Kawża T-310/16
Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Marzu 2019
“Dumping – Importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina – Artikolu 11(4) u (5) u Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li saru Artikolu 11(4) u (5), u Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Rifjut li jingħata l-istatus ta’ produttur-esportatur fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 – Teħid ta’ kampjuni – Eżaminazzjoni individwali – Kunfidenzjalità”
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid – Rikors għat-teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali – Adozzjoni, abbażi tal-investigazzjoni, ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid – Obbligu li investigazzjoni ssir pubblika – Assenza
(Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, “Ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 9.5; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikoli 5(10) u (11), 6(7), 9(6), u 11(2), (4) u (5), u Regolament Nru 917/2011, Artikolu 3)
(ara l-punti 57-60)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta' dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid – Rikors għat-teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali – Possibbiltà għal produttur-esportatur ġdid li jitlob rata ta’ dazju antidumping individwali – Assenza – Inkompatibbiltà mal-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Assenza
(Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, “Ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 9.5; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikolu 9(6), u l-ewwel sar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 11(4))
(ara l-punt 65)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta' dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid – Rikors għat-teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali – Possibbiltà għal produttur-esportatur ġdid li jitlob l-estensjoni ta’ rata ta’ dazju antidumping applikabbli għall-produtturi li kkooperaw iżda mhux magħżula fil-kampjun – Kundizzjonijiet – Obbligu ta’ notifika lill-partijiet l-oħra kkonċernati – Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikolu 11(4) u r-Regolament Nru 917/2011 Artikolu 3)
(ara l-punt 66)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta' dumping – Proċedura antidumping – Effett ta’ irregolaritajiet proċedurali fuq il-legalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping – Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikoli 5(10) u 11(6) u (7))
(ara l-punt 67)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta' dumping – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014)
(ara l-punt 103)
Politika kummerċjali komuni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014)
(ara l-punt 129)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta' dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Portata
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014)
(ara l-punti 147, 148, 207)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta' dumping – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid – Rikors għat-teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali – Għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, Artikolu 11(4) u r-Regolament Nru 917/2011 Artikolu 3)
(ara l-punti 188-191)
Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolament li jimponi dazji antidumping
(Artikolu 296 TFUE)
(ara l-punt 210)
Sunt
Permezz tas-sentenza tagħha Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni (T-310/16), mogħtija fl-20 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Foshan Lihua Ceramic, produttur-esportatur Ċiniż (iktar’ il quddiem ir- “rikorrenti”), intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tagħha għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri antidumping definittivi stabbiliti fuq l-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 ( 1 ) (iktar’ il quddiem ir- “regolament definittiv”). Ir-rikorrenti, li ma pparteċipatx fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, ġiet imposta fuqha rata ta’ dazju antidumping stabbilita bl-użu tal-ogħla marġni ta’ dumping ikkonstatati għal prodott rappreżentattiv ta’ produttur-esportatur li jkun ħa sehem fih. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid minħabba li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dan l-istatus.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 1225/2009 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir- “Regolament bażiku”), li jittrasponi biss il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid previsti fl-Artikolu 11(2) sa (4) ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku dwar il-proċeduri u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet, fosthom l-Artikolu 5(10) u (11) u l-Artikolu 6(7) ta’ dan l-istess regolament, ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 3 tar-regolament definittiv.
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 9.5 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (iktar’ il quddiem il- “Ftehim antidumping”) ( 3 ), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għalkemm il-formulazzjoni tal-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku hija, bl-eċċezzjoni tat-tielet kundizzjoni marbuta mal-eżistenza tal-esportazzjonijiet ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni inizjali, analogu għall-formulazzjoni tal-Artikolu 9.5 tal-ftehim antidumping, l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku jinkludi wkoll ir-raba’ paragrafu, li dan l-artikolu ma japplikax meta l-istituzzjonijiet, fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, kehhom rikors għat-teħid ta’ kampjuni. Din l-eċċezzjoni għandha l-għan li ma jitqiegħdux il-produtturi-esportaturi ġodda f’sitwazzjoni proċedurali iktar favorevoli minn dawk li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali iżda ma ġewx inklużi fil-kampjun. Dan it-tħassib mhuwiex meqjus fil-Ftehim Antidumping. Għalhekk, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ ftuħ ta’ reviżjoni għall-produtturi-esportaturi ġodda, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura intiża li tiżgura, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Minn dan isegwi li l-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping ma għandux effett dirett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li peress li l-għanijiet tal-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 3 tar-regolament definittiv kienu iktar ristretti minn dawk tal-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, huwa ġġustifikat li numru inferjuri ta’ persuni jiġi informat bil-ftuħ ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-regolament definittiv. Fil-fatt, filwaqt li l-investigazzjoni li saret skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku hija intiża sabiex jiġi ddeterminat mhux biss jekk l-operatur inkwistjoni huwiex produttur-esportatur ġdid, iżda wkoll, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, il-marġni ta’ dumping individwali tiegħu, l-investigazzjoni mmexxija skont l-Artikolu 3 tar-regolament definittiv għandha għan ieħor biss li jiġi vverifikat jekk l-operatur inkwistjoni huwiex produttur-esportatur ġdid. Matul din l-investigazzjoni, dan tal-aħħar għandu juri li huwa ma esportax il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-regolament definittiv, li joriġinaw miċ-Ċina matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, li mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur suġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-regolament u li effettivament esporta l-oġġetti kkonċernati jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinjifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali. Peress li dawn il-kondizzjonijiet rigward is-sitwazzjoni proprja tal-operatur inkwistjoni, huwa, evidentement, dan tal-aħħar, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe parti terz, li jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-oneru u tal-grad tal-prova, il-Qorti Ġenerali kkjarifikat li l-obbligu tal-prova li għandu jiġi sostnut mill-applikant għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, kemm skont l-Artikolu 3 tar-regolament definittiv kif ukoll skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, ma fih innifsu xejn li huwa impossibbli li jiġi ssodisfatt. Il-provvista ta’ informazzjoni u ta’ provi kompluti, koerenti u verifikabbli, b’mod partikolari fuq il-bejgħ kollu tagħha u fuq l-istruttura tal-grupp tagħha, tippermetti lill-Kummissjoni teskludi, jekk effettivament dan ma jkunx il-każ, li l-prodott ikkonċernat ikun ġie esportat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, jew saħansitra li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma hija marbuta ma’ ebda produttur-esportatur suġġett għad-dazji antidumping inkwistjoni.
F’dan ir-rigward, ma hijiex il-Kummissjoni la li għandha turi l-eżistenza ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-rikorrenti lejn l-Unjoni jew ta’ rabtiet ma’ impriżi suġġetti għad-dazji antidumping inkwistjoni, u lanqas li tipprovdi indizji f’dan is-sens. Sabiex tiġi miċħuda talba għall-għoti ta’ dan l-istatus, huwa biżżejjed, fuq il-mertu, li l-provi prodotti mill-operatur inkwistjoni kienu insuffiċjenti sabiex isostnu l-allegazzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rwol tagħha fl-investigazzjonijiet dwar l-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, li għandha tivverifika permezz tal-mezzi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha l-eżattezza tal-allegazzjonijiet u tal-provi prodotti minn tali operatur.
( 1 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat-12 ta’ Settembru li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, L 238, p. 1).
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51; Rettifiki ĠU 2010, L 7, p. 22; ĠU 2011, L 293, p. 39; ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendat fl-aħħar lok bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2014, li jemenda ċerti regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014, L 18, p. 1).
( 3 ) Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91, li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).