Kawża T433/16

Pometon SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat-28 ta’ Marzu 2019

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-barraxa tal-azzar – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Proċedura ‘ibrida’ matul perijodu mifrux – Preżunzjoni tal-innoċenza – Prinċipju ta’ imparzjalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Prova tal-ksur – Ksur uniku u kontinwu – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Tul tal-ksur – Multa – Adattament eċċezzjonali tal-ammont bażiku – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

1.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Portata – Osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza

(Artikolu 101(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41 u 48)

(ara l-punti 54 sa 56)

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Proċedura ta’ tranżazzjoni – Proċedura li ma tinvolvix lill-parteċipanti kollha f’akkordju – Irtirar ta’ impriża mill-proċedura ta’ tranżazzjoni – Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet li għandhom destinatarji differenti wara żewġ proċeduri distinti – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tad-dmir ta’ imparzjalità u tal-preżunzjoni tal-innoċenza – Portata

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 10a)

(ara l-punti 63 sa 103)

3.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Modalità ta’ prova – Użu ta’ sensiela ta’ indizji – Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment – Ammissibbiltà tal-evalwazzjoni globali ta’ sensiela ta’ indizji

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

(ara l-punti 107 sa 113, 120, 160)

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv – Deċiżjoni sostnuta minn provi dokumentali – Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 114 sa 117, 192 sa 198)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Użu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur bħala mezzi ta’ prova – Ammissibbiltà – Saħħa probatorja ta’ dikjarazzjonijiet volontarji li saru mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju bl-għan li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 298/17)

(ara l-punti 118, 119, 207 sa 221)

6.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi attenwanti – Aġir diverġenti minn dak miftiehem fi ħdan l-akkordju li jinvolvi l-adozzjoni ta’ aġir kompetittiv fis-suq

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29, it-tielet inċiż)

(ara l-punti 178 sa 181)

7.      Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu – Kundizzjonijiet – Prattiki u aġir li jikkostitwixxu ksur li jagħmlu parti minn pjan ġenerali – Evalwazzjoni – Kriterji – Għarfien jew prevedibbiltà tal-pjan ġenerali tal-akkordju u tal-elementi prinċipali tiegħu

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 243 sa 267)

8.      Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Distinzjoni bejn ksur minħabba l-għan u ksur minħabba r-riżultat – Ksur minħabba l-għan – Livell suffiċjenti ta’ ħsara – Evalwazzjoni

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 273 sa 286)

9.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Ksur uniku u kontinwu – Assenza ta’ provi li jikkonċernaw ċerti perijodi partikolari mill-perijodu globali meqjus – Perijodu mhux suffiċjentement twil sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 294 sa 313)

10.    Proċedura ġudizzjarja – Terminu għall-produzzjoni tal-provi – Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Produzzjoni tal-provi qabel tmiem il-fażi orali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85(3))

(ara l-punti 326 sa 328)

11.    Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni li timponi multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddevja mil-Linij Gwida għall-Kalkolu tal-Multi – Rekwiżiti ta’ motivazzjoni ferm iktar stretti – Motivazzjoni li ma tippermettix li tiġi evlawata l-konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-metodu ta’ kalkolu applikat – Ksur

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 37)

(ara l-punti 337 sa 364)

12.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Tnaqqis tal-ammont tal-multa

(Artikoli 101 u 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

(ara l-punti 365 sa 396)

Sunt

Fis-sentenza Pometon vs Il-Kummissjoni (T‑433/16), mogħtija fit-28 ta’ Marzu 2019, wara li annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2016) 3121 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-Qorti Ġenerali biddlet l-ammont tal-multa imposta minn din id-deċiżjoni fuq il-kumpannija SpA talli pparteċipat f’akkordju li jikkonsisti fi ftehimiet jew prattiki miftehma ma erba’ impriżi oħra, intiż essenzjalment sabiex jiġu kkoordinati l-prezzijiet tal-barraxa tal-azzar fiż-ŻEE kollha. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara proċedura “ibrida” matul perijodu mifrux, sa fejn l-erba’ impriżi l-oħra li kienu parti fl-akkordju kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tranżazzjoni C(2014) 2074 final, adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (1), filwaqt li Pometon kienet iddeċidiet li tirtira mill-proċedura ta’ tranżazzjoni.

Għal dak li jirrigwarda l-ilment invokat minn Pometon, li jipprovdi li l-Kummissjoni kienet diġà ppreżumiet il-ħtija tagħha, billi rreferiet diversi drabi fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni għall-aġir tagħha, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret li l-proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ akkordji quddiem il-Kummissjoni hija rregolata mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali japplika wkoll, mutatis mutandis, għall-proċeduri amministrattivi relatati mal-osservanza tar-regoli Ewropej fil-qasam tal-kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta magħhom. Sussegwentement il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-osservanza tad-dmir ta’ imparzjalità stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali timplika li, fil-kuntest ta’ proċedura li saret ibrida, il-Kummissjoni tfassal u timmotiva d-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni bl-użu tal-prekawzjonijiet kollha neċessarji fl-abbozzar sabiex din id-deċiżjoni, minkejja li ma tkunx indirizzata lill-impriża li rtirat mill-proċedura ta’ tranżazzjoni, ma tippreġudikax il-garanziji proċedurali kollha li għandha tibbenefika minnhom din tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja ulterjuri. Għaldaqstant, filwaqt li rreferiet għall-kriterji mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Karaman vs Il-Ġermanja tas-27 ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel nett jekk fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-prekawzjonijiet fl-abbozzar li jakkompanjaw l-aċċenn ta’ ċertu aġir ta’ Pometon kinux jippermettu li jiġi evitat kwalunkwe suspett li l-Kummissjoni ppreżumiet deliberatament il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ din l-impriża, u t-tieni nett, jekk ir-riferimenti għall-imsemmija aġir kinux neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tad-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-riferimenti kontenzjużi relattivi għal Pometon ma jistgħux jitqiesu bħala indizju la ta’ nuqqas ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni fil-konfront tagħha u lanqas ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza fid-deċiżjoni kkontestata.

Wara tfakkira tar-regoli dwar l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll dwar il-produzzjoni ta’ din il-prova, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonfermat li l-Kummissjoni kienet ipprovat, b’suffiċjenza fid-dritt, kemm il-parteċipazzjoni ta’ Pometon fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE, ikkostitwit mid-diversi partijiet tal-akkordju inkwistjoni, kif ukoll il-tul tal-parteċipazzjoni. Il-provi kollha eżaminati mill-Kummissjoni kienu fil-fatt jipprovaw li Pometon kienet taf bis-sħiħ mhux biss il-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju, li tiegħu hija ma tikkontestax il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, iżda wkoll il-portata ġeografika tiegħu, u li hija għalhekk kellha l-għan li tipparteċipa f’dan il-ksur. Fl-assenza tal-iċken indizju ta’ tbegħid minn Pometon fil-konfront tal-akkordju, il-Kummissjoni tat prova b’suffiċjenza fid-dritt li l-imsemmija impriża ma kinitx interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni, minkejja li, għal perijodu ta’ madwar sittax‑il xahar, hija ma kellhiex prova diretta ta’ kuntatti kollużivi.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew għal bidla tal-multa ta’ EUR 6 197 000 imposta fuq Pometon. F’dan ir-rigward, Pometon kienet qed issostni li l-livell tal-adattament tal-ammont bażiku tal-multa, li l-Kummissjoni kienet iddeterminat fil-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (2), ma kienx immotivat biżżejjed u li l-imsemmi livell ma kienx konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Għal dak li jirrigwarda t-talba għal annullament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma kienu jagħtu l-ebda indikazzjoni suffiċjentement preċiża dwar il-metodu ta’ kalkolu użat u l-elementi ta’ evalwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni biex tiġi ddifferenzjata, skont ir-responsabbiltà proprja ta’ kull impriża, ir-rata ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku mogħtija lil Pometon minn dawk applikati għall-partijiet l-oħra fl-akkordju li aċċettaw li jilħqu kompromess. Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment irreferiet, f’termini ġenerali, għall-eżistenza ta’ differenzi bejn il-parteċipazzjoni individwali ta’ Pometon u dik ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju kif ukoll għall-ħtieġa li tiġi ffissata multa li tkun proporzjonali għall-ksur imwettaq minn din l-impriża u li tkun għalhekk suffiċjentement dissważiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna r-rata ta’ tnaqqis eċċezzjonali mogħti lil Pometon skont il-punt 37 tal-linji gwida u annullat l-Artikolu 2 tagħha, li kien jiffissa l-ammont tal-multa impost fuq Pometon.

Għal dak li jikkonċerna t-talba għal bidla tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, wara l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija kienet f’pożizzjoni li tkun taf il-metodu ta’ kalkolu u l-kriterji applikati mill-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, u, li tevalwa, konsegwentement, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, in-natura xierqa tagħhom. Hija fakkret, barra minn hekk, li l-qorti tal-Unjoni tista’ tibdel l-att ikkontestat, inċidentalment anki fl-assenza ta’ annullament, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, fejn l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni jinkludi t-trasferiment definittiv lil din tal-aħħar tas-setgħa li timponi sanzjonijiet. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tiddetermina l-ammont xieraq tal-multa, fejn is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha hija limitata biss mill-kriterji relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur, stabbiliti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll mil-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża kkonċernata matul is-sena kummerċjali preċedenti, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

Għal dak li jirrigwarda l-kriterju dwar it-tul tal-partiċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur uniku u kontinwu, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett qieset li din il-kundizzjoni kienet diġà ttieħdet debitament inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa, li ma huwiex ikkontestat minn Pometon. Sussegwentement, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju legali tal-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali osservat li huwa l-obbligu tagħha li tiddetermina l-livell ta’ adattament tal-ammont bażiku tal-multa li jkun proporzjonat, fir-rigward tal-kriterji li hija tqis adegwati, għall-gravità tal-ksur imwettaq minn Pometon u li jkun ukoll suffiċjentement dissważiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, qabel kollox ir-responsabbiltà individwali ta’ Pometon fil-parteċipazzjoni fl-akkordju inkwistjoni, sussegwentement, il-kapaċità ta’ din l-impriża li tippreġudika, bl-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur, il-kompetizzjoni fis-suq tal-barraxa u, finalment, id-daqs tagħha, filwaqt li tqabbel, għal kull wieħed minn dawn il-fatturi differenti, ir-responsabbiltà u s-sitwazzjoni individwali ta’ Pometon ma’ dawk tal-partijiet l-oħra fl-akkordju. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-imsemmija fatturi wasslu lill-Qorti Ġenerali tagħti lil Pometon perċentwali ta’ tnaqqis eċċezzjonali ta’ 75 % fuq l-ammont bażiku tal-multa aġġustat abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, hekk kif kien iddeterminat fid-deċiżjoni kkontestata, u ffissat għaldaqstant l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għal EUR 3 873 375.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


2      Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).