Kawża T‑587/16

HM

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AST‑SC/03/15 – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni – Talba għal eżami mill-ġdid – Rifjut li tittrażmetti din it-talba lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali għal raġuni ta’ tardività – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal‑21 ta’ Novembru 2018

  1. Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni – Ammissibbiltà – Proċedura ta’ kompetizzjoni li sadanittant ġiet iffinalizzata – Assenza ta’ effett

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

  2. Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) – Kompetenzi – Eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla – Esklużjoni – Ċaħda mill-EPSO ta’ talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla għal raġuni ta’ tardività – Illegalità

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 7)

  1.  Jekk talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla mressqa minn kandidat tal-imsemmija kompetizzjoni tiġi miċħuda mill-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) għal raġuni ta’ tardività, dan il-kandidat għandu kull interess li jsir stħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni. Tali ċaħda tipprekludi li l-Bord tal-Għażla jeżamina din it-talba għal eżami mill-ġdid huwa stess, iżda l-annullament tagħha, mill-Qorti Ġenerali, twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar l-imsemmija talba.

    Fil-fatt, jekk it-talba għal eżami mill-ġdid tirċievi tweġiba pożittiva, il-persuna kkonċernata tiġi integrata mill-ġdid fil-kompetizzjoni fl-istadju fejn hija kienet ġiet eskluża, irrispettivament minn kemm tkun avvanzat il-kompetizzjoni. Il-fatt li, fil-frattemp, il-proċedura ta’ kompetizzjoni ġenerali ġiet iffinalizzata ma jikkonfutax din il-konklużjoni, peress li r-rikorrenti żżomm tal-inqas interess li tikseb deċiżjoni dwar il-legalità tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni sabiex l-illegalità allegata ma tirriproduċix ruħha fil-futur fil-kuntest ta’ proċedura simili għal dik f’dan il-każ. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-EPSO seta’ kellu rwol simili fi proċedura ta’ selezzjoni ulterjuri u simili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li l-proċedura ta’ kompetizzjoni ġenerali ġiet iffinalizzata fil-frattemp.

    (ara l-punti 34, 35)

  2.  L-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) ma jistax jiddeċiedi huwa stess li jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni t-talba għal eżami mill-ġdid ta’ kandidat ta’ kompetizzjoni, minkejja l-formulazzjoni ċara tar-Regoli Ġenerali li tattribwixxi din il-kompetenza lill-Bord tal-Għażla.

    Fil-fatt, qabelxejn, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-EPSO għandu tali kompetenza fil-każ li d-deċiżjoni msemmija fit-talba għal eżami mill-ġdid ġiet adottata mill-Bord tal-Għażla. Jekk minn din id-dispożizzjoni effettivament jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jafdaw lill-EPSO bir-responsabbiltà li jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni u f’ċerti proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ eżami, ma huwiex possibbli li minn dan jiġi dedott li l-EPSO seta’, f’dan il-kuntest, jassumi l-kompetenza li jiddeċiedi dwar talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla.

    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 7(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-responsabbiltajiet assenjati lill-EPSO jaqgħu fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet ġenerali, tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku mogħti lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ kompetizzjoni interna, tad-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet organizzati mill-istituzzjonijiet kif ukoll tad-definizzjoni u tal-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet lingwistiċi. Issa, id-deċiżjoni meħuda mill-EPSO li tirrifjuta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni adottata mill-Bord tal-Għażla ma tistax titqies bħala sempliċi sitwazzjoni ta’ appoġġ tekniku jew ta’ għajnuna lill-Bord tal-Għażla, u lanqas bħala waħda li taqa’ taħt waħda mir-responsabbiltajiet l-oħra tal-EPSO msemmija hawn fuq.

    Għalhekk, l-EPSO ma kellux is-setgħa li jiċħad huwa stess it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti, peress li din it-talba tressqet, fil-fehma tiegħu, wara l-iskadenza tat-termini.

    (ara l-punti 51 sa 53, 58)