SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Cedefop – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2015 – Deċiżjoni li r-rikorrent ma ma jiġix promoss għall-grad AD 12 – Artikoli 44 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Paragun tal-merti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ċaħda impliċita tal-ilment – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T-601/16,

Georges Paraskevaidis, residenti f’Auderghem (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Pappas, avukat,

rikorrent,

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Cedefop), irrappreżentat minn M. Fuchs, bħala aġent, assistita minn A. Duron, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur taċ-Cedefop tal-4 ta’ Novembru 2015 li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AD 12 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2015 u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-dannu li allegatament ġarrab ir-rikorrent minħabba din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrent, G. Paraskevaidis, sar uffiċjal fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 1988 fil-grad A 7. Fil-15 ta’ Lulju 1996, huwa ġie ikkollokat fi ħdan iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Cedefop), bħala aġent temporanju sabiex jokkupa l-pożizzjoni ta’ amministratur, u wara l-pożizzjoni ta’ kap tal-amministrazzjoni.

2

B’effett mill-1 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrent ġie ttrasferit lejn iċ-Cedefop, fejn sar uffiċjal fil-grad A 5, skala 2. Fl-2002, huwa ġie assenjat mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ konsulent għar-riforma amministrattiva.

3

Wara l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrent ġie kklassifikat fil-grupp ta’ funzjonijiet ta’ amministratur (AD), għall-grad AD 11.

4

Wara li, fl-1 ta’ Settembru 2003, ġie kkollokat fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR), ir-rikorrent mar lura ċ-Cedefop fis-16 ta’ Jannar 2007 bħala Kap tal-Finanzi u tal-Kuntratti Pubbliċi. Matul dak il-perijodu, huwa kien ikklassifikat fil-grad AD 11, skala 5.

5

Fl-1 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrent laħaq l-iskala 8, jiġifieri l-ogħla skala fil-grad AD 11. Għaldaqstant, huwa talab li jiġi promoss għall-grad AD 12, l-ewwel nett, fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2010, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-18 ta’ Mejju 2011, u sussegwentement fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2011. Madankollu, dawn it-talbiet tiegħu ma ntlaqgħux.

6

Parallellament, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent talab li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ attività tiegħu fi ħdan l-EAR u l-punti ta’ mertu li huwa kien kiseb hemmhekk, sabiex jiġi ffaċilitat l-avvanz tiegħu fi ħdan iċ-Cedefop. Din it-talba ġiet miċħuda essenzjalment minħabba li r-rikorrent kien ġie kkollokat fi ħdan l-EAR mhux fl-interess tas-servizz u għalhekk fil-kwalità ta’ uffiċjal, iżda fuq talba tiegħu u fl-interess tiegħu stess, u għalhekk fil-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju, u li ma kienx rilevanti għaċ-Cedefop li jieħu inkunsiderazzjoni din l-esperjenza sabiex jevalwa l-merti tal-kandidat għall-promozzjoni.

7

Fid-9 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrent ressaq talba quddiem id-Direttur taċ-Cedefop, l-Awtorità tal-Ħatra skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jikkontesta l-fatt li huwa ma kien ibbenefika minn ebda promozzjoni matul 20 sena. It-talba tiegħu ma ntlaqgħatx.

8

Fil-31 ta’ Marzu 2015, is-superjur dirett tar-rikorrent bagħat lista ta’ uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. Isem ir-rikorrent kien inkluż f’din il-lista, għalkemm ġie ppreċiżat li l-promozzjoni tiegħu kienet ta’ prijorità sekondarja.

9

Fis-6 ta’ Awwissu 2015, il-Kap tad-Dipartiment “Riżorsi Umani” taċ-Cedefop ippubblika lista ta’ uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni. Isem ir-rikorrent kien inkluż fost l-uffiċjali eliġibbli għall-grad AD 12.

10

Madankollu, isem ir-rikorrent ma kienx inkluż fil-lista ta’ uffiċjali stabbilita mill-kumitat tat-tmexxija fl-14 ta’ Ottubru 2015 u li l-promozzjoni tagħhom kienet proposta lill-Awtorità tal-Ħatra.

11

Fl-4 ta’ Novembru 2015, l-Awtorità tal-Ħatra stabbilixxiet il-lista ta’ uffiċjali promossi, li fiha ma kienx hemm inkluż isem ir-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12

Fid-29 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, innotifikata lill-Awtorità tal-Ħatra fit-3 ta’ Frar 2016. F’dan l-ilment, huwa sostna li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, li kienet tikser l-Artikoli 44 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ aspettattivi leġittimi. L-ilment kien jinkludi wkoll talba għad-danni.

13

Fid-19 ta’ April 2016, ir-rikorrent ppreżenta argumenti orali insostenn tal-ilment tiegħu lill-kumitat tal-appell.

14

Iċ-Cedefop ma tax risposta espliċita għal din it-talba, la fi żmien erba’ xhur previst mir-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas sussegwentement.

15

Ir-rikorrent reġa’ beda jaħdem mill-ġdid mal-Kunsill fl-1 ta’ Frar 2016.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16

Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors, li inizjalment ġie rreġistrat bin-numru F‑31/16.

17

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li kienet fih fil-31 ta’ Awwissu 2016 u issa għandha tinqata’ skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑601/16 u assenjata lid-Disa’ Awla.

18

Billi l-partijiet ma talbux li tinżamm seduta, skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u billi qieset li l-informazzjoni fil-fajl tal-kawża kienet ċara biżżejjed, il-Qorti Ġenerali (Disa’ Awla) iddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr l-istadju orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

19

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna liċ-Cedefop għad-danni materjali u morali;

tikkundanna liċ-Cedefop għall-ispejjeż.

20

Iċ-Cedefop jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors parzjalment inammissibbli;

tiċħad ir-rikors bħala fondat fl-intier tiegħu;

tiċħad it-talba għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq it-talba għal annullament

21

Insostenn għat-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 44 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

22

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. F’dan is-sens, huwa jsostni, minn naħa, li din id-deċiżjoni hija sempliċi lista ta’ ismijiet ta’ uffiċjali promossi u, min-naħa l-oħra, li peress li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu kienet impliċita, hija ma tinkludi ebda motivazzjoni.

23

Għalhekk, ebda motivazzjoni serja li tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata ma ġiet ippreżentata, la matul il-fażi prekontenzjuża u lanqas fir-rigward tat-talbiet preċedenti tiegħu għal promozzjoni. Konsegwentement, ir-rikorrent iqis li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għalfejn ismu ma kienx inkluż fost dawk tal-uffiċjali promossi.

24

Ir-rikorrent jargumenta li l-uniku element ta’ informazzjoni li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward kien is-sempliċi għajdut li l-promozzjoni tiegħu għall-grad AD 12 kienet ġiet miċħuda għaliex kienet twassal sabiex huwa jiġi kklassifikat fi grad superjuri kemm għal dak tas-superjur dirett tiegħu kif ukoll għal dak tal-Assistent Direttur taċ-Cedefop. Huwa jippreċiża li, anki jekk kienu veri, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma setgħux leġittimament jiġġustifikaw ir-rifjut tal-promozzjoni.

25

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, meta d-deċiżjoni inkwistjoni ma tinkludi ebda motivazzjoni, bħal fil-każ ineżami, mis-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri (T‑171/05, EU:T:2006:288, punti 41 sa 47), u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il-Parlament (F‑81/07, EU:F:2008:125, punt 28), jirriżulta li l-motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fuq din il-bażi minkejja l-ispjegazzjonijiet ipprovduti miċ-Cedefop fir-risposta.

26

Ir-rikorrent iżid li r-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u t-talba tikkorrobora l-impossibbiltà li tiġi rregolarizzata l-motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, peress li din ir-regola tipprekludih milli jinvoka motivi ġodda matul dik il-proċedura, minkejja li ma kellux għarfien tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li jikkontesta l-legalità tagħha. Huwa jqis li din is-sitwazzjoni twassal għal ksur tal-ugwaljanza bejn il-partijiet, peress li effettivament l-amministrazzjoni titqiegħed f’sitwazzjoni iktar favorevoli minnu.

27

Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti taċ-Cedefop li l-għarfien li huwa kellu tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu, tal-kummenti fuq il-prestazzjoni tiegħu, u ta’ nota interna tad-19 ta’ Lulju 2013, għandu jkun suffiċjenti sabiex jitqies li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata. Fil-fehma tiegħu, li kieku jintlaqa’ dan l-argument, dan ikun ifisser li l-Artikolu 296 TFUE jiċċaħħad mill-effettività tiegħu u li huwa jiċċaħħad mid-dritt tiegħu għal rimedju effettiv, kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

28

Barra minn hekk, filwaqt li r-rikorrent jirrikonoxxi li l-kandidatura tiegħu għal pożizzjoni fil-Kunsill ippreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa jargumenta madankollu li din il-kandidatura antiċipata kienet kawtelatorja, bil-għan li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ deċiżjoni oħra li ma jiġix promoss.

29

Ir-rikorrent isostni li wisq inqas seta’ jkun jaf bil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata peress li kien inkluż fil-lista ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal li l-promozzjoni tagħhom kienet ġiet proposta mill-kumitat tat-tmexxija taċ-Cedefop.

30

Min-naħa tiegħu, iċ-Cedefop iqis li, għalkemm assenza totali ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata minn motivazzjoni fil-mori tal-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet f’kuntest magħruf mir-rikorrent u li kien jippermettilu jevalwa l-mertu, b’mod li l-imsemmija deċiżjoni għandha titqies bħala suffiċjentement motivata, skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, dawn il-prinċipji tfakkru fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri (T‑171/05, EU:T:2006:288), li r-rikorrent nnifsu jiċċita insostenn tal-argumentazzjoni tiegħu.

31

L-ewwel nett, iċ-Cedefop ifakkar li l-proċedura ta’ promozzjoni hija bbażata fuq regoli proċedurali li r-rikorrent, fid-dawl tal-funzjonijiet tiegħu, ma setax ma jkollux għarfien tagħhom, u li ġew applikati oġġettivament u korrettament f’dan il-każ.

32

It-tieni nett, iċ-Cedefop isostni li r-rikorrent kellu għarfien tal-kontenut u tal-livell tal-evalwazzjonijiet li jikkonċernawh, tad-diversi kummenti dwar il-mod li bih huwa kien imexxi t-tim tiegħu u dwar nuqqasijiet u irregolaritajiet oħra li jissemmew f’nota interna tad-19 ta’ Lulju 2013 li tinsab fil-fajl personali tiegħu. F’dan ir-rigward, iċ-Cedefop jenfasizza l-fatt li, fil-paragrafu 19 tal-ilment tiegħu, ir-rikorrent identifika kjarament il-kritika li kienet ġiet indirizzata lilu, b’mod li huwa ma setax validament isostni li ma kellux għarfien tar-raġunijiet li għalihom ismu ma kienx inkluż fost dawk tal-uffiċjali promossi.

33

It-tielet nett, l-allegat nuqqas ta’ fehim tar-rikorrent tad-deċiżjoni kkontestata, li allegatament ikkawżatlu frustrazzjoni u nkoraġġietu jirritorna l-Kunsill, huwa kontradett mill-fatt li d-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi għall-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent fil-Kunsill kienet tippreċedi d-data li fiha ġiet adottata dik id-deċiżjoni. Isegwi għalhekk, li r-rikorrent effettivament kien f’pożizzjoni li jantiċipa l-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni, u dan jissuġġerixxi għalhekk li huwa kellu għarfien suffiċjenti tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha.

34

Barra minn hekk, fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-uffiċjali li kienet ġiet proposta għall-promozzjoni mill-kumitat tat-tmexxija tiegħu, iċ-Cedefop ifakkar li l-proċedura prevista mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-eżekuzzjoni tiegħu (Cedefop/DĠE/10/2011 u Cedefop/DĠE/11/2011) kienet segwita korrettament f’dan il-każ u li, għalkemm isem ir-rikorrent kien jidher fil-lista kkonsolidata tal-uffiċjali kollha eliġibbli għall-promozzjoni, stabbilita minn dak il-kumitat tat-tmexxija, ismu ma kienx jidher fil-lista tal-kumitat tal-amministrazzjoni ta’ uffiċjali li l-promozzjoni tagħhom kienet effettivament proposta lill-Awtorità tal-Ħatra.

35

Iċ-Cedefop jikkonkludi li minn dawn iċ-ċirkustanzi kollha, u mhux biss mill-kontenut tal-fajl personali tar-rikorrent, jirriżulta li dan kellu għarfien tal-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni preskritt fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li sempliċement itenni l-obbligu ġenerali preskritt mill-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-mertu tal-att li kkawżatilha preġudizzju u l-opportunità li tressaq ilment quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-att (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, EU:T:2006:288, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2016, Pohjanmäki vs Il-Kunsill, T‑410/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:465, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li l-obbligu ta’ motivazzjoni hekk preskritt jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ ssir deroga minnu biss għal kunsiderazzjonijiet imperattivi (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 57; tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, EU:T:2006:288, punt 36, u tal-4 ta’ Lulju 2007, Lopparelli vs Il-Kummissjoni, T‑502/04, EU:T:2007:197, punt 74). Dan l-obbligu, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif jirriżulta mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, issaħħet l-importanza tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, bl-inklużjoni tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 298(1) TFUE. Fil-fatt, amministrazzjoni Ewropea miftuħa u effettiva għandha tosserva skrupolożament id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ kull att li jikkawża preġudizzju lill-persunal tal-Unjoni hija kundizzjoni indispensabbli sabiex jiġi żgurat ambjent ta’ xogħol seren fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Unjoni, u jiġi evitat li jinħoloq is-suspett li l-ġestjoni tal-persunal tagħha hija bbażata fuq l-arbitrarjetà u l-favoritiżmu.

37

Skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra la hija marbuta timmotiva deċiżjoni ta’ promozzjoni lid-destinatarju tagħha u lanqas lill-kandidati mhux promossi, hija għandha, min-naħa l-oħra, l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal minn kandidat mhux promoss, peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda titqies li hija identika għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jkun indirizzat l-ilment (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2016, Pohjanmäki vs Il-Kunsill, T‑410/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:465, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalhekk, il-motivazzjoni għandha ssir mhux iktar tard miċ-ċaħda tal-ilment (sentenzi tal-20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, EU:T:2002:35, punt 26, u tal-21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 41).

39

Barra minn hekk, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest fattwali u legali li fih ġie adottat (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-13 ta’ Settembru 2016, Pohjanmäki vs Il-Kunsill, T‑410/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:465, punt 78, u tad-19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Frieberger u Vallin, T‑232/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:15, punt 41). Billi l-promozzjonijiet isiru b’għażla, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa suffiċjenti li l-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-ilment tirreferi għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet legali u statutorji ta’ promozzjoni li tkun saret għas-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, EU:T:2002:35, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 60).

40

Barra minn hekk, f’każ ta’ assenza totali ta’ motivazzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors, hija ġurisprudenza stabbilita li ma jistax isir tajjeb għal din l-assenza bi spjegazzjonijiet ipprovduti mill-Awtorità tal-Ħatra wara l-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, f’dan l-istadju, dawn l-ispjegazzjonijiet ma jissodisfawx iktar il-funzjoni tagħhom, u għalhekk il-preżentata ta’ rikors ittemm il-possibbiltà għall-Awtorità tal-Ħatra li tirregolarizza d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ risposta li tiċħad l-ilment (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1993, Il-Parlament vs Volger, C‑115/92 P, EU:C:1993:922, punt 23; ara, ukoll, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il-Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, EU:T:2007:37, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2016, Pohjanmäki vs Il-Kunsill, T‑410/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:465, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi rregolarizzata l-assenza totali ta’ motivazzjoni, wara li jkun ġie ppreżentat rikors, tippreġudika d-drittijiet tad-difiża peress li r-rikorrent ikollu biss ir-replika sabiex jinvoka l-motivi tiegħu kontra l-motivazzjoni li jkollu għarfien tagħha biss wara li jkun ippreżenta r-rikors. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun kompromess (sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il-Kummissjoni, T‑281/01, EU:T:2004:207, punt 109, u tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 62; ara, ukoll, id-digriet tat-8 ta’ Marzu 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑126/11 P, EU:T:2012:115, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’każ ta’ ċaħda impliċita, u għaldaqstant mhux motivata formalment, ta’ lment, huwa dan l-aġir tal-amministrazzjoni li jikkontribwixxi b’mod determinanti għall-ħolqien tad-disputa sa fejn, fl-assenza ta’ reazzjoni għall-ilment tagħha fit-termini stabbiliti bl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna kkonċernata tkun kostretta tadixxi lill-Qorti Ġenerali sabiex takkwista motivazzjoni debita tad-deċiżjoni adottata fir-rigward tagħha. Dan il-metodu ta’ proċedura tal-Awtorità tal-Ħatra, kuntrarju għall-eżiġenzi ta’ amministrazzjoni tajba, jikkomprometti t-tqassim tal-funzjonijiet rispettivi bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni, għaliex din tal-aħħar issir l-unika u l-ewwel istanza li quddiemha l-persuna kkonċernata tista’ takkwista motivazzjoni konformement mal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan huwa iktar u iktar lamentabbli peress li l-osservanza mill-amministrazzjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni matul il-fażi prekontenzjuża għandha l-għan li tippermetti lill-persuna kkonċernata tifhem il-portata tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha u, skont il-każ, tista’ tikkonvinċiha mill-fondatezza tagħha u, għaldaqstant, li ma tressaqx proċeduri legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 34).

43

Min-naħa l-oħra, ġie deċiż li sempliċi insuffiċjenza tal-motivazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ma tistax, fiha nnifisha, tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata meta tingħata informazzjoni supplimentari mill-Awtorità tal-Ħatra fil-mori tal-kawża (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, EU:T:2002:314, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA,T‑30/04, EU:T:2005:161, punt 71), bil-konsapevolezza madankollu li, għal raġunijiet paragunabbli ma’ dawk imfakkra fil-punti 40 sa 42 hawn fuq, l-istituzzjoni ma hijiex awtorizzata tissostitwixxi motivazzjoni kompletament ġdida ma’ motivazzjoni oriġinarjament żbaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-insuffiċjenza inizjali ta’ motivazzjoni tista’ tiġi rrimedjata b’informazzjoni supplimentari li tiġi pprovduta anki fil-mori tal-kawża jekk, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna kkonċernata diġà kellha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni li tikkostitwixxi aċċenn għal motivazzjoni (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, EU:T:2002:35, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-3 ta’ Frar 2005, Heurtaux vs Il-Kummissjoni, T‑172/03, EU:T:2005:34, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, EU:T:2006:288, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, ġie kkonstatat, fir-rigward b’mod partikolari taċ-ċaħda impliċita ta’ lment li jikkonċerna rifjut ta’ promozzjoni, li deċiżjoni għandha titqies bħala suffiċjentement motivata meta din tittieħed f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, EU:T:2006:288, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, fid-dawl tal-obbligu li tingħata motivazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, huwa biss eċċezzjonalment li l-kuntest li fih ittieħdet deċiżjoni li ma jiġix promoss uffiċjal, li ġiet ikkonfermata impliċitament wara li ġie ppreżentat ilment, jista’ jikkostitwixxi aċċenn għall-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 79; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, Vicente Nuñez vs Il-Kummissjoni, T‑10/99, EU:T:2000:60, punt 44, u tat-3 ta’ Frar 2005, Heurtaux vs Il-Kummissjoni, T‑172/03, EU:T:2005:34, punt 47). Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, ma jistax ikun hemm aċċenn għal motivazzjoni fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra dwar is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrent u l-paragun tal-merti tiegħu mal-uffiċjali l-oħra eliġibbli għall-promozzjoni, fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 2005, Heurtaux vs Il-Kummissjoni, T‑172/03, EU:T:2005:34, punti 46 sa 50, u tat-23 ta’ Ottubru 2013, Verstreken vs Il-Kunsill, F‑98/12, EU:F:2013:156, punti 3132; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il-Parlament, F‑16/08, EU:F:2009:107, punt 32).

47

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Awtorità tal-Ħatra ma rrispondietx espliċitament għall-ilment, u ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni impliċita.

48

Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati d-diversi provi prodotti miċ-Cedefop sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata kienx jippermetti lir-rikorrent jifhem il-portata tagħha u, għalhekk, sabiex jiġi evalwat il-mertu tagħha fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar preliminarjament li, fid-19 ta’ April 2016, ir-rikorrent ppreżenta oralment lill-kumitat tal-appell l-argumenti invokati insostenn tal-ilment tiegħu (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Madankollu, iċ-Cedefop ma semmiex li meta sar dan ġew ipprovduti spjegazzjonijiet lir-rikorrent, anki jekk inkompleti, dwar il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

50

Barra minn hekk, l-ewwel nett, iċ-Cedefop isostni li, minħabba l-funzjonijiet li kien jokkupa, ir-rikorrent kellu neċessarjament ikollu għarfien tar-regoli applikabbli għall-promozzjoni u li kellu jifhem li dawn ir-regoli ġew applikati korrettament u oġġettivament għall-każ tiegħu fil-proċedura ta’ promozzjoni 2015. Madankollu, din il-prova ma hijiex rilevanti għaliex l-għarfien li seta’ kellu r-rikorrent tal-kriterji li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex huwa jiġi promoss ma għandhomx jiġu konfużi mal-għarfien tal-mod li bih dawn il-kriterji kienu ġew applikati għas-sitwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il-Parlament, F‑16/08, EU:F:2009:107, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Dan japplika wkoll għan-nota tad-direttur taċ-Cedefop tad-9 ta’ Marzu 2015, indirizzata lill-membri kollha tal-persunal taċ-Cedefop u li jirreferi għaliha f’din il-kawża. Fil-fatt, f’din in-nota, dan id-direttur sempliċement iddeskriva, f’termini ġenerali, il-kriterji li kienu ser jiġu applikati fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2015, kemm favur il-promozzjoni ta’ uffiċjali kif ukoll kontra tagħha. Minn dan isegwi li din in-nota ma kinitx ta’ natura li tippermetti lir-rikorrent jifhem kif dawk il-kriterji kienu ġew applikati għas-sitwazzjoni tiegħu.

52

It-tieni nett, iċ-Cedefop jargumenta li r-rikorrent kien jaf bid-diversi kritiki dwaru minn perspettiva professjonali, fir-rigward mhux biss tal-ġestjoni tat-tim tiegħu, iżda wkoll ta’ diversi irregolaritajiet imwettqa fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

53

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif jirriżulta b’mod ċar mir-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent mill-2012 sal-2014, huwa kien is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet negattivi, b’mod partikolari, relatati mal-ġestjoni tat-timijiet tiegħu. Fil-fatt, fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2012, l-evalwatur irrileva, b’mod partikolari, li għal dik is-sena huwa kien stenna “metodu ta’ xogħol iktar seren u iktar ikkoordinat min-naħa [tar-rikorrent] u tal-membri tat-tim tiegħu”, iżda li “[dan] ma kienx twettaq kompletament matul l-ewwel sitt xhur, billi diversi tensjonijiet kienu dehru f’ċerti okkażjonijiet f’dan is-servizz”. Dan l-istess rapport jindika li, minkejja l-progress ikkonstatat, “[ir-rikorrent] kien għad fadallu diffikultajiet fl-organizzazzjoni ottimali tal-ħinijiet tax-xogħol tiegħu […] u fid-delegazzjoni tal-membri tat-tim tiegħu”, u l-evalwatur irrileva li r-rikorrent baqa’ “involut wisq fit-twettiq mill-ġdid, fit-titjib jew fil-perfezzjonament tax-xogħol tas-subalterni tiegħu” b’detriment għall-ħin allokat għall-“kisba tal-prijoritajiet u għanijiet ġenerali li [kien] jaffaċċja s-servizz tiegħu, għat-tmexxija diretta tat-tim tiegħu, u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti”. Fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2013, l-evalwatur irrileva b’mod partikolari li “kien għadu meħtieġ ċertu progress [min-naħa tar-rikorrent] sabiex jiżgura komunikazzjoni adegwata mal-membri tas-servizzi tiegħu, isolvi b’mod effettiv il-kunflitti u japplika mingħajr xkiel ir-rapporti, il-pjanifikazzjoni kif ukoll il-bżonnijiet amministrattivi”. Fl-aħħar nett, fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, jiġifieri l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent qabel id-deċiżjoni kkontestata, l-evalwatur innota li r-rikorrent kien “ferm iktar komdu bl-abbozzar tar-regoli u bir-reviżjoni ta’ dokumenti milli bil-ġestjoni tal-persunal” u li huwa kien għadu jalloka parti kbira wisq mill-ħin tax-xogħol tiegħu sabiex “iwettaq mill-ġdid, itejjeb jew jipperfezzjona dokumenti meta huwa [kien] mitlub jipprovdi parir tekniku”. L-evalwatur kien mill-ġdid qies deplorabbli l-fatt li dan il-ħin ma setax jiġi allokat “għall-prijoritajiet u għanijiet ġenerali li [kellu] jaffaċċja s-servizz tiegħu kif ukoll għall-organizzazzjoni tat-tim tiegħu” u kien stqarr li huwa jistenna mingħand ir-rikorrent, fl-2015, “metodu ta’ xogħol iktar seren u kkoordinat għalih u għat-tim tiegħu”.

54

Madankollu, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-snin bejn l-2012 u l-2014 kienu jinkludu wkoll numru ta’ evalwazzjonijiet pożittivi fuq ix-xogħol tar-rikorrent.

55

Fil-fatt, b’mod partikolari mir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014 jirriżulta li r-rikorrent kien “iddedikat”, “kien jaħdem ħinijiet twal” u kien “persuna li magħha tieħu pjaċir taħdem”, u l-Viċi Direttur taċ-Cedefop kien innota f’dak l-istess rapport li r-rikorrent kien “laħaq l-għanijiet kollha li [kienu] ġew assenjati lilu b’livell għoli ta’ kwalità” u nnota l-grad għoli ta’ “dedikazzjoni u sens ta’ dover” tiegħu.

56

B’mod iktar ġenerali, kif jidher ċar mir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-2012 sal-2014, l-evalwazzjoni ġenerali tar-rikorrenti kienet titqies li hija sodisfaċenti, peress li l-prestazzjoni tiegħu ġiet evalwata għal kull waħda minn dawn is-snin għal-livell III, jiġifieri “tajba u li tikkorrispondi għal-livell meħtieġ mill-pożizzjoni okkupata”.

57

Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2012 u 2013 kienu juru titjib fil-kapaċitajiet ta’ organizzazzjoni tar-rikorrent. Fil-fatt, mir-rapport ta’ evalwazzjoni 2012 jirriżulta li r-rikorrent kien segwa formazzjoni fl-organizzazzjoni sabiex itejjeb il-kapaċitajiet tiegħu f’dan il-qasam u li, minn dik is-sena ’l quddiem, huwa kien “abbozza pjan ta’ azzjoni u beda jimplementa t-tagħlim li kien irċieva”. Madankollu, dan l-istess rapport kien juri li r-rikorrent seta’ jitjieb fir-rigward ta’ dan l-aspett. Is-sena ta’ wara, l-evalwatur kien irrileva fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2013, “progress [tar-rikorrent] fir-rigward tal-organizzazzjoni tat-tim” u, b’mod partikolari, “l-organizzazzjoni ta’ laqgħat tas-servizz regolari”. Filwaqt li nnota li “kien fadal progress xi jsir”, l-evalwatur kien irrileva li r-rikorrent kien “iddelega tajjeb l-funzjonijiet ta’ kontroll tiegħu […] sabiex jagħmel ħin għall-kompiti ta’ organizzazzjoni iktar diretti u organizzattivi” u kien irrikonoxxa wkoll “l-isforz [imwettaq mir-rikorrent] sabiex itejjeb il-[kapaċità ta’] organizzazzjoni tiegħu”.

58

Fl-aħħar nett, fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, l-evalwatur innota li r-rikorrent kien, essenzjalment, “laħaq l-għanijiet oġġettivi kollha li kienu ġew stabbiliti għalih b’livell għoli ta’ kwalità” u li l-“grad għoli ta’ dedikazzjoni tiegħu u s-sens ta’ dover tiegħu kienu ferm apprezzati”.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-fatt li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-snin bejn l-2012 u l-2014 kienu jinkludu kritika ma jippermettilux jifhem il-mod kif il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu ġew applikati għas-sitwazzjoni tiegħu, li jiġġustifika, fi tmiem paragun miċ-Cedefop tal-merti tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi għall-proċedura ta’ promozzjoni 2015, id-deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss f’din il-proċedura ta’ promozzjoni.

60

Barra minn hekk, ebda waħda mill-ħdax-il ittra u messaġġ elettroniku li jirreferi għalihom iċ-Cedefop fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jinsabu fl-annessi B.15 u B.19 sa B.28, ma jistgħu jikkostitwixxu spjegazzjoni, anki jekk fihom infushom insuffiċjenti, tal-mod li bih l-Awtorità tal-Ħatra kienet evalwat il-merti tar-rikorrent fil-proċedura ta’ promozzjoni 2015, fir-rigward tal-kriterji deskritti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

61

Fil-fatt, fir-rigward qabelxejn taż-żewġ messaġġi elettroniċi skambjati fid-9 ta’ Jannar 2015 bejn il-membri tal-persunal taċ-Cedefop implikati fl-evalwazzjoni tar-rikorrent, li jinsabu fl-anness B.26, biżżejjed jiġi kkonstatat li huma ma kinux indirizzati lir-rikorrent. Ladarba l-ebda prova mill-fajl ma tindika li kopja tal-posta elettronika kienet ġiet ikkomunikata lilu matul il-proċedura amministrattiva, dawn id-dokumenti ma jistgħu fl-ebda każ jikkostitwixxu aċċenn għal motivazzjoni.

62

Fir-rigward, barra minn hekk, tad-dokumenti l-oħra li jirreferi għalihom iċ-Cedefop, li ħafna minnhom jippreċedu b’iktar minn sena d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, uħud anki iktar minn ħames snin, jew saħansitra seba’ snin, dawn ċertament jistabbilixxu li r-rikorrent kellu għarfien ta’ ċerta kritika indirizzata lilu dwar il-kapaċitajiet amministrattivi tiegħu kif ukoll dwar it-trattament tiegħu ta’ ċerti fajls ta’ kuntratti pubbliċi.

63

Madankollu, l-ammissjoni li sempliċi evalwazzjonijiet negattivi dwar uffiċjal jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu aċċenn għal motivazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, għandha r-riskju li jiġi kompromess l-għan tal-proċedura prekontenzjuża prevista bl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ftehim bonarju dwar it-tilwim li jqum meta jitressaq l-ilment (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, EU:T:1996:34, punt 44, u tat-3 ta’ Diċembru 2015, Cuallado Martorell vs Il-Kummissjoni, T‑506/12 P, EU:T:2015:931, punt 64).

64

Fil-fatt, dan l-approċċ jippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tibbaża ruħha fuq kwalunkwe evalwazzjoni negattiva li tikkonċerna l-kandidat mhux promoss u li dwarha dan tal-aħħar ikun ġie infurmat, sabiex teżonera ruħha mill-obbligu li tinnotifikah b’deċiżjoni motivata li tiċħad l-ilment tiegħu, li tirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u li tikkostitwixxi dikjarazzjoni partikolari, minn naħa, tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni li toħloq dannu previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba ggarantit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

65

Dan in-nuqqas li tingħata risposta għall-ilment, li jkun tressaq kontra deċiżjoni li ma jiġix promoss uffiċjal, hija stess nieqsa minn motivazzjoni, jista’ jagħti lok għal, jew isaħħaħ, fil-persuna kkonċernata sentimenti ta’ konfużjoni, jew ta’ frustrazzjoni, u hekk joħloq klima li tinkoraġġixxi l-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, li seta’ possibbilment jiġi evitat li kieku l-Awtorità tal-Ħatra aġixxiet bid-diliġenza meħtieġa.

66

It-tielet nett, l-argument taċ-Cedefop li l-eżistenza ta’ aċċenn għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet stabbilita mill-paragrafu 19 tal-ilment, fejn ir-rikorrent indika li “[i]s-superjur ġerarkiku tiegħu […] kien iddikjara bil-miktub u oralment in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu dwar il-mod li bih [huwa kien] jamministra t-tim [tiegħu]”, ma jistax jiġi aċċettat.

67

Fil-fatt, dan l-argument jista’, l-iktar l-iktar, jirrifletti din il-preżunzjoni tar-rikorrent dwar fattur li seta’ ttieħed inkunsiderazzjoni miċ-Cedefop waqt l-evalwazzjoni tal-merti tiegħu matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2015. Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 63 sa 65 hawn fuq, l-għarfien mill-kandidat mhux promoss ta’ evalwazzjonijiet negattivi li saru dwaru ma jistax, fih innifsu, fil-prinċipju, jissostitwixxi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma jiġix promoss uffiċjal li dak il-kandidat għandu d-dritt jistenna mingħand l-Awtorità tal-Ħatra b’risposta għall-ilment tiegħu.

68

F’dan ir-rigward, iċ-Cedefop ma jistax jibbaża ruħu fuq l-argumenti fis-sentenza tal-24 ta’ Frar 2010, P vs Il-Parlament (F‑89/08, EU:F:2010:11), fejn il-Qorti tas-Servizz Pubbliku qieset, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, li kien jirriżulta “mit-termini stess tal-ilment […] ippreżentat mir-rikorrenti li, billi tikkonsulta l-fajl personali tagħha, hija setgħet issir taf bit-talba għat-tkeċċija” u “setgħet għalhekk tkun taf li din it-talba u, sussegwentement, id-deċiżjoni kkontestata, kienu bbażati fuq ‘ksur tal-fiduċja, kemm personali kif ukoll politika, bejn[ha] u [A.M.], membru [mhux] iskritt u s-superjur amministrattiv dirett tagħha’” Fil-fatt, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex paragunabbli, għaliex ma jirriżulta minn ebda prova fil-fajl li r-rikorrent seta’ jsir jaf, matul il-proċedura amministrattiva, b’dokument maħruġ miċ-Cedefop li jispjega għaliex il-kritika espressa kontra l-kapaċitajiet tiegħu fil-qasam ta’ amministrazzjoni ta’ tim setgħet tiġġustifika d-deċiżjoni li huwa ma jiġix promoss, fi tmiem eżami komparattiv tal-merti, previst fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

69

Ir-raba’ u fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent nnifsu, is-sempliċi fatt, invokat miċ-Cedefop, li r-rikorrent kien ippreżenta applikazzjoni għal pożizzjoni fi ħdan il-Kunsill iktar minn xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jindika l-iktar l-iktar, kif joħroġ ċar mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent stess, li huwa kien imħasseb dwar il-fatt li ma jiġix promoss u xtaq li jagħti lilu nnifsu l-possibbiltà li jitlaq miċ-Cedefop fil-każ li ma jiġix promoss. Madankollu, dan il-fatt ma jistabbilixxix li r-rikorrent kien jaf b’ċertezza, dak iż-żmien, li huwa ma kienx ser jiġi promoss, u lanqas, a fortiori, li huwa kien jaf il-motivi li setgħu jiġġustifikaw id-deċiżjoni li ma jiġix promoss.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li, qabel ma kellu għarfien tar-risposta, l-iktar li seta’ kellu r-rikorrent kien suspett li l-kritika kontrih dwar il-kapaċitajiet tiegħu fil-qasam ta’ amministrazzjoni fi ħdan iċ-Cedefop kif ukoll dwar nuqqasijiet relatati mat-trattament tiegħu ta’ fajls ta’ kuntratti pubbliċi seta’ kellhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-merti tiegħu skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2015.

71

Madankollu, ebda waħda mill-provi prodotti miċ-Cedefop ma tippermetti li jiġi stabbilit li, qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent seta’ jifhem il-mod li bih din il-kritika setgħet ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni għas-sitwazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-merti fil-qasam ta’ promozzjoni previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Isegwi li l-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata ma jistax jitqies bħala motivazzjoni, anki jekk insuffiċjenti, ta’ dik id-deċiżjoni.

72

Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv invokati mir-rikorrent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kontestazzjoni miċ-Cedefop tal-ammissibbiltà ta’ uħud mill-provi ppreżentati fir-rikors u li, fil-fehma tiegħu, imorru ferm lil hinn mill-kuntest ta’ din it-tilwima u huma għalhekk irrilevanti għad-deċiżjoni tagħha.

Fuq it-talba għad-danni

73

Ir-rikorrent jitlob kumpens għad-danni morali u materjali li huwa jallega li ġarrab minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

74

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni qabelxejn, fir-rigward tad-danni morali, li l-assenza totali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kkostitwixxiet nuqqas partikolarment serju tal-Awtorità tal-Ħatra, li flimkien mal-ħlas tal-ispejjeż legali, ikkawżatlu stress u frustrazzjoni. Fil-fehma tiegħu, dan in-nuqqas ma jistax jiġi kkumpensat suffiċjentement b’sempliċi annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

75

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-danni morali tiegħu huma dovuti wkoll għall-aġir taċ-Cedefop li, mingħajr ma wettaq eżami korrett tal-merti fis-sens tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, ċaħad indebitament il-promozzjoni tiegħu minkejja l-isforzi tiegħu u r-riżultati konkreti li huwa kien akkwista matul sitt snin fi ħdan dan l-organu tal-Unjoni. Huwa jindika li s-sentimenti ta’ inġustizzja, ta’ frustrazzjoni u ta’ skorraġġiment li huwa ġarrab taw lok għar-ritorn tiegħu lejn il-Kunsill, bil-konsegwenza li l-familja tiegħu kellha tisposta ruħha u tadatta ruħha għall-post il-ġdid. Din il-parti mid-danni morali, stmata għal EUR 16000, li tikkorrispondi għal EUR 1000 għal kull sena ta’ anzjanità, hija wkoll ir-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk għandha tiġi kkumpensata irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tiġix annullata jew le.

76

Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrent jinvoka dannu finanzjarju li jirriżulta mit-telf ta’ dħul imġarrab għad-differenza mis-sitwazzjoni li kien isib ruħu fiha fil-każ ta’ promozzjoni, flimkien ma’ interessi moratorji bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

77

Iċ-Cedefop jikkontesta din it-talba għad-danni. Fil-fehma tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata ma kienet ivvizzjata b’ebda illegalità, peress li r-rikorrent ma stabbilixxa ebda fatt li jista’ jwassal għat-tnissil tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, peress li l-uffiċjali ma għandhom ebda dritt għal promozzjoni, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jinvoka kumpens għad-dannu finanzjarju li huwa jallega li ġarrab. Hekk ukoll, huwa jqis li d-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrent minħabba r-ritorn tiegħu lejn il-Kunsill ma huwiex imputabbli lilu, peress li kienet għażla libera tar-rikorrent. Dan huwa kkonfermat mill-passi li kien diġà ħa r-rikorrent sabiex jitlaq miċ-Cedefop qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, iċ-Cedefop jsostni li l-evalwazzjoni mir-rikorrent tal-pretensjoni tiegħu għal danni morali ma hija bbażata fuq ebda kalkolu jew fuq bażi legali.

78

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, l-effettività tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, bl-implikazzjoni li, fil-każ li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ma tkunx tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42; ara, ukoll, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-17 ta’ Mejju 2017, PG vs Frontex, T‑583/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:344, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Minn dan isegwi li, anki fil-każ li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ titnissel biss jekk ir-rikorrent jirnexxielu jistabbilixxi l-effettività tad-dannu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Fir-rigward tad-dannu materjali invokat mir-rikorrent, kif ukoll tal-parti mid-dannu morali li huwa jallega li ġarrab minħabba r-rifjut taċ-Cedefop li jagħtih promozzjoni, mingħajr ma dan tal-aħħar wettaq eżami korrett tal-merti tiegħu fis-sens tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi nnotat li dawn l-allegati danni jirriżultaw, essenzjalment, minn illegalitajiet fil-mertu invokati taħt it-tieni u t-tielet motiv tat-talba għal annullament.

81

Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u għandha tiġi annullata għal dan il-motiv (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa l-mertu tagħha insegwitu tal-eżami tal-motivi tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 99). Fil-fatt, għandu jitfakkar, fir-rigward ta’ dan il-punt, li wieħed mill-funzjonijiet tal-motivazzjoni huwa preċiżament li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti li dwarhom tkun ġiet adita (ara l-punt 36 hawn fuq).

82

Għalhekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, għandu jkun iċ-Cedefop li jiddetermina l-miżuri li jagħtu effett lill-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u li jadotta, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ġdida sostnuta b’motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, EU:T:2005:343, punt 100, u tat-18 ta’ Novembru 2015, Diamantopoulos vs SEAE,F‑30/15, EU:F:2015:138, punt 33). F’dan l-istadju, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali speċifiku li jirriżulta mir-rifjut li jiġi promoss ir-rikorrent, fid-dawl tal-fatt li għandha tiġi adottata deċiżjoni ġdida mid-Direttur taċ-Cedefop.

83

Fir-rigward tal-parti tad-dannu morali li jirriżulta min-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif joħroġ ċar mill-eżami tal-ewwel motiv, kien biss minn qari tar-risposta, innotifikata lir-rikorrent iktar minn disa’ xhur wara l-preżentata tal-ilment, li huwa kellu għarfien għall-ewwel darba, tal-ispjegazzjoni tar-raġunijiet tan-nuqqas ta’ promozzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ promozzjoni 2015. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit li l-assenza totali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, qiegħdet lir-rikorrent f’sitwazzjoni ta’ inċertezza dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ promozzjoni tiegħu, ferm qabel it-terminu li fih kellha tingħata risposta għall-ilment u, min-naħa l-oħra, obbligatu jressaq proċeduri legali sabiex jakkwista spjegazzjoni dwar dan is-suġġett.

84

Għalhekk, is-sentimenti ta’ inġustizzja, ta’ konfużjoni jew ta’ frustrazzjoni kkaġunati lir-rikorrent (ara l-punt 70 hawn fuq) huma imputabbli biss lill-aġir tal-Awtorità tal-Ħatra matul il-fażi prekontenzjuża. Għalhekk, dan l-aġir ikkawża lir-rikorrent dannu morali speċifiku, li ma jistax jiġi adegwatament ikkumpensat bl-annullament biss tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑181/00, EU:T:2002:313, punti 131132, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 102).

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tivvaluta d-dannu mġarrab ex æquo et bono, tqis li l-ħlas ta’ EUR 2000 jikkostitwixxi kumpens adegwat għall-parti mid-dannu morali li jirriżulta min-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata allegata mir-rikorrent, u li għalhekk it-talba għall-ħlas tad-danni għandha tintlaqa’ biss sa dan l-estent.

Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ ta’ diversi partijiet telliefa, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher iġġustifikat fid-dawl tal-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

87

F’din il-kawża, ir-rikorrent huwa parti telliefa fir-rigward ta’ parti mit-talbiet tiegħu għad-danni, b’mod li ċ-Cedefop jista’ jitqies li huwa parti rebbieħa fir-rigward ta’ din il-parti tal-kawża. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li ċ-Cedefop żbaljatament naqas milli jirrispondi għall-ilment tar-rikorrent u, barra minn hekk, ebda inizju ta’ motivazzjoni ma kien jippermetti lil dan tal-aħħar, qabel ma ppreżenta din il-kawża, jifhem il-motivi li kienu ġġustifikaw in-nuqqas ta’ promozzjoni tiegħu. Għalhekk, hija l-atitudni nnifisha taċ-Cedefop matul il-proċedura amministrattiva li ġiegħlet lir-rikorrent jippreżenta dan ir-rikors sabiex ikollu għarfien tal-motivi. Għaldaqstant, evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-każ timplika li ċ-Cedefop jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tad-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Cedefop), tal-4 ta’ Novembru 2015, li G. Paraskevaidis ma jiġix promoss għall-grad AD 12 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2015, hija annullata.

 

2)

Iċ-Cedefop huwa kkundannat iħallas l-ammont ta’ EUR 2000 lil G. Paraskevaidis bħala kumpens għad-danni li huwa ġarrab.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Iċ-Cedefop huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ottubru 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.