SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Varjetajiet ta’ pjanti – Applikazzjoni għall-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà tal-pjanta Gala Schnico – Eżami tekniku – Obbligu ta’ motivazzjoni – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 – Omoġeneità – Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2100/94 – Eżami kumplimentari – Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 2100/94 – Ugwaljanza fit-trattament – Investigazzjoni ex officio tal-fatti miċ-CPVO – Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94”

Fil-Kawża T-445/16,

Schniga GmbH, stabbilita f’Bolzano (l-Italja), irrappreżentata minn G. Würtenberger u R. Kunze, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad, F. Mattina u U. Braun-Mlodecka, bħala aġenti, assistiti minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tat-22 ta’ April 2016 (Każ A 005/2014), dwar applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà tal-pjanta Gala Schnico,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

komposta minn V. Tomljenović, President, E. Bieliūnas u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Awwissu 2016,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Novembru 2016,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali quddiem iċ-CPVO u r-risposti għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2017,

wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

It-talbiet tal-partijiet

21

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż.

22

Iċ-CPVO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

[omissis]

Fuq l-ewwel motiv, dwar l-indikazzjoni tas-sit għall-eżami tekniku u minħabba l-omoġeneità kkonstatata

[omissis]

Fuq l-ewwel parti, dwar l-indikazzjoni tas-sit għall-eżami tekniku

42

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-Opinjoni Nru 2/2004, tal-15 ta’ Frar 2004, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti, jirriżulta li ċ-CPVO ddeċieda li jafda esklużivament lil GEVES l-eżami tekniku tal-varjetajiet ta’ mutazzjoni ta’ tuffiegħ tal-ispeċi Malus domestica Borkh., li, l-istess bħall-varjetà kandidata, tappartjeni għall-grupp ta’ mutazzjoni Gala.

[omissis]

48

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009, tas-17 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2100/94 fir-rigward tal-proċedimenti quddiem iċ-CPVO (ĠU 2009, L 251, p. 3), il-Kunsill Amministrattiv taċ-CPVO jista’ jafda lil korp kompetenti wieħed jew iktar ta’ Stat Membru bir-responsabbiltà tal-eżami tekniku tal-varjetajiet tal-ispeċi kkonċernata. Fir-rigward tal-varjetajiet ta’ mutazzjoni tal-ispeċi Malus domestica Borkh., li, l-istess bħall-varjetà kandidata, tappartjeni għall-grupp ta’ mutazzjoni Gala, l-eżami tekniku ġie fdat esklużivament lil GEVES, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 42 iktar’ il fuq.

49

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet klimatiċi normalment prevalenti fis-sit ta’ evalwazzjoni tal-GEVES ittieħdu debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-indikazzjoni tiegħu bħala sit ta’ eżami għall-gruppi ta’ mutazzjoni kkonċernati, inkluż il-grupp ta’ mutazzjoni Gala. Fil-fatt, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġiet indirizzata lilu, iċ-CPVO pproduċa diversi dokumenti interni preċedenti għall-adozzjoni tal-Opinjoni Nru 2/2004, li minnhom jirriżulta li, fil-fehma tal-esperti dwar l-ispeċi tal-frott li s-CPVO kien ikkonsulta, il-kundizzjonijiet klimatiċi li kienu tipikament jeżistu fuq is-sit tal-GEVES kienu favur il-konċentrazzjoni tal-eżamijiet tekniċi għal mutanti tal-Gala fuq dan is-sit.

50

Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument konkret li jista’ jpoġġi indiskussjoni din l-evalwazzjoni. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegata insuffiċjenza tal-GEVES bħala sit tal-eżami tekniku tal-varjetà kandidata minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi prevalenti fih jistgħu biss jiġu miċħuda.

51

It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tallegax, hekk kif din ikkonfermat matul is-seduta, li, matul il-perijodu ta’ eżami tal-varjetà kandidata, il-kundizzjonijiet klimatiċi eżistenti fis-sit ta’ GEVES kienu anormali.

52

It-tielet nett, l-indikazzjoni ċara u minn qabel tal-uffiċċju tal-eżamijiet responsabbli għall-eżami tekniku ta’ kull speċi jew varjetà li tappartjeni għall-istess grupp ta’ mutazzjoni, bħal dik li tirriżulta mill-Opinjoni Nru 2/2004, hija konformi mal-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet tal-pjanti stabbilita bir-Regolament Nru 2100/94, kif ukoll mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament.

53

Fil-fatt, l-imsemmija struttura ġenerali u l-imsemmija prinċipji jeħtieġu li l-varjetajiet kandidati kollha li jappartjenu għall-istess grupp ta’ mutazzjoni ta’ pjanti ta’ speċi partikolari jiġu evalwati taħt l-istess kundizzjonijiet.

54

Għal dan il-għan, l-Opinjoni Nru 2/2004 tiġbed l-attenzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-fatt li “huwa biss is-CPVO li jista’ jiddetermina l-post fejn il-varjetà kandidata għandha tiġi eżaminata” u li “[k]ull arranġament konkluż direttament ma’ uffiċċju tal-eżamijiet, iżda mingħajr l-awtorizzazzjoni tas-CPVO, b’hekk jikkomprometti r-riżultati ta’ eżami sussegwenti”.

[omissis]

Fuq it-tieni parti, dwar il-kawża tan-nuqqas ta’ omoġeneità

[omissis]

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandu ċ-CPVO fir-rigward tal-kwistjoni xjentifikament u teknikament kumplessa dwar jekk il-varjetà li saret applikazzjoni għaliha, matul l-eżami tekniku, werietx il-karatteristiċi tagħha b’mod suffiċjentement omoġenju [sentenzi tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C-38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punt 50], il-Bord tal-Appell seta’ validament jikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ omoġeneità fir-rigward tad-differenzi kbar ikkonstatati fl-espressjoni tal-karatteristika 39 matul is-sentejn ta’ eżami konsekuttivi, peress li, minn naħa, l-eżami tekniku kien sar konformement mal-Protokoll taċ-CPVO TP/14/2, fatt li ma huwiex ikkontestat, u, min-naħa l-oħra, peress li ebda element ma kien jippermetti li wieħed jassumi li l-espressjoni ta’ din il-karatteristika kienet prekluża mill-kundizzjonijiet ambjentali li fihom kien sar l-eżami tekniku. Kien ukoll mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell irrileva li, f’tali sitwazzjoni, iċ-CPVO ma kienx obbligat jinvestiga l-possibbiltajiet kollha li eventwalment jistgħu jispjegaw in-nuqqas ta’ omoġeneità kkonstatat.

[omissis]

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

[omissis]

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 57(3) tar-Regolament Nru 2100/94

[omissis]

83

Fl-aħħar nett, anki jekk wieħed jippreżumi li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija ssostni li l-problemi ta’ omoġeneità huma dovuti għall-kwalità tal-materjal tat-tilqim eżaminat u li dawn il-problemi setgħu jittaffew b’mod naturali maż-żmien, fatt li kien jiġġustifika sena ġdida ta’ osservazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija r-responsabbiltà tal-applikant għal protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti li jissottometti materjal tat-tilqim adegwat.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Schniga GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Tomljenović

Bieliūnas

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Frar 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.