SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Terminu raġonevoli – Pensjonijiet – Riforma tal-2008 – Natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ xogħol – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ċertezza legali – Responsabbiltà – Dannu morali”

Fil-Kawża T 482/16 RENV,

Oscar Orlando Arango Jaramillo, aġent tal-Bank Ewropew tal-Investiment, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), u l-aġenti l-oħra tal-Bank Ewropew tal-Investiment li isimhom jidher fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn C. Cortese u B. Cortese, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), inizjalment irrappreżentat minn C. Gómez de la Cruz u T. Gilliams, sussegwentement minn T. Gilliams u G. Nuvoli, u fl-aħħar nett minn T. Gilliams u G. Faedo, bħala aġenti, assistiti minn P.-E. Partsch, avocat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BEI, inklużi fir-rendikonti tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2010, li jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet, u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-BEI għall-ħlas ta’ euro simboliku, bħala kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, E. Buttigieg u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 2 )

1

Din il-proċedura ssegwi s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2013, Arango Jaramillo et vs BEI (T-234/11 P RENV–RX, iktar ’il quddiem is-sentenza fl-appell wara eżami mill-ġdid, EU:T:2013:348), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) annullat id-digriet tal-4 ta’ Frar 2011, Arango Jaramillo et vs BEI (F-34/10, iktar ’il quddiem id-digriet annullat, EU:F:2011:7), u bagħtet lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

2

Is-sentenza fl-appell wara eżami mill-ġdid kienet qed issegwi s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX–II, iktar ’il quddiem is-sentenza ta’ eżami mill-ġdidEU:C:2013:134), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Arango Jaramillo et vs BEI (T-234/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza eżaminata mill-ġdid”, EU:T:2012:311), li għandha bħala suġġett appell mid-digriet annullat, tippreġudika l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, kienet annullat din is-sentenza u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

[omissis]

I. Il-proċedura fl-ewwel istanza u d-digriet annullat

18

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-26 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti fetħu kawża, irreġistrata bin-numru F-34/10, intiża, minn naħa, għall-annullament tar-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2010, sa fejn dawn kienu jindikaw id-deċiżjonijiet tal-BEI li jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet, u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-BEI għall-ħlas ta’ euro simboliku, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom.

19

Permezz ta’ att separat indirizzat lir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-20 ta’ Lulju 2010, il-BEI qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu u talab lil dan tal-aħħar jagħti deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kawża.

20

Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti b’mod partikolari sostnew li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, b’mod partikolari l-assenza ta’ kull dispożizzjoni testwali dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors tal-membri tal-persunal tal-BEI, l-applikazzjoni stretta tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ dritt komuni ta’ tliet xhur u għaxart ijiem kellha bħala effett li tippreġudika d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv (digriet annullat, punt 18).

21

Permezz tad-digriet annullat, adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan tal-aħħar, mingħajr ma beda l-proċedura orali u mingħajr ma għaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu, ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli minħabba t-tardività tiegħu.

22

Kif jirriżulta mill-punti 15 u 16 tad-digriet annullat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li l-membri tal-persunal ikkonċernati ndunaw bil-kontenut tar-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2010 biss nhar it-Tnejn, 15 ta’ Frar 2010 u, min-naħa l-oħra, tat-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, l-imsemmija membri tal-persunal kellhom, sabiex jippreżentaw rikors, terminu li jiskadi nhar it-Tlieta, 25 ta’ Mejju 2010.

23

Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva, fil-punt 17 tal-imsemmi digriet, li r-rikors tal-membri tal-persunal ikkonċernati wasal permezz ta’ messaġġ elettroniku fir-Reġistru tiegħu biss matul il-lejl bejn it-Tlieta 25 u l-Erbgħa 26 ta’ Mejju 2010, iktar preċiżament fis-26 ta’ Mejju 2010 f’nofsillejl.

24

Permezz tad-digriet annullat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli. Huwa ddeċieda, essenzjalment, li, peress li t-terminu sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors skada fil-25 ta’ Mejju 2010, ir-rikors tal-membri tal-persunal ikkonċernati, li wasal bil-mezz elettroniku fir-Reġistru fis-26 ta’ Mejju ta’ wara f’nofsillejl, kien tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli. Huwa ċaħad l-argumenti tal-imsemmija membri tal-persunal ibbażati, minn naħa, fuq preġudizzju għad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

II. L-appell quddiem il-Qorti Ġenerali

25

Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw appell, taħt l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mid-digriet annullat, li ġie rreġistrat bin-numru ta’ referenza T-234/11 P.

26

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla dan id-digriet, tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BEI fil-Kawża F‑34/10 u tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sabiex jagħti deċiżjoni fuq il-mertu.

27

Wara li kkonstatat li ma kienet saret l-ebda talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar li beda’ jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuq it-tilwima mingħajr fażi orali.

28

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti invokaw tliet aggravji, l-ewwel wieħed prinċipali u t-tnejn l-oħra sussidjarji. L-ewwel aggravju kien ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” għall-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza, u b’mod partikolari l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalita, kif ukoll il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni aggravju kien ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-regoli proċedurali applikabbli, b’mod partikolari dawk dwar l-eżistenza ta’ każ fortuwitu. It-tielet aggravju kien ibbażat fuq żnaturament tal-elementi sottomessi lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ każ fortuwitu, kif ukoll ksur tar-regoli dwar il-miżuri istruttorji u ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fl-ewwel istanza.

29

Fis-sentenza eżaminata mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-appell għar-raġuni li l-aggravji invokati mill-appellanti kienu, minn naħa, inammissibbli u, għall-kumplament, infondati.

30

Għall-finijiet taċ-ċaħda tal-ewwel aggravju tal-appell, invokat prinċipalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-digriet annullat kien ġustament applika, għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, regola li tgħid, b’analoġija mat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”), li terminu ta’ tliet xhur kellu, bħala prinċipju, jitqies li huwa raġonevoli għall-preżentata, minn membru tal-persunal tal-BEI, ta’ rikors għall-annullament ta’ att ta’ dan tal-aħħar li tippreġudikah (sentenza eżaminata mill-ġdid, punt 27).

31

Fl-istess punt 27 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni “a contrario […] li r-rikorsi kollha ppreżentati minn membru tal-persunal tal-BEI wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur, miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, għandhom, bħala regola ġenerali, jitqiesu li ġew ippreżentati f’terminu li ma huwiex raġonevoli”. Hija żiedet li din l-interpretazzjoni a contrario hija ammissibbli “meta tkun biss applikazzjoni stretta tar-regoli tal-proċedura li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza li tippermetti li tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja”.

32

Fil-punt 30 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-argumenti tal-membri tal-persunal ikkonċernati li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssostitwixxa l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, min-natura tiegħu flessibbli u miftuħ għall-ibbilanċjar konkret tal-interessi kkonċernati, b’terminu speċifiku, ta’ applikazzjoni stretta u ġeneralizzata, ta’ tliet xhur. B’mod partikolari, hija qieset li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien sempliċement applika “regola tad-dritt […] li [kienet] ibbażata biċ-ċar u preċiżament fuq qari a contrario tal-ġurisprudenza” tal-Qorti Ġenerali ċċitata fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, regola li tapplika b’mod speċifiku l-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, li jixxiebhu ħafna mat-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, “l-imsemmija regola, li [kienet] ibbażata fuq preżunzjoni ġenerali li t-terminu ta’ tliet xhur [kien], bħala regola ġenerali, suffiċjenti sabiex jippermetti lill-membri tal-persunal tal-BEI li jevalwaw il-legalità tal-atti ta’ dan tal-aħħar li jippreġudikawhom u sabiex iħejju, fejn ikun il-każ, ir-rikorsi tagħhom, ma [kinitx] tobbliga lill-qorti tal-Unjoni li għandha tapplikaha li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, li tibbilanċja konkretament l-interessi kkonċernati”.

33

Fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal dan ir-raġunament relatat mal-iffissar tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors sabiex teskludi kemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegat seħħ ta’ ħsara elettrika li wasslet sabiex ir-rikors jintbagħat tard kif ukoll il-fatt li l-BEI naqas milli jeżerċita r-responsabbiltà regolatorja tiegħu marbuta mal-iffissar tat-termini speċifiċi għall-preżentata ta’ rikors u ċirkustanzi oħra speċifiċi għall-każ inkwistjoni invokati mill-membri tal-persunal ikkonċernati.

34

Fil-punti 41 u 43 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali eskludiet ukoll l-argumenti tal-membri tal-persunal ikkonċernati bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

35

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 51 sa 58 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, ċaħdet il-motiv tal-membri tal-persunal ikkonċernati bbażat fuq ir-rifjut tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jikklassifika bħala każ fortuwitu jew forza maġġuri ċ-ċirkustanzi li wassluhom jippreżentaw tard ir-rikorsi tagħhom. Fil-punti 59 sa 66 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali, ukoll, irrifjutat li tilqa’ l-motiv tal-imsemmija membri tal-persunal ibbażat fuq żnaturament tal-provi dwar l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

III. L-eżami mill-ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Fuq proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla speċjali prevista fl-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għad-data tal-proposta), qieset, b’deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 (C-334/12 RX), li kien hemm lok li jsir eżami mill-ġdid. Skont din l-aħħar deċiżjoni, l-eżami mill-ġdid kellu jirrigwarda, minn naħa, jekk is-sentenza eżaminata mill-ġdid kinitx tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, kienet interpretat il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli”, fil-kuntest tal-preżentata ta’ rikors għal annullament mill-membri tal-persunal tal-BEI kontra att li joriġina minn din tal-aħħar li kien jippreġudikahom, bħala terminu li d-dekorrenza tiegħu kien iwassal għan-natura tardiva u, għaldaqstant, għall-inammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, u, min-naħa l-oħra, jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” kinitx tali li tikser id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

37

Fis-sentenza ta’ eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza eżaminata mill-ġdid, wara li ddeċidiet li hija effettivament kienet tippreġudika l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, kienet interpretat il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli”, fil-kuntest tal-preżentata ta’ rikors għal annullament mill-membri tal-persunal tal-BEI kontra att li joriġina minn din tal-aħħar li kien jippreġudikahom, bħala terminu ta’ tliet xhur li d-dekorrenza tiegħu kien iwassal awtomatikament għan-natura tardiva tar-rikors u, għaldaqstant, għall-inammissibbiltà tiegħu, mingħajr ma l-qorti tal-Unjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami (sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punti 26, 27 u 54).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan l-iżnaturament tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli kien qiegħed lill-membri tal-persunal ikkonċernati fl-impossibbiltà li jiddefendu d-drittijiet tagħhom relatati mar-remunerazzjoni tagħhom permezz ta’ rimedju effettiv quddiem qorti, bl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punt 45).

39

Madankollu, peress li s-soluzzjoni definittiva tal-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti, b’mod partikolari l-kwistjoni li jsir magħruf jekk dan ir-rikors kienx ġie ppreżentat f’terminu raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza li hija konformi mal-prinċipju ta’ dritt għal rimedju effettiv, ma tirriżultax mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom kienet ibbażata s-sentenza eżaminata mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tistax tagħti deċiżjoni definittiva hija stess fuq it-tilwima, skont l-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, filwaqt li tat deċiżjoni fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, tan-natura raġonevoli tat-terminu li fih ir-rikorrenti kienu ppreżentaw ir-rikors tagħhom quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punti 56 sa 59).

IV. L-appell quddiem il-Qorti Ġenerali wara l-eżami mill-ġdid

40

Skont l-Artikolu 121a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, is-sentenza ta’ eżami mill-ġdid ġabet bħala konsegwenza li jitressaq mill-ġdid l-appell f’din il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

41

Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza ta’ eżami mill-ġdid, għas-soluzzjoni tat-tilwima, l-appellanti talbu, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ewwel aggravju tal-appell u tannulla, fuq din il-bażi, id-digriet annullat, għar-raġuni li r-rikors tagħhom quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ġie ppreżentat f’terminu raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża (sentenza fl-appell wara eżami mill-ġdid, punt 21). Il-BEI talab, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali, prinċipalment, tibgħat il-kawża lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, sussidjarjament, tiċħad l-appell, wara li tikkonferma n-natura inammissibbli tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba t-tardività tiegħu, għar-raġuni li dan ir-rikors kien ġie ppreżentat f’terminu li ma deherx raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża (sentenza fl-appell wara eżami mill-ġdid, punt 20).

42

Permezz tas-sentenza fl-appell wara eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fid-digriet annullat, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” għall-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza. Konsegwentement, u mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju u fuq it-tieni u t-tielet aggravji, laqgħet it-talbiet tal-appell u annullat id-digriet annullat. Barra minn hekk, peress li qieset li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti Ġenerali bagħtet lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fuq ir-rikors (sentenza fl-appell wara eżami mill-ġdid, punti 22, 35 u 36).

V. Il-proċedura fl-ewwel istanza wara r-rinviju

43

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Awwissu 2013, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, stieden lir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fuq is-sentenza fl-appell wara eżami mill-ġdid.

44

Fis-27 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-osservazzjonijiet tagħhom u talba għal sospensjoni.

45

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2013, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonferma li rċieva dawn l-osservazzjonijiet u informa lir-rikorrenti li t-talba għal sospensjoni kienet ser tiġi ttrattata sussegwentement. Fl-istess ġurnata, huwa bagħat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti lill-BEI, filwaqt li informah dwar it-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tiegħu. Il-BEI ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fit-12 ta’ Novembru 2013.

46

B’ittri tal-14 ta’ April 2014, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet dwar id-deċiżjoni tiegħu li jgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu u talab lill-BEI jippreżenta risposta.

47

Fil-21 ta’ Mejju 2014, il-BEI ppreżenta r-risposta tiegħu.

48

Fil-11 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika tagħhom.

49

Fit-22 ta’ Awwissu 2014, il-BEI ppreżenta l-kontroreplika tiegħu.

[omissis]

51

B’digriet tas-6 ta’ Frar 2015, Arango Jaramillo et vs BEI (F‑34/10 RENV–RX, mhux ippubblikat, EU:F:2015:6), wara li nstemgħu l-partijiet, il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġiet sospiża sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-istanzi fil-Kawżi T-240/14 P, Bodson et vs BEI, u T-241/14 P, Bodson et vs BEI.

52

B’ittri tal-4 ta’ Marzu 2016, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet li, wara li ngħataw is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI (T-241/14 P, EU:T:2016:103), u tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI (T-240/14 P, EU:T:2016:104), il-proċedura tkompliet u talbithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn dawn is-sentenzi.

53

Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-25 ta’ April 2016. Fl-1 ta’ Ġunju 2016, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-BEI dwar id-deċiżjoni tiegħu li ma jinkludix fil-proċess l-osservazzjonijiet li huwa kien ippreżenta tard.

[omissis]

55

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), il-Kawża F-34/10 RENV-RX ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li din kienet tinsab fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016. Hija ġiet irreġistrata taħt in-numru T‑482/16 RENV u ġiet allokata lit-Tieni Awla.

56

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Mejju 2017.

VI. It-talbiet tal-partijiet

57

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BEI;

sussidjarjament, tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu;

tannulla d-deċiżjonijiet tal-BEI inklużi fir-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2010 li jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet permezz taż-żieda, minn naħa, tal-bażi tal-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-koeffiċjent tal-kalkolu, espress bħala perċentwali tal-imsemmija remunerazzjoni suġġetta għal tnaqqis;

tikkundanna lill-BEI jħallas euro simboliku, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom;

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

58

Il-BEI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad it-talba għall-annullament bħala infondata.

għaldaqstant, tiċħad it-talba għad-danni;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

VII. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

59

Ir-rikorrenti jsostnu li, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, ir-rikors ġie ppreżentat f’terminu raġonevoli. Din il-kawża hija kumplessa u l-importanza tagħha hija sinjifikattiva. Barra minn hekk, il-BEI ma stabbilixxa l-ebda terminu regolamentari għall-preżentata tar-rikors. Huwa lanqas ma komunika korrettament lill-persunal it-test tar-riforma tal-pensjonijiet. Fl-aħħar nett, l-aġir tagħhom ma kien la irraġonevoli u lanqas żbaljat.

60

Il-BEI jikkontesta dan l-argument. Fl-opinjoni tiegħu, il-kumplessità u l-importanza ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-ammissibbiltà tar-rikors. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovawx li eżerċitaw id-diliġenza meħtieġa. Fl-aħħar nett, il-persunal ġie informat b’mod ċar u preċiż dwar ir-riforma qabel ma din daħlet fis-seħħ.

61

Għandu jitfakkar li ebda test tad-dritt tal-Unjoni ma fih indikazzjonijiet fuq it-terminu għall-preżentata ta’ rikorsi applikabbli għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu. Għalhekk, l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxix terminu għall-preżentata ta’ rikors, iżda sempliċement isemmi l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu.

62

Madankollu, il-konċiljazzjoni bejn, minn naħa, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li jeżiġi li l-individwu jkollu terminu suffiċjenti sabiex jevalwa l-legalità tal-att li jikkawżalu preġudizzju u sabiex jipprepara, jekk ikun il-każ, ir-rikors tiegħu, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jistabbilixxi li, wara d-dekorrenza ta’ ċertu terminu, l-atti adottati mill-entitajiet tal-Unjoni jsiru definittivi, jimponi li dawn it-tilwimiet jitressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni f’terminu raġonevoli (ara d-digriet tas-6 ta’ Diċembru 2002, D vs BEI, T-275/02 R, EU:T:2002:306, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dan ir-rikors jistax jitqies li ġie ppreżentat f’terminu raġonevoli.

64

Skont il-ġurisprudenza, in-natura “raġonevoli” ta’ terminu għandu dejjem jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara s-sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li tul ta’ żmien iddeterminat minn qabel ma jistax jiġi preżunt, b’mod ġenerali, li jikkostitwixxi terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punt 62).

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti japplika biss għat-tilwimiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha, u mhux għat-tilwimiet purament interni bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, b’mod partikolari, dawk li permezz tagħhom dawn tal-aħħar jitolbu l-annullament ta’ atti tal-BEI li jikkawżalhom preġudizzju, huwa joffri punt ta’ tqabbil rilevanti, sa fejn l-ewwel tilwimiet huma simili, fin-natura tagħhom, għat-tieni tilwimiet u t-tnejn huma wkoll suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju taħt l-Artikolu 270 TFUE (sentenza tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T-7/98, T-208/98 u T-109/99, EU:T:2001:69, punt 100).

66

Issa, fid-dawl tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli, kif imfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, l-imsemmi terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti jista’ jiġi applikat b’analoġija bħala terminu ta’ dekandenza għall-membri tal-persunal tal-BEI meta huma jippreżentaw rikors għal annullament kontra att, maħruġ minn dan tal-aħħar, li jippreġudikahom (sentenza ta’ eżami mill-ġdid, punt 39).

67

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati inklużi fir-rendikonti tar-remunerazzjoni għax-xahar ta’ Frar 2010 beda jiddekorri mit-Tnejn il-15 ta’ Frar 2010, li huwa l-ewwel jum tax-xogħol wara dak li fih l-imsemmija rendikonti tar-remunerazzjoni ġew irreġistrati fis-sistema informatika Peoplesoft tal-BEI, jiġifieri s-Sibt 13 ta’ Frar 2010. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, huwa f’din id-data tal-15 ta’ Frar 2010 li huma setgħu jindunaw bil-kontenut tar-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom għax-xaħar ta’ Frar 2010.

68

Ir-rikors tar-rikorrenti f’din il-proċedura wasal bil-mezz elettroniku fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-26 ta’ Mejju 2010 f’nofsillejl, jiġifieri tliet xhur u ħdax-il ġurnata wara li r-rikorrenti setgħu jindunaw bl-imsemmija rendikonti tar-remunerazzjoni.

69

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk dan ir-rikors ġiex ippreżentat f’terminu raġonevoli, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjonijiet inklużi fir-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom għax-xahar ta’ Frar 2010 u jqajmu, bħala eċċezzjoni, l-illegalità tar-regolament tranżitorju kif ukoll tal-memorandum ta’ qbil. Il-kwistjonijiet legali ta’ din it-tilwima jikkonċernaw għalhekk mhux biss id-drittijiet u l-obbligi tar-rikorrenti, iżda wkoll, b’mod aktar wiesa’, il-prinċipju u l-modalitajiet tar-riforma tal-iskema tal-pensjonijiet tal-BEI, li jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-finanzjament u l-funzjonament tal-imsemmija skema tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-kawża tikkonċerna diversi aspetti tar-riforma tal-pjan tal-pensjoni tal-BEI, hija ċertament kumplessa.

70

Fit-tieni lok, kif ġie kkonstatat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-digriet annullat (punti 12, 17 u 21), jirriżulta mill-proċess li r-rikors intbagħat b’mezz elettroniku fil-25 ta’ Mejju 2010 fil-11.59 ta’ filgħaxija u wasal fl-indirizz elettroniku tar-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-26 ta’ Mejju 2010 f’nofsillejl u li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti kienu jafu bil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, wara li rċevew in-notifika mir-Reġistru tat-Tribunal dwar il-preżentata fir-reġistru ta’ din il-kawża, peress li r-rikorrenti kkonstataw li din in-notifika semmiet preżentata tar-rikors fis-26 ta’ Mejju 2010, huma talbu lir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jissostitwixxi din id-data b’dik tal-25 ta’ Mejju 2010, li jindika r-rieda tar-rikorrenti li jippreżentaw ir-rikors tagħhom fit-terminu li huma jikkunsidraw li huwa “preżunt raġonevoli” skont l-imsemmija ġurisprudenza.

71

Fid-dawl, minn naħa, taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ imsemmija fil-punti preċedenti u, min-naħa l-oħra, tal-ġurisprudenza li tistabbilixxi favur ir-rikorrenti preżunzjoni qawwija fir-rigward tan-natura raġonevoli tat-terminu indikattiv ta’ tliet xhur għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C 334/12 RX–II, EU:C:2012:733, punt 49, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T-7/98, T-208/98 u T-109/99, EU:T:2001:69, punti 101 u 107, u d-digriet tas-6 ta’ Diċembru 2002, D vs BEI, T-275/02 R, EU:T:2002:306, punt 33, ara wkoll il-punt 65 iktar ’il fuq), miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, ir-rikors tar-rikorrenti ppreżentat f’dan il-każ f’terminu ta’ tliet xhur u ħdax-il ġurnata għandu jitqies li ġie ppreżentat f’terminu raġonevoli.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ tliet xhur, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq, miżjud bit-terminu estiż darba minħabba distanza ta’ għaxart ijiem, ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ bħala terminu ta’ dekadenza, iżda jista’ jservi biss bħala punt ta’ tqabbil rilevanti. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-BEI ma ressaq l-ebda argument intiż li juri li d-dekorrenza tal-imsemmi terminu b’ġurnata (saħansitra bi ftit sekondi fil-lejl bejn il-25 u s-26 ta’ Mejju 2010) huwa suffiċjenti sabiex ineħħi mit-terminu inkwistjoni n-natura “raġonevoli” tiegħu, fis-sens li din id-differenza tista’ effettivament tikkomprometti r-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jeżiġi li, wara d-dekorrenza ta’ ċertu terminu, l-atti adottati mill-entitajiet tal-Unjoni jsiru definittivi.

73

Għall-kuntrarju, il-BEI jsostni f’dan ir-rigward li kull dekorrenza tat-terminu ta’ tliet xhur għandu jkun iġġustifikat, li l-kriterji tal-importanza tat-tilwima u tal-kumplessità ta’ din il-kawża jimmilitaw favur l-applikazzjoni ta’ terminu “massimu” ta’ tliet xhur u għaxart ijiem f’dan il-każ, li r-rikorrenti ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors itwal minn dan u li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ tali terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem seta’ jippermetti lir-rikorrenti jippreparaw b’mod xieraq ir-rikors tagħhom mingħajr ma jippreġudika d-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti preċedenti, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Oscar Orlando Arango Jaramillo u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura.

 

3)

Il-BEI huwa kkundannat għall-ispejjeż imsemmija fil-Kawżi F-34/10, T‑234/11 P u T‑234/11 P RENV–RX.

 

Prek

Buttigieg

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

( 1 ) Il-lista tal-aġenti l-oħra tal-Bank Ewropew tal-Investiment qed tiġi annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.

( 2 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.