera vs Il-Parlament, T‑115/89, EU:T:1990:84, punt 43, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, De Meerleer vs Il-Kummissjoni, F‑121/05, EU:F:2007:102, punti 145 u 146). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża jista’ jillimita ruħu, fl-istadju ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni bħal din, li jimmotiva r-rifjut b’mod sommarju billi jikkomunika biss lill-kandidati l-kriterji tal-għażla kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, ħlief jekk dawn il-kandidati jitolbuh espressament jipprovdi spjegazzjonijiet individwali (ara, f’dan is-sens, is-sesntenzi tad‑19 ta’ Lulju 1999, Carrión vs Il-Kunsill, T‑168/97, EU:T:1999:154, punt 32, u tat‑13 ta’ Diċembru 1990, Gonzalez Holguera vs Il-Parlament, T‑115/89, EU:T:1990:84, punt 43).

36

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑5 ta’ Novembru 2015 informat lir-rikorrent li huwa ma setax jaċċedi aċċess għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni minħabba li ma kellu ebda esperjenza ta’ mill-inqas sitt snin fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

37

Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, hija tfakkar li, skont l-avviż ta’ kompetizzjoni, il-kandidati biss li jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ ammissibbiltà abbażi tal-informazzjoni mogħtija fl-att tal-kandidatura tagħhom setgħu jiġu ammessi għall-kompetizzjoni. Għandu jingħad ukoll li l-Bord tal-Għażla kien eżamina bir-reqqa l-att tal-kandidatura tiegħu, b’attenzjoni partikolari għall-parti dwar l-esperjenza professjonali u li kien wasal għall-konklużjoni li r-rikorrent ma ssodisfax il-kriterji għall-ammissibbiltà, peress li l-esperjenza ta’ xogħol kienet insuffiċjenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għandu jiżdied li l-konvinzjoni personali tar-rikorrent dwar kif l-esperjenza tiegħu kellha tittieħed inkunsiderazzjoni hija suġġettiva u ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

38

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-10 ta’ Ġunju 2016 tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, billi tipprovdi dettalji tar-raġunijiet li jsostnu din id-deċiżjoni. Issa, f’każ bħal dan, il-legalità tal-att li jikkawża preġudizzju, f’dan il-każ id-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, liema motivazzjoni hija maħsuba sabiex tikkoinċidi mad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) kellha tasal li tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari billi tindirizza l-ilmenti li r-rikorrent kien ressaq fl-ilment tiegħu. B’hekk, minħabba n-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma tistax tiġi mwarrba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2012, Mocová vs Il-Kummissjoni, F‑41/11, EU:F:2012:82, punt 21, id-digriet tat-12 ta’ April 2016, Beiner vs Il-Kummissjoni, F‑135/15, EU:F:2016:77, punt 24, u sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il-Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 87).

39

Mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal-10 ta’ Ġunju 2016 jirriżulta li, skont il-Bord tal-Għażla, l-esperjenza tar-rikorrent deskritta taħt “[e]ntrata 1” tal-att tal-kandidatura tiegħu ma kinitx taqa’ direttament fil-qasam tal-kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura tal-kompiti deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ikkompletata mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal-10 ta’ Ġunju 2016 tindika, b’mod suffiċjentement preċiż, il-kundizzjoni stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni li ma ġietx issodisfatta mir-rikorrent fl-istadju tal-ammissibbiltà, jiġifieri l-kundizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali.

41

Għandu jingħad, barra minn hekk, li l-argumentazzjoni tar-rikorrent mressqa fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, turi li seta’ b’mod suffiċjenti jifhem ir-raġuni li abbażi tagħha ġie rrifjutat għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni.

42

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni

43

Ir-rikorrent isostni li l-punt 2, intitolat “Selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki”, tal-avviż ta’ kompetizzjoni, f’dak li jirrigwarda l-ewwel stadju ta’ verifika tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni, huwa illegali.

44

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għar-rikorrent, it-tielet motiv huwa ammissibbli sa fejn ir-rabta bejn l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni u d-deċiżjoni kkontestata hija inkontestabbli. Mingħajr l-ewwel paragrafu tal-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla ma setax jeskludi l-kandidatura tar-rikorrent fi tmiem l-ewwel fażi ta’ ammissjoni.

45

Ir-rikorrent jikkontesta wkoll l-argument tal-Kummissjoni li l-eventwali dikjarazzjoni ta’ illegalità tal-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza diretta l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti li jinsabu fit-tab “Evalwazzjoni tal-kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura kien fi kwalunkwe każ wassal għall-eliminazzjoni tar-rikorrent. Dan tal-aħħar jistaqsi, fil-fatt, kif il-Kummissjoni tista’ tasal għal din il-konklużjoni peress li l-Bord tal-Għażla preċiżament ma ħax inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ din it-tab.

46

Fuq il-mertu, ir-rikorrent isostni li l-eżami tal-kwalifiki, u b’mod partikolari l-esperjenza professjonali “fid-dawl tal-għanijiet tal-kompetizzjoni” u, għaldaqstant, tal-pożizzjoni li għandha timtela, jimplika neċessarjament l-użu tal-informazzjoni fit-tab “Evalwazzjoni tal-kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura, b’tali mod li jkun jista’ jitwettaq eżami komparattiv, sħiħ, konkret, bir-reqqa u oġġettiv tal-kandidaturi. Għar-rikorrent, dan l-eżami ma jistax serjament isir mingħajr analiżi speċifika u konkreta abbażi ta’ kriterji oġġettivi u peżati tad-diplomi kollha, tal-esperjenza professjonali kollha u tal-għarfien kollu tal-lingwi ddikjarati minn kull kandidat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jiċċita l-punt 2.4 tar-Regoli Ġenerali li Jirregolaw il-Kompetizzjonijiet Miftuħa (ĠU 2015, C 70 A, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa”), li jipprovdi li l-għażla għandha ssir “biss” abbażi tat-tweġibiet għal mistoqsijiet speċifiċi fit-tab “talenti screener [Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet]” tal-att tal-kandidatura (raba’ paragrafu) u li dan tal-aħħar huwa “qafas strutturat” sabiex “iwettaq evalwazzjoni oġġettiva bir-reqqa tal-merti komparattivi tal-kandidati kollha”(it-tieni paragrafu).

47

Approċċ mhux komplut tal-paragun fir-rigward tal-kwalifiki, jew tal-kriterji tal-għażla huwa kuntrarju għall-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-għan fundamentali li jiġu rreklutati l-uffiċjali li għandhom “tal-ogħla livell ta’ kapaċità, [u] effiċjenza”.

48

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal meħud skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża b’mod ċar li, fil-każ ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ kwalifiki, il-Bord tal-Għażla, wara li jistabbilixxi l-kriterji kif il-kwalifiki li abbażi tagħhom il-kandidati għandhom ikunu evalwati, “għandu jikkunidra l-kwalifiki” tal-kandidati ammessi.

49

Barra minn hekk, għalkemm it-tieni paragrafu tal-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi selezzjoni abbażi tal-kwalifiki f’“allegat tieni stadju” abbażi tal-elementi li jinsabu fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura u l-paragun tat-total tal-marki attribwiti lil kull kandidat skont il-punti rċevuti fir-rigward ta’ erbatax-il kriterju ta’ għażla peżati sabiex jiġu aċċettatti l-profili li jaqblu l-iktar mal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu, din id-dispożizzjoni titlef kull effett utli jekk din l-għażla setgħet issir parzjalment matul il-verifika tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, imsejħa b’mod żbaljat “l-ewwel stadju” tas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki, mingħajr l-ebda proċedura sabiex jiġi żgurat eżami komparattiv u oġġettiv tal-kandidati u l-għażla tal-aħjar kandidati.

50

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

51

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, ir-rikorrent iressaq argumenti sabiex jistabbilixxi l-ksur mill-avviż ta’ kompetizzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa, iżda wkoll argumenti intiżi li jistabbilixxu applikazzjoni żbaljata, mill-Bord tal-Għażla, tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

52

Fil-fatt, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Għażla, b’mod żbaljat, fl-ewwel fażi ta’ ammissjoni, ivverifika l-adegwatezza tal-esperjenza ma’ din il-pożizzjoni li għandha timtela, li, skont ir-rikorrent, taqa’ taħt it-tieni fażi tas-selezzjoni fuq il-kwalifiki. Din l-argumentazzjoni għandha titqies bħala mressqa insostenn tal-ewwel ilment tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għalhekk ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami ta’ dan tal-aħħar.

53

Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tielet motiv, għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-Kummissjoni.

54

Għandu jitfakkar li, qabel kollox, li, minkejja li rikorrent għandu dritt jippreżenta, fit-termini preskritti, rikors dirett kontra avviż ta’ kompetizzjoni meta dan ikun jikkostitwixxi deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalu preġudizzju fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, madankollu ma huwiex imċaħħad minnu fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li ma jiġix ammess għall-kompetizzjoni sempliċement għaliex huwa ma kkontestax l-avviż ta’ kompetizzjoni f’ħin xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il-Kummissjoni, T‑60/92, EU:T:1993:74, punt 21, u tal‑31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 40). Kandidat għal kompetizzjoni ma jistax, fil-fatt, jiġi mċaħħad mid-dritt li jikkontesta, fl-elementi kollha tiegħu, inklużi dawk iddefiniti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-fondatezza tad-deċiżjoni individwali adottata fir-rigward tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet iddefiniti f’dan l-avviż, sa fejn tkun din id-deċiżjoni ta’ applikazzjoni biss li tindividwalizza s-sitwazzjoni legali tiegħu u tippermettilu jsir jaf b’ċertezza kif u sa fejn l-interessi partikolari tiegħu huma affettwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il-Kummissjoni, T‑60/92, EU:T:1993:74, punt 23, u tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 41). Fil-fatt, sakemm il-kandidaturi tar-rikorrenti ma kinux miċħuda mill-Bord tal-Għażla, l-interess ġuridiku tagħhom kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni jibqa’ inċert, b’tali mod li ma jistgħux jiġu kkritikati li ma kkontestawx l-imsemmi avviż fit-termini previsti fl-Artikolu 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Rikorrent jista’ għalhekk, f’rikors kontra atti ulterjuri, isostni l-irregolarità ta’ atti preċedenti li huma marbuta mill-qrib magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2017, T‑734/15P, EU:T:2017:612, punt 115).

55

Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni stess tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità allegata tal-avviż ta’ kompetizzjoni mhux ikkontestat fi żmien xieraq, dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’applikazzjoni tar-regoli ta’ ordni pubbliku dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, li ma tistax issir deroga minnhom, f’ipoteżi ta’ dan it-tip, mingħajr ma jiġi kkawżat preġudizzju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1986, Adams et vs Il-Kummissjoni, 294/84, EU:C:1986:112, punt 17; tas‑16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il-Kummissjoni, T‑60/92, EU:T:1993:74, punt 27, u tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 42).

56

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, teżistix rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u t-tielet motiv, ibbażata fuq l-illegalità tal-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

57

F’dan ir-rigward, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din id-deċiżjoni ttieħdet għar-raġuni li l-esperjenza professjonali tar-rikorrent fil-qasam tal-kompetizzjoni ma kinitx twila biżżejjed.

58

Tali motivazzjoni, li taqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, ġiet adottata b’eżekuzzjoni tal-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li jipprevedi preċiżament li l-Bord tal-Għażla għandu, fl-ewwel fażi, jivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni qabel ma jagħmel is-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki, għall-kandidati ammissibbli biss.

59

Ir-rikorrent jikkritika l-legalità tal-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn kellu jiġi mwarrab wara eżami komplet u komparattiv tal-kandidatura tiegħu ma’ dik ta’ kandidati oħra, u mhux wara verifika biss tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni. Fi kliem ieħor, ir-rikorrent isostni li l-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li skontu l-kandidatura tiegħu ġiet imwarrba, huwa illegali sa fejn jipprevedi l-ewwel fażi eliminatorja abbażi biss ta’ verifika tal-kudizzjonijiet għall-ammissjoni, filwaqt li, skontu, il-kandidatura tiegħu kellha tiġi mwarrba biss wara evalwazzjoni kompleta u komparattiva tal-kandidatura tiegħu, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tiegħu.

60

B’hekk ir-rikorrent jinvoka l-illegalità tal-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni li skontu d-deċiżjoni kkontestata ma ammettiex li jkompli bil-kompetizzjoni. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli u għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

61

Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tat-tielet motiv, hemm lok li, qabel xejn, jitfakkar li l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni għandha l-iskop li timla l-pożizzjonijiet li għadhom vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet u li, għalhekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u mill-Artikolu 4 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tistabbilixxi l-avviż ta’ kompetizzjoni u għal dan il-għan li tiddeċiedi l-metodu ta’ selezzjoni tal-kandidati l-iktar xieraq, skont ir-rekwiżiti marbuta mal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u, b’mod iktar ġenerali, mal-interess tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Blackler vs Il-Parlament, T‑420/04, EU:T:2006:282, punt 45).

62

Madankollu, għandu jkun enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mill-Awtorità tal-Ħatra, ikun xi jkun in-numru ta’ persuni li jistgħu jippreżentaw att tal-kandidatura fil-kompetizzjoni inkwistjoni, isib b’mod neċessarju l-limitu tiegħu fl-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt. Minn dan isegwi li l-metodu magħżul mill-Awtorità tal-Ħatra għandu, l-ewwel nett, ikun intiż għar-reklutaġġ tal-persuni li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza u effiċjenza, skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni nett, skont l-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa rriżervat għal Bord tal-Għażla indipendenti d-dmir li jevalwa, każ b’każ, jekk id-diplomi pprovduti jew l-esperjenza professjonali ta’ kull kandidat jikkorrispondux għal-livell meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż ta’ kompetizzjoni u it-tielet nett, għandu jwassal għas-selezzjoni koerenti u oġġettiva tal-kandidati (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Glantenay et vs Il-Kummissjoni, F‑23/12 u F‑30/12, EU:F:2013:127, punt 70).

63

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-fatt li l-kandidati huma eliminati wara l-verifika tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni mingħajr ma ġiet evalwata l-kandidatura tagħhom abbażi tal-informazzjoni pprovduta minnhom fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tagħhom imur kontra l-Artikoli 27 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa.

64

B’hekk, għar-rikorrent, l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni tirriżulta mill-fatt li l-kandidati jiġu eliminati f’fażi bikrija wisq mingħajr ma jkun hemm stħarriġ komplet u konkret tal-kandidatura tagħhom imqabbel mal-pożizzjoni li għadha timtela.

65

Preliminarjament, hemm lok li tiġi osservata kontradizzjoni bejn l-argumentazzjoni tar-rikorrenti żviluppat fil-kuntest tat-tielet motiv u dik esposta iktar ’il quddiem fir-rigward tal-ewwel ilment tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Skont dan tal-aħħar, ir-rikorrent jikkritika, għall-kuntrarju, lill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li ma llimitax ruħu għal kontroll astratt tal-kundizzjonijiet minimi għall-ammissjoni u li ma pposponiex l-eżami tar-rilevanza tal-esperjenza tiegħu mqabbla mal-pożizzjoni li għandha timtela f’fażi ulterjuri.

66

Għandu barra minn hekk jiġi vverifikat jekk is-separazzjoni stretta stabbilita fil-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, taħt it-taqsima “Kif nintħgażel”, bejn il-fażi ta’ ammissjoni u l-fażi ta’ selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki hijiex kuntrarju għar-Regolamenti tal-Persunal u għar-RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa.

67

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, jekk, kif jirrileva r-rikorrent, mill-punt 2.4 tar-RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa jirriżulta li t-tieni fażi “ssir biss fuq il-bażi tat-tweġibiet għal mistoqsijiet speċifiċi fit-tab ‘talent screener’ tal-formola tal-applikazzjoni onlajn”, mill-imsemmi punt jirriżulta wkoll li “[l]għażla abbażi tal-kwalifiki ssir wara li titlesta l-verifika tal-eliġibbiltà fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet onlajn”, u li “[i]l-bord tal-għażla jivvaluta biss il-kwalifiki ta’ dawk il-kandidati li nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-eliġibbiltà”.

68

It-tieni nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eliminazzjoni tal-kandidati fi tmiem il-fażi ta’ verifika tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni hija prevista b’mod espliċitu mill-proċedura ta’ kompetizzjoni kif tirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li, “[w]ara li teżamina dawn il-fajls [tal-kandidati], il-Bord ta’ l-Għażla għandha tħejji lista ta’ kandidati, li jħarsu l-ħtiġiet ippreżentati fl-avviż tal-kompetizzjoni”, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess anness, li skontu, meta l-kompetizzjonijiet huma bbażati kemm fuq l-eżamijiet kif ukoll fuq il-kwalifiki, bħal f’dan il-każ, “il-Bord ta’ l-Għażla għandu jgħid min mill-kandidati fuq il-lista se jkunu ammessi għall-eżamijiet”.

69

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, imsemmi mir-rikorrent, jikkonċerna l-kompetizzjonijiet bbażati fuq kwalifiki u ma huwiex, għaldaqstant, applikabbli għall-kompetizzjoni litiġjuża, li kienet kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni, imsemmija mir-rikorrent, tipprevedi li l-Bord tal-Għażla jeżamina biss il-kwalifiki “tal-kandidati li jidhru fuq il-lista pprovduta fl-ewwel paragrafu”, jiġifieri l-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni stabbiliti fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

70

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-punt 2.4 tar-RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa jirriżulta li t-tieni fażi tikkonċerna biss il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni. B’hekk, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli, l-avviż ta’ kompetizzjoni mhux biss seta’, iżda kellu jipprevedi verifika minn qabel tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni qabel ma l-Bord tal-Għażla eżamina l-kwalifiki.

71

Ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti intiżi sabiex jistabbilixxu li, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa, l-Awtorità tal-Ħatra xorta kisret ir-rekwiżiti iktar ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 27 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma teċċepix, lanqas b’mod sussidjarju, l-illegalità tal-punt 2.4 tar-RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa u tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fid-dawl tal-imsemmija artikoli tar-Regolamenti tal-Persunal.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, kollu kemm hu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

73

It-tieni motiv jinqasam f’żewġ ilmenti.

74

L-ewwel ilment huwa li l-Bord tal-Għażla ma llimitax ruħu, fil-kuntest tal-fażi ta’ verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, li jivverifika jekk ir-rikorrent jissodisfax il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, iżda wkoll evalwa l-adegwatezza tal-esperjenza professjonali tiegħu mal-pożizzjoni li għandha timtela, li, skont ir-rikorrent, taqa’ biss fil-fażi ulterjuri tas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki.

75

Permezz tat-tieni lment, huwa jikkritika lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li ma kkunsidrax li l-esperjenza deskritta fl-“[e]trata 1” tal-att tal-kandidatura tar-rikorrent kienet “fil-qasam tal-kompetizzjoni”.

76

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

Fuq l-ewwel ilment

77

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Għażla wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi ma ddistingwiex, fir-rigward tas-suġġett tal-istħarriġ tiegħu, bejn l-ewwel fażi — dik ta’ ammissjoni — u t-tieni wieħed — dik tas-selezzjoni abbażi ta’ kwalifiki. Skont ir-rikorrent, fil-kuntest tal-ewwel fażi, il-Bord tal-Għażla kellu jillimita ruħu għall-verifika jekk l-esperjenza professjonali tiegħu taqax fil-qasam tal-kompetizzjoni. Huwa biss fil-kuntest tat-tieni fażi li l-Bord tal-Għażla kien obbligat jeżamina jekk l-esperjenza professjonali tal-kandidati kinitx adegwata mal-pożizzjoni li għandha timtela, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura. Issa, skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Għażla għamel konfużjoni bejn iż-żewġ stadji meta vverifika, mill-ewwel wieħed, l-adegwatezza tal-esperjenza tiegħu ma’ din il-pożizzjoni li għandha timtela.

78

Għandu jiġi osservat qabel kollox li l-qari tal-avviż ta’ kompetizzjoni magħmul mir-rikorrent, li barra minn hekk huwa wkoll dak magħmul mill-Kummissjoni, huwa korrett.

79

L-avviż tal-kompetizzjoni jinkludi, fil-fatt, taqsima intitolata “Kif nintgħażel” li l-punt 2 tiegħu, intitolat “Selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki”, huwa fformulat kif ġej:

“L-ewwel nett, ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà se jiġu vverifikati fuq il-bażi tad-dejta pprovduta fl-applikazzjoni online tal-kandidati.

[…]

It-tieni nett, għall-kandidati eliġibbli biss magħżula kif spjegat hawn fuq; is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki ssir bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-kandidati fit-taqsima Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet (EN – Talent Screener, FR – évaluateur de talent, DE – Talentfilter) tal-formola tal-applikazzjoni. Il-bord ta’ selezzjoni jassenja piż lil kull kriterju ta’ selezzjoni li jirrifletti l-importanza relattiva tiegħu (1 sa 3) u t-tweġibiet ta’ kull kandidat jingħataw bejn 0 u 4 punti.

Imbagħad, il-bord ta’ selezzjoni jimmultiplika l-punti bil-piż ta’ kull kriterju u jgħoddhom sabiex jidentifika dawk li l-profili tagħhom jaqbel l-aktar mad-dmirijiet li għandhom jitwettqu.”

80

Mill-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta b’mod ċar li d-deskrizzjoni tal-fażi ta’ verifika tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni, introdotta permezz tal-espressjoni “l-ewwel nett”, qabel dik tal-fażi tas-selezzjoni fuq kwalifiki, introdotta permezz tal-espressjoni “it-tieni nett”. Huwa wkoll mingħajr dubju li l-kandidati li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni, u li għalhekk ma humiex meqjusa bħala ammissibbli, ma humiex ammessi għall-fażi tas-selezzjoni bbażata tal-kwalifiki.

81

Huwa minnu li, kif tosserva r-rikorrenti u kif ammettiet il-Kummissjoni, li t-titolu tal-punt 2, jiġifieri “Selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki” jwassal għal konfużjoni billi jissuġġerixxu li dan il-punt jikkonċerna biss il-fażi tas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki. Madankollu, kif jirriżulta mill-kontenut espliċitu tiegħu, il-fażi tas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki ssegwi l-fażi ta’ ammissjoni, peress li kull waħda minn dawn il-fażijiet twassal għal tip partikolari ta’ stħarriġ mill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni. Fil-kuntest tal-fażi ta’ ammissjoni, il-Bord tal-Għażla għandu jivverifika jekk ir-rekwiżiti għall-ammissjoni stabbiliti taħt it-taqsima “Jien eliġibbli biex napplika?” humiex issodisfatti u, f’dan il-każ, jekk l-esperjenza professjonali tal-kandidati taqax fl-ambitu tal-kompetizzjoni. Fil-kuntest tal-fażi ta’ selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki, u biss għal dawk il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni, il-Bord tal-Għażla jagħżel il-kandidati abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-kandidati fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tagħhom.

82

Għaldaqstant, ma hemmx nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-fażi ta’ verifika tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u l-fażi tas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki, filwaqt li t-tieni fażi japplika biss għall-kandidati li jkunu għaddew b’suċċess l-ewwel.

83

Dan li r-rikorrent jilmenta dwar il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni huwa li, fil-kuntest tal-ewwel fażi, jiġifieri dik ta’ ammissjoni, ivverifika l-adegwatezza tal-esperjenza professjonali tiegħu mal-pożizzjoni li għandha timtela, li, skontu, jaqa’ fit-tieni fażi, jiġifieri dik tas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki.

84

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, fil-kuntest tal-ewwel fażi, il-Bord tal-Għażla kellu jivverifika, b’mod partikolari, jekk il-kandidati ssodisfawx il-kundizzjonijiet speċjali msemmija taħt l-intestatura “Jien eliġibbli biex napplika?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni, marbut mal-kwalifiki u mal-esperjenza professjonali. Skont dawn il-kundizzjonijiet, il-kandidati kellu jkollhom:

“Mill-inqas erba’ snin ta’ studji universitarji kompluti attestati permezz ta’ diploma, u minimu ta’ sitt snin ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni wara l-kisba tad-diploma

jew

Mill-inqas tliet snin ta’ studji universitarji kompluti attestati permezz ta’ diploma, u minimu ta’ seba’ snin ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni wara l-kisba tad-diploma”.

85

B’hekk, huwa l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li għandu jivverifika jekk il-kandidati kellhomx, b’mod partikolari, esperjenza professjonali (ta’ sitt jew ta’ seba’ snin, skont il-każ) “fil-qasam tal-kompetizzjoni”, li huwa ddefinit fl-intestatura tal-komeptizzjoni bħala “Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u Maniġment tal-Għajnuna lil Pajjiżi li mhumiex fl-UE”.

86

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal-10 ta’ Ġunju 2016 u mid-dokument ta’ evalwazzjoni tal-kwalifiki tar-rikorrent, anness mar-risposta, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni qies li r-rikorrent ma kienx issodisfa l-kundizzjoni ta’ esperjenza fil-qasam tal-kompetizzjoni ta’ mill-inqas sitt snin, fid-dawl tan-natura tal-kompiti deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni. B’hekk, sabiex jivverifika jekk l-esperjenza professjonali tar-rikorrent kinitx “fil-qasam tal-kompetizzjoni”, il-Bord tal-Għażla bbaża ruħu fuq il-kompiti tal-pożizzjoni li għandha timtela, kif inhuma deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

87

Issa, għalkemm, fil-kuntest tal-ewwel fażi, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għandha biss jivverifika jekk l-esperjenza tal-kandidat teżistix fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa għandu, għal dan il-għan, iqabbel l-attivitajiet imwettqa minn kandidat bħal dawk stabbiliti fl-att tal-kandidatura tiegħu mal-funzjonijiet tal-pożizzjoni li għandha timtela. Dan l-approċċ huwa barra minn hekk espressament previst fil-punt 1.3 ta’ RĠ Kompetizzjonijiet Miftuħa, imsemmija mir-rikorrenti, li minnhom jirriżulta:

“L-esperjenza professjonali tiegħek titqies biss jekk tkun rilevanti għan-natura tal-funzjonijiet deskritti fl-avviż tal-kompetizzjoni.

[…]

Ta’ min jinnota li jekk l-avviż tal-kompetizzjoni jirrikjedi esperjenza professjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, kull element tal-esperjenza professjonali tiegħek […] jitqies biss jekk huwa rilevanti għal dak il-qasam.

Huwa importanti li fil-formola ta’ applikazzjoni tiegħek tispeċifika n-natura tad-dmirijiet li wettaqt fl-akbar dettall possibbli sabiex il-bord tal-għażla jkun jista’ jivvaluta r-relevanza tal-esperjenza tiegħek għad-dmirijiet li għalihom inti qed tapplika.”

88

Din it-tip ta’ proċedura tal-Bord tal-Għażla hija wkoll konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-kundizzjonijiet tad-dħul għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet relatati mal-postijiet li għandhom jimtlew, b’tali mod li l-parti li tikkonċerna n-natura tal-funzjonijiet u l-parti li tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkonċernat għandhom jiġu kkunsidrati flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑146/99, EU:T:2000:194, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Meta jitqabblu l-attivitajiet tal-kandidat, deskritti fit-tab “Esperjenza professjonali” tal-att tal-kandidatura tiegħu, mal-funzjonijiet tal-pożizzjoni li għandha timtela kif deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla ma għandux, kuntrarjament għal dak li jafferma r-rikorrent, jevalwa l-adegwatezza tal-esperjenza tiegħu ma’ din il-pożizzjoni li għandha timtela. Din l-evalwazzjoni taqa’ fil-fażi ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki li ssir fit-tieni fażi. Kif jirriżulta mill-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, f’din it-tieni fażi, il-Bord tal-Għażla jagħżel il-kandidati li jkunu temmew b’suċċess l-ewwel pass billi tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-applikazzjoni tagħhom u l-kriterji tal-għażla elenkati fl-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Huwa fil-kuntest ta’ din it-tieni fażi li, kif huwa indikat fil-punt 2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla għandu jidentifika “dawk [il-kandidati] li l-profili tagħhom jaqbel l-aktar mad-dmirijiet li għandhom jitwettqu”.

90

Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li r-rikorrent sempliċement isostni li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, fil-kuntest tal-fażi ta’ ammissjoni, ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tinsab fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura, u għalhekk il-kriterji ta’ selezzjoni fl-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma pproduċa l-iċken prova f’dan is-sens.

91

Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tar-rikorrent huwa bbażat fuq konfużjoni tas-suġġett tal-istħarriġ tal-Bord tal-Għażla, li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ma evalwax, fil-kuntest tal-ewwel fażi, l-adegwatezza tal-esperjenza professjonali tiegħu ma’ dik tal-pożizzjoni li għandha timtela fid-dawl tal-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti fl-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, iżda llimita ruħu li jivverifika jekk l-esperjenza tiegħu taqax fil-qasam tal-kompetizzjoni billi qabbel l-esperjenza ddikjarata fl-att tal-kandidatura tiegħu mal-funzjonijiet deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

92

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

Fuq it-tieni lment

93

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal‑10 ta’ Ġunju 2016 u d-dokument ta’ evalwazzjoni tal-kwalifiki tar-rikorrent, anness mar-risposta, il-Bord tal-Għażla ma qiesx li l-esperjenza tar-rikorrent, deskritta taħt l-“[e]ntrata 1” tal-att tal-kandidatura tiegħu, tinsab “direttament ‘fil-qasam tal-kompetizzjoni’, jiġifieri l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-maniġment tal-għajnuna lil pajjiżi li humiex fl-UE”.

94

Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrent jikkontesta din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla. Huwa jikkritika b’mod partikolari d-differenza ta’ evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla dwar l-esperjenza deskritta taħt l-“[e]entrata 1” u dik deskritta taħt l-“[e] ntratata 2” tal-att tal-kandidatura tiegħu.

95

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qies li l-esperjenza professjonali tar-rikorrent deskritta taħt l-“[e] ntratat 1” tal-att tal-kandidatura tiegħu ma taqax fil-qasam tal-kompetizzjoni.

96

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Bord tal-Għażla huwa marbuta mat-test tal-avviż ta’ kompetizzjoni kif ikun ġie ppubblikat. Fil-fatt, ir-rwol essenzjali tal-avviż ta’ kompetizzjoni huwa li jinforma lill-persuni kkonċernati bl-iktar mod eżatt possibbli bin-natura tal-kundizzjonijiet stipulati sabiex il-pożizzjoni li dwarha jirrigwarda dan l-avviż timtela bl-għan li b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw, minn naħa, jekk hemmx lok li jippreżentaw l-att tal-kandidatura tagħhom u, min-naħa l-oħra, liema dokumenti ta’ sostenn huma importanti għax-xogħol tal-Bord tal-Għażla u għandhom, konsegwentement, jiġu mehmuża mal-atti ta’ kandidatura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ April 2001, Zaur-Gora u Dubigh vs Il-Kummissjoni, T‑95/00 u T‑96/00, EU:T:2001:114, punt 47, u s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑156/07 u T‑232/07, mhux ippubblikata, EU:T:2010:392, punt 87).

97

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali, ġie deċiż li l-funzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intiż sabiex “jinforma lill-persuni kkonċernati bl-iktar mod preċiż possibbli”, ma jipprekludix li l-Bord tal-Għażla jitħalla jkun responsabbli sabiex jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali ddikjarata minn kull kandidat tikkorrispondix mal-livell rikjest mill-avviż ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1989, Belardinelli et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 225/87, EU:C:1989:309, punt 13, u tal-25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, EU:T:2004:91, punt 37).

98

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, f’dak li jikkonċerna kemm in-natura u t-tul tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati kif ukoll ir-rabta iktar jew inqas mill-qrib li dawn jistgħu jkollhom mal-ħtiġijiet tal-pożizzjoni li għandha timtela. B’hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha dwar il-legalità, il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa kienx ivvizzjat minn żball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1990, Gonzalez Holguera vs Il-Parlament, T‑115/89, EU:T:1990:84, punt 54, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eppe vs Il-Parlament, T‑439/03, mhux ippubblikata, EU:T:2005:266, punt 36).

99

Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni li, fil-prinċipju u skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-kandidat għal kompetizzjoni li għandu jipprovdi lill-Bord tal-Għażla bl-informazzjoni u bid-dokumenti kollha li huwa jqis utli għall-eżami tal-kandidatura tiegħu sabiex jippermetti lill-Bord tal-Għażla jivverifika jekk dan jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni, u dan a fortiori jekk dan ġie mistieden jagħmel dan b’mod espress u formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1989, Belardinelli et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 225/87, EU:C:1989:309, punt 24, u tal-20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T‑133/89, EU:T:1990:36, punti 31 u 34). Il-Bord tal-Għażla, meta jiddeċiedi dwar l-ammissjoni jew it-tkeċċija tal-kandidati li qed jikkompetu, huwa għaldaqstant awtorizzat li jillimita l-eżami tiegħu biss għall-atti ta’ kandidatura u għad-dokumenti annessi magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2002, Martínez Alarcón vs Il-Kummissjoni, T‑357/00, T‑361/00, T‑363/00 u T‑364/00, EU:T:2002:66, punt 76, u tat‑28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T‑332/01, EU:T:2002:289, punti 42 sa 44).

100

Fil-kuntest ta’ din it-tilwima, għandu jiġi ppreċiżat li, minħabba d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Bord tal-Għażla, li jiġi stabbilit li dan tal-aħħar wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti tali li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni meħuda jassumi li l-provi, li hija r-responsabbiltà tar-rikorrent li jipproduċi, ikunu b’hekk suffiċjenti sabiex ma jkunux plawsibbli l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2013, Demeneix vs Il-Kummissjoni, F‑96/12, EU:F:2013:52, punt 45, u d-digriet tat‑12 ta’ April 2016, Beiner vs Il-Kummissjoni, F‑135/15, EU:F:2016:77, punt 38).

101

Kif jirriżulta mill-punti 87 u 88 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet marbuta mal-postijiet li għandhom jimtlew, b’tali mod li l-parti dwar in-natura tad-dmirijiet u dik dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu kkunsidrati flimkien.

102

F’dan il-każ, l-Anness I tal-avviż tal-kompetizzjoni, li jiddeskrivi l-kompiti tal-pożizzjoni li għandha timtela, isemmi li l-amministraturi għandhom iwettqu kompiti fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bħal, b’mod partikolari, “ analiżi tal-kwistjonijiet u politiki relatati mal-iżvilupp, l-elaborazzjoni ta’ politiki nazzjonali u reġjonali għall-iżvilupp […] u djalogi ta’ politika mas-sħab u l-partijiet konċernat”, “jipparteċipaw fl-identifikazzjoni u l-formulazzjoni ta’ proġetti u programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp”, “jipparteċipaw fl-immaniġġjar operazzjonali ta’ proġetti u programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż l-abbozzar ta’ termini ta’ riferenza, is-sejħiet għall-offerti, l-ikkuntrattar u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni [tagħhom]”, “jipparteċipaw fl-immaniġġjar operazzjonali tal-porogrammi ta’ appoġġ baġitarju għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp”, “jissorveljaw u jevalwa il-proġetti u programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp” u “jaġixxu bħal ħolqa mal-atturi rilevanti kollha bħall-kontropartijiet governattivi, organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, l-Istati Membri u soċjetà ċivili fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp”.

103

Taħt “[e]ntrata 1” tal-att tal-kandidatura tar-rikorrent, li tikkorrispondi mal-esperjenza professjonali tiegħu għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2012 sat-8 ta’ Mejju 2015, it-tip ta’ esperjenza hija ddefinita bħala “relazzjonijiet pubbliċi” u l-attivitajiet imwettqa mir-rikorrent huma deskritti kif ġej: “Kollaborazzjoni mar-rappreżentanti eletti jew mhux eletti, l-awtoritajiet parlamentari, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjonali u l-membri tas-soċjetà ċivili dwar l-attivitajiet ta’ promozzjoni parlamentari li jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki. L-iżvilupp, it-tfassil u l-ġestjoni ta’ proposti ta’ proġetti, it-tixrid ta’ materjal ta’ promozzjoni parlamentari (bulettin bilingwi, manwali, noti ta’ informazzjoni) u assistenza għall-inizjattivi parlamentari (seduti, round tables, emendi, mistoqsijiet, diskorsi, ittri, editorjali ta’ opinjoni)”.

104

Taħt it-taqsima “Tip jew settur ta’ attività” l-“[e]ntrata 1”, huwa speċifikat li dan jikkonċerna “relazzjonijiet pubbliċi u konsulenza f’servizzi ta’ promozzjoni dwar kwistjonijiet ta’ popolazzjoni u ta’ żvilupp”.

105

B’hekk, is-settur ta’ attività indikat taħt l-“[e]ntrata 1” jirreferi għal kwistjonijiet ta’ popolazzjoni u ta’ żvilupp, li ma huwiex ikkontestat li huma relatati mal-qasam tal-kompetizzjoni, li jirrigwarda l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-ġestjoni tal-għajnuna lil pajjiżi mhux membri tal-Unjoni.

106

Fl-istess ħin, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-kompiti deskritti taħt l-“[e]ntrata 1” huma attivitajiet ta’ konsulenza li għandhom bħala suġġett l-“attivitajiet ta’ promozzjoni parlamentari”. Barra minn hekk, it-taqsimiet “Tip ta’ esperjenza” u “Tip jew settur ta’ attività”, li fid-dawl tagħhom il-formulazzjoni tal-kompiti għandha tinqara, jirreferu kemm għal attivitajiet ta’ “relazzjonijiet pubbliċi”, kif ukoll għal “attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi u [ta’] konsulenza f’servizzi ta’ promozzjoni (advocacy)”.

107

Skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq, dawn il-kompiti għandhom jitqegħdu waħda ħdejn l-oħra fir-rigward tal-funzjonijiet tal-pożizzjoni li għandha timtela kif deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li jikkonsistu b’mod partikolari f’li tiġi żviluppata u żgurata l-ġestjoni operattiva kif ukoll li jsir is-segwitu u l-evalwazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp jew ta’ sostenn baġitarju għal tali programmi ta’ kooperazzjoni.

108

Issa, il-kompiti mressqa mir-rikorrent taħt l-“[e]ntrata 1” setgħu jinftehmu mill-Bord tal-Għażla bħala li ma jidhrux li jinvolvu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ programm ta’ kooperazzjoni jew ta’ sostenn baġitarju. Għaldaqstant, il-Bord tal-Għażla, li għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni xi ftit jew wisq mill-qrib li l-esperjenza tal-kandidat jista’ jkollha mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li għandha timtela, kienet fondata meta kkunsidra li l-kompiti b’hekk deskritti mir-rikorrent huma distinti mill-kompiti ddikjarati fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

109

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Bord tal-Għażla kkonkluda li l-esperjenza mogħtija taħt l-“[e]ntrata” ma taqax fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet relatati mal-pożizzjoni li għandha timtela.

110

L-ebda argument imressaq mir-rikorrent ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni. Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrent ibbażata fuq allegata inkoerenza fl-evalwazzjoni tal-“[e]ntrata 1” u l-“[e]ntrata 2” tal-att tal-kandidatura tiegħu, qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrent stess jirrikonoxxi li l-attivitajiet deskritti taħt l-“[e]ntrata 1” u l-“[e]ntrata 2” huma fformulati b’mod identiku. It-tieni nett, huwa jsostni li l-attivitajiet tiegħu deskritti taħt l-“[e]ntrata 1” u l-“[e]ntrata 2” kienu twettqu għall-benefiċċju ta’ entità waħda, jiġifieri EPF, li ma jirriżulta bl-ebda mod mill-att tal-kandidatura tiegħu. Fir-replika, ir-rikorrent isostni li l-attivitajiet tiegħu deskritti taħt l-“[e]ntrata 1” u l-“[e]ntrata 2” kienu jikkonċernaw il-politiki kollha ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp u l-ġestjoni tal-għajnuna lill-pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni, mingħajr ma seta’ jsostni din l-allegazzjoni permezz ta’ provi. Barra minn hekk, huwa jafferma, mill-ġdid mingħajr ma jistabbilixxi, li l-funzjonijiet tiegħu, kif deskritti taħt l-“[e]ntrata 1” u l-“[e]ntrata 2”, kienu kollha jinvolvu attivitajiet tematiċi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw sħab tal-Unjoni u pubblikazzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b’mod iktar speċifiku dwar l-isfidi fil-qasam tal-popolazzjoni.

111

Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrent li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni b’mod żbaljat ħa inkunsiderazzjoni l-istatus li jaħdem għal rasu fit-twettiq tal-attivitajiet deskritti taħt l-“[e]ntrata 1”, għandu jiġi rrilevat li ma jirriżulta minn ebda deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, u lanqas id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal‑10 ta’ Ġunju 2016, li l-attivitajiet deskritti taħt l-“[e]ntrata 1” ma jaqgħux fil-qasam tal-kompetizzjoni minħabba li r-rikorrent kien eżerċitahom bħala konsulent għal rasu, u mhux bħala impjegat.

112

Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent bbażati fuq l-informazzjoni li tinsab fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tiegħu, għandu jitfakkar li, fil-fażi tal-verifika tal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex ikun ammess għall-kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ma kienx obbligat jikkunsidra l-informazzjoni li tinsab f’dan it-tab (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ April 2016, Beiner vs Il-Kummissjoni, F‑135/15, EU:F:2016:77, punt 47). Fil-fatt, kif diġà ntqal, mill-punt 2 tat-taqsima “Kif nintgaħżel?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni li s-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki bbażati fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-kandidati fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tiegħu ssir “[i]t-tieni nett, għall-kandidati eliġibbli biss”. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, fuq dan il-punt, ir-rikorrent jikkontradixxi lilu nnifsu, peress li huwa stess isostni, fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tielet motiv, li, fl-ewwel fażi ta’ ammissjoni, il-Bord tal-Għażla ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tinsab fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tiegħu.

113

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu jiġi miċħud, u għalhekk, it-tieni motiv kollu, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

114

Ir-rikorrent isostni li l-interpretazzjoni żbaljata tal-avviż ta’ kompetizzjoni mill-Bord tal-Għażla u li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑5 ta’ Novembru 2015 li tirriżulta minnha joħolqu ksur ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, u b’mod partikolari bejnu, li l-esperjenza professjonali ma ġietx eżaminata fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tiegħu, u l-kandidati li l-esperjenza u l-kwalifiki l-oħra tagħhom kienu s-suġġett ta’ tali eżami komparattiv.

115

Ir-rikorrent isostni li mhux biss ir-rilevanza tal-kwalifiki tal-kandidati l-oħra ġiet eżaminata, li ma kienx il-każ li jikkonċernah, iżda l-għadd totali ta’ punti li setgħu jiġu attribwiti lilu, jekk ir-rilevanza tal-kwalifiki kollha tiegħu kienet ġiet eżaminata, kien ikun daqs jew iktar mit-total tal-punti mogħtija lill-kandidati l-oħra.

116

Għaldaqstant, din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata. Billi illegalment eskluda mill-kompetizzjoni anki qabel is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki bbażata fuq l-informazzjoni li tinsab fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tiegħu, b’differenza mal-kandidati l-oħra ammissibbli, il-Bord tal-Għażla ħoloq “diskriminazzjoni irregolari” fir-rigward tar-rikorrent abbażi tal-verifika daqstant ieħor irregolari tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, barra l-iżball ta’ evalwazzjoni u l-ksur tar-regoli u tal-proċeduri applikabbli fil-qasam ta’ selezzjoni abbażi tal-kwalifiki.

117

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

118

Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, EU:C:2007:490, punt 63, u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il-Kummissjoni, C‑71/07 P, EU:C:2008:424, punt 50).

119

F’suġġett li jaqa’ fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, dan il-prinċipju jinkiser meta l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Jannar 2003, Hirsch vs BĊE, T‑94/01, T‑152/01 u T‑286/01, EU:T:2003:3, punt 51; tat‑8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il-Kummissjoni, T‑357/04, EU:T:2006:339, punt 54, u tad‑29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, EU:T:2006:366, punti 95 sa 97).

120

F’dan il-każ, kif diġà ssemma, l-avviż ta’ kompetizzjoni għamel distinzjoni bejn il-fażi ta’ verifika tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u l-fażi ta’ selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, u din l-aħħar fażi ssir biss għall-kandidati aċċettati fi tmiem il-fażi preċedenti.

121

Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 43 sa 72 iktar ’il fuq, relatati mat-tielet motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, jirriżulta li din id-distinzjoni stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni ma hijiex illegali.

122

Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 73 sa 113 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont l-avviż ta’ kompetizzjoni u mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Bord tal-Għażla eskluda l-kandidatura tar-rikorrent fi tmiem il-fażi ta’ ammissjoni.

123

Għalhekk ir-rikorrent ma jistax iqabbel is-sitwazzjoni tiegħu ma’ dik tal-kandidati ammissibbli, li l-kandidatura tagħhom kienet is-suġġett ta’ eżami fil-kuntest tat-tieni fażi ta’ selezzjoni abbażi tal-kwalifiki u li ma kinux jinsabu fl-istess sitwazzjoni tiegħu.

124

Minn dan isegwi li r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi miċħud.

125

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

126

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Vincent Villeneuve huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Settembru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.