SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

25 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Għajnuna diretta diżakkoppjata – Stħarriġ fuq il-post – Telerilevament – Evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju – Miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Istat Membru kkonċernat – Evalwazzjoni tat-telf finanzjarju – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑260/16,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat inizjalment minn L. Swedenborg, A. Falk, N. Otte Widgren, C. Meyer-Seitz u U. Persson, sussegwentement minn L. Swedenborg, A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentat minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u K. Simonsson, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/417 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 75, p. 16), inkwantu tikkonċerna l-għajnuna diretta diżakkoppjata mħallsa lir-Renju tal-Isvezja għal ammont totali ta’ EUR 8 811 286.44 għas-sena ta’ talba 2013 u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija għajnuna diretta diżakkoppjata eskluża mill-finanzjament sabiex jiġi stabbilit għal EUR 1 022 259.46,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, F. Schalin (Relatur) u J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑23 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Wara spezzjoni mwettqa mis-servizzi tagħha mid‑19 sat‑23 ta’ Awwissu 2013, dwar l-għajnuna diretta skont is-superfiċje fir-rigward tas-snin ta’ talba 2011 u 2012, il-Kummissjoni Ewropea qieset li kienu jeżistu nuqqasijiet fl-applikazzjoni mir-Renju tal-Isvezja tal-obbligi tagħha dwar l-għażla tal-kampjuni ta’ stħarriġ, kif kienu jirriżultaw mill-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll skont l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa stipulati f’dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65).

2

L-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-Istati Membri għandu l-għan li jaġġorna u jivverifika l-informazzjoni li dawn tal-aħħar għandhom dwar superfiċji agrikoli li għalihom l-għajnuna ntalbet, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ żball marbut mal-għoti ta’ din l-għajnuna.

3

Essenzjalment, fl-ittra, akkumpanjata b’anness, li hija bagħtet fis‑6 ta’ Diċembru 2013 lill-awtoritajiet Svediżi skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal‑21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013”), il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Svediżi ma kinux kompletament osservaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-istħarriġ ta’ pagamenti diretti għas-superfiċje fir-rigward tas-snin ta’ talba 2011 u 2012, billi rrilevat li l-paragun tar-riżultati tal-istħarriġ permezz tat-telerilevament, minn naħa, u fuq il-post, min-naħa l-oħra, kien ippermetta li jiġu kkonstatati għadd ta’ żbalji sinjifikattivament differenti, filwaqt li ż-żewġ tipi ta’ stħarriġ kellhom jagħtu l-istess riżultati. Għaldaqstant, hemm lok li wieħed jissuspetta li, permezz tat-telerilevament, kemm l-għażla ta’ kampjuni ta’ stħarriġ kif ukoll il-metodu ta’ stħarriġ kellhom difetti. Fil-fatt, ir-rata ta’ żball kienet inqas f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ permezz ta’ telerilevament, li juri li l-analiżi tar-riskji bbażata fuq għażla tal-kampjuni ta’ stħarriġ ma kinitx twettqet b’mod korrett, peress li ġiet effettwata b’għadd limitat ta’ fatturi ta’ riskju li huma stess ma ġewx evalwati kull sena lanqas aġġornati b’mod effikaċi sabiex jinkiseb immirar aħjar tar-riskju għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija ((FAEG) jew iktar ’il quddiem “il-Fond”). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Svediżi li jesponi b’ritorn l-miżuri korrettivi diġà adottati u dawk li kienu previsti.

4

Fil‑5 ta’ Frar 2014, l-awtoritajiet Svediżi, f’dan il-każ il-Jordbruksverket (l-Uffiċċju tal-Agrikoltura, l-Isvezja), bagħtu lill-Kummissjoni b’risposta għall-ilmenti ta din tal-aħħar.

5

B’ittra tal‑11 ta’ April 2014, il-Kummissjoni sejħet lill-awtoritajiet Svediżi għal laqgħa bilaterali, konformement mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006. Wara din il-laqgħa li saret fl‑20 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet tagħha dwar il-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet għas-snin tat-talba 2011 u 2012.

6

Fil‑25 ta’ Settembru 2014, l-awtoritajiet Svediżi bagħtu lill-Kummissjoni r-risposta t-tweġiba tagħhom għall-konklużjonijiet tal-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Mejju 2014, billi ppreżentaw l-istima proprja tagħhom tad-dannu subit mill-Fond fir-rigward għas-snin tat-talba 2011 sa 2013, li skonthom kienet tammonta għas-somma ta’ EUR 636865.

7

Fit‑15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Svediżi komunikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal‑15 ta’ Jannar 2015”). Hawnhekk hija ma taċċettax l-istima tad-dannu kif magħmula minn dawn tal-aħħar, waqt li esponiet li f’dan il-każ hemm nuqqas ta’ stħarriġ sekondarju li ma ġiex implimentat b’mod korrett.

8

Fl‑24 ta’ Frar 2015, ir-Renju tal-Isvezja talab li l-każ ikun riferut lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006. Fir-rapport tiegħu tad‑9 ta’ Lulju 2015, dan tal-aħħar qies li l-pożizzjonijiet tal-partijiet kienu irrikonċiljabbli. Madankollu, ippropona lill-Kummissjoni li teskludi mill-korrezzjoni t-talbiet ġejjin minn dipartimenti Svediżi li ma użawx it-telerilevament fl-2013 u tieħu inkunsiderazzjoni mappa invokata mill-awtoritajiet Svediżi u li turi bidla fis-sitwazzjoni ġeografika taż-żoni ta’ stħarriġ sa mis-sena 2013.

9

Fid‑19 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Renju tal-Isvezja il-pożizzjoni finali tagħha (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni finali tad‑19 ta’ Ottubru 2015”). Hija ddeċidiet li tapplika korrezzjoni b’rata fissa li kienet tikkonċerna biss is-sena tat-talba 2013 u t-tmien dipartimenti Svediżi li fihom it-telerilevament kienet ġie implimentat mill-2011 sal-2013. Essenzjalment, il-Kummissjoni tispjega li l-omissjoni kontinwa ta’ aġġornament tal-analiżi tar-riskju tal-għażla tal-kampjuni ta’ stħarriġ għall-finijiet ta’ stħarriġ permezz ta’ telerilevament, li tikkorrispondi għal assenza ta’ stħarriġ sekondarju fid-dawl tal-persistenza tagħha, kienet toħloq riskju ta’ preġudizzju għall-FAEG. F’dawn iċ-ċirkustanzi, korrezzjoni b’rata fissa li tirrigwarda l-għajnuna kollha relatati mas-superfiċje tkun l-aħjar mod li bih tikkwantifika dan ir-riskju u rata ta’ korrezzjoni ta’ 2 % tidher iġġustifikata.

10

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/417, tas‑17 ta’ Marzu 2016, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 75, p. 16), korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % ġiet applikata fir-rigward tal-infiq sostnut fl-Isvezja għal għajnuna diretta ddiżakkoppjata tas-sena ta’ talba 2013, u b’hekk l-ammont finali tal-korrezzjoni li jammonta għas-somma ta’ EUR 8 811 286.44 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontestata”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Mejju 2016, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta dan ir-rikors.

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Settembru 2016, ir-Repubblika Ċeka talbet sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Isvezja, talba li ntlaqgħet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Ottubru 2016.

13

Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati rispettivament fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ottubru u l‑1 ta’ Diċembru 2016 u t‑13 ta’ Jannar 2017.

14

Wara l-preżentata tan-nota ta’ intervent mir-Repubblika Ċeka fl‑1 ta’ Diċembru 2016, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, rispettivament fil‑21 u fit-23 ta’ Frar 2017.

15

L-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ġie nnotifikat lill-partijiet fit‑28 ta’ Frar 2017.

16

Ir-Renju tal-Isvezja indika fl‑20 ta’ Marzu 2017 li xtaq li tinżamm seduta.

17

Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċiparjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla u tibdel id-deċiżjoni kkontestata billi tnaqqas l-ammont eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-somma ta’ EUR 1 022 259.46;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

18

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

19

Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ t-talbiet tar-Renju tal-Isvezja u tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-miżura mitluba.

Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

20

Ir-Renju tal-Isvezja jqajjem tliet motivi fil-kuntest tar-rikors.

21

L-ewwel nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 kif ukoll dawk tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549), sa fejn, fil-komunikazzjoni tas-6 ta’ Diċembru 2013, li hija bagħtitlu wara l-investigazzjoni tagħha, hija ma speċifikatx l-allegati nuqqasijiet f’dan il-każ u lanqas il-miżuri korrettivi li huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata fil-futur l-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-imsemmija komunikazzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża.

22

It-tieni nett, huwa jesponi li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq konklużjonijiet żbaljati rigward id-differenzi li jirriżultaw mit-tqabbil tan-numru ta’ żbalji rrilevati wara l-implimentazzjoni taż-żewġ modi ta’ stħarriġ. B’hekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi n-nuqqasijiet allegati u lanqas b’liema mod dawn tal-aħħar, anki jekk jiġi preżunt li seħħew, setgħu jwasslu għal riskju ta’ preġudizzju għall-FAEG.

23

It-tielet nett, huwa jsostni wkoll li, meta għamlet il-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni b’rata fissa, il-Kummissjoni kisret kemm l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll il-Linji gwida tagħha stess kif iddefiniti fid-dokument Nru VI/5330/97 tal-Kummissjoni, tat‑23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru VI/5330/97”), kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

24

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumentazzjoni żviluppata mir-Renju tal-Isvezja fil-kuntest tat-tliet motivi mqajma minn dan tal-aħħar.

25

Ir-Repubblika Ċeka, li tesprimi appoġġ sħiħ għall-argumentazzjoni tar-Renju tal-Isvezja, illimitat ruħha sabiex tiżviluppa rimarki dwar it-tieni u t-tielet motiv.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006

26

Ir-Renju tal-Isvezja jesponi li l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 jirregolaw l-istadji differenti li għandhom jiġu osservati matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet fir-rigward tal-FAEG. B’mod partikolari, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, l-Istat Membru kkonċernat, sabiex jindirizza kemm jista’ jkun malajr in-nuqqasijiet identifikati, għandu jiġi nnotifikat minn qabel bl-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni u jiġi infurmat dwar il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata fil-futur l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni inkwistjoni. Hija biss tali komunikazzjoni bil-miktub li tista’ tikkostitwixxi l-element ta’ riferiment għal meta jibda l-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013, li jippermetti li jiġi l-infiq li jista’ jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni.

27

Issa, il-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013, kif ukoll l-ittri jew il-komunikazzjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, peress li dawn ma jindikawx b’mod ċar x’kien jikkonsisti n-nuqqas li qed jiġi kkritikat bih ir-Renju tal-Isvezja, u lanqas il-miżuri korrettivi li dan tal-aħħar kien obbligat li jieħu sabiex jindirizzahom. Tali kjarifiki ngħataw mill-Kummissjoni biss fil-pożizzjoni finali tad‑19 ta’ Ottubru 2015, fejn hija indikat barra minn hekk li l-persistenza tan-nuqqasijiet allegati kellha tiġi assimilata ma’ assenza ta’ stħarriġ sekondarju. B’mod partikolari, it-termini tal-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 jippermettu li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li ssuspettat kemm fl-eżistenza ta’ nuqqasijiet fi stħarriġ sekondarju, f’dan il-każ fl-analiżi tar-riskji għall-għażla tal-kampjuni ta’ kontroll permezz ta’ telerilevament, jiġifieri l-eżistenza ta’ xi forma ta’ nuqqas fi stħarriġ ewlieni, jiġifieri fil-kuntest ta’ spezzjoni fiżika permezz ta’ telerilevament. Skont il-ġurisprudenza, il-komunikazzjoni bil-miktub prevista fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 għandha madankollu tagħti lill-Istat Membru kkonċernat għarfien sħiħ tar-riżervi tal-Kummissjoni, sabiex tissodisfa l-funzjoni ta’ twissija tagħha.

28

Barra minn hekk, filwaqt li s-servizzi tagħha wettqu investigazzjoni biss għas-snin ta’ talba 2011 sa 2012, is-suspetti ta’ nuqqasijiet fformulati mill-Kummissjoni sussegwentement ġew assimilati ma’ assenza ta’ analiżi tar-riskji, mingħajr ma l-bażi ta’ tali bidla tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma rriżultat mill-fajl, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mill-ġurisprudenza jew, saħansitra, mill-Linji gwida tagħha stess li skonthom il-fatt li proċedura ta’ stħarriġ għandha tiġi pperfezzjonata huwa insuffiċjenti sabiex jiġġustifika korrezzjonijiet finanzjarji.

29

Il-Kummissjoni tirribatti li, fil-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013, b’mod partikolari fil-punt 1.2.1 tal-anness tagħha, intitolat “Effikaċja tal-analiżi tar-riskji”, hija pprovdiet lill-awtoritajiet Svediżi dettalji dwar in-nuqqasijiet allegati u talbet iktar kjarifiki dwar l-evalwazzjoni tar-riskji għall-finijiet ta’ stħarriġ b’telerilevament kif ukoll spjegazzjonijiet dwar kif jiġi żgurat teħid inkunsiderazzjoni xieraq tar-riskju għall-Fond. Din it-talba kellha titiqes, għall-inqas b’mod impliċitu, bħala indikazzjoni f’termini ġenerali tal-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu. Il-Kummissjoni indikat, fir-rigward tad-differenzi kkonstatati bejn iż-żewġ modi ta’ stħarriġ, li kien possibbli li jkun hemm suspett li kemm l-għażla ta’ kampjuni ta’ stħarriġ kif ukoll il-metodu ta’ stħarriġ kellhom differenzi.

30

Il-Kummissjoni tesponi li, b’mod partikolari, fil-punt 1.3.2 tal-anness li fiha l-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013, hija semmiet in-nuqqasijiet kkonstatati waqt stħarriġ ta’ malajr fuq il-post imwettaq mill-awtoritajiet Svediżi wara operazzjonijiet ta’ stħarriġ permezz ta’ telerilevament.

31

Barra minn hekk il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm huwa veru li l-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 tirreferi għas-snin ta’ talba 2011 u 2012, dan jirriżulta mill-fatt li, sa fejn l-imsemmija komunikazzjoni tirrigwarda stħarriġ li sar f’Awwissu 2013, f’dan l-istadju ma kien hemm l-ebda riżultat għall-2013. Madankollu, peress li l-irregolaritajiet ppersistew, hija kellha teħodhom inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-perijodu tal-korrezzjoni finanzjarja. Il-fatt li n-nuqqasijiet kienu eżistew matul is-snin 2011 sa 2013 jimplika li l-ebda analiżi tar-riskji ma setgħet titqies bħala li ġiet implimentata matul dawn is-snin u li ebda stħarriġ sekondarju għaldaqstant ma kien seħħ.

32

It-termini tal-ittra mibgħuta fil‑5 ta’ Frar 2014 mill-Uffiċċju Svediż għall-Agrikoltura lill-Kummissjoni jippermettu wkoll li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Svediżi kienu fehmu liema nuqqasijiet kienu jeżistu skont il-Kummissjoni.

33

Sussegwentement, fl-istedina tal‑11 ta’ April 2014 għal-laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Mejju 2014 kif ukoll fil-konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu. Dan huwa marbut mal-fatt li l-proċedura ta’ stħarriġ hija proċess dinamiku u li l-kwistjonijiet li tqajjem jiġu ttrattati hekk kif dan il-proċess jiżvolġi, abbażi tal-kjarifiki mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat. Fi kwalunkwe każ, miżuri korrettivi jistgħu jsiru biss għall-futur u mhux għas-snin ta’ talba 2011 sa 2013.

34

Il-Kummissjoni tikkontesta barra minn hekk l-affermazzjoni li kien biss fl-istadju tal-pożizzjoni finali tad-19 ta’ Ottubru 2015 li hija kienet ippreċiżat it-termini tan-nuqqas allegat li, flimkien ma’ assenza ta’ bidla fis-sitwazzjoni matul l-aħħar snin, kien wassalha li tikkunsidra li hemm l-assenza ta’ stħarriġ sekondarju. Skontha, dawn l-elementi kienu diġà jirriżultaw mill-komunikazzjoni tagħha tal‑15 ta’ Jannar 2015, magħmula skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006.

35

F’dan il-każ, l-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 885/2006, li huwa invokat mir-Renju tal-Isvezja, daħal fis-seħħ mis‑16 ta’ Ottubru 2006 u huwa fformulat kif ġej:

“L-approvazzjoni tal-konformità

1.   Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skond ir-regoli [tal-Unjoni], hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tindika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità futura ma’ dawk ir-regoli.

Il-komunikazzjoni għandha tagħmel riferenza għal dan l-Artikolu. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha b’konsegwenza ta’ dan. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taqbel li testendi l-perjodu għar-risposta.

Wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa bilaterali u ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-[tal-Unjoni].

2.   Fi żmien xahrejn mid-data meta jiġu riċevuti l-minuti tal-laqgħa bilaterali msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jikkomunika kwalunkwe informazzjoni mitluba matul dik il-laqgħa jew kwalunkwe informazzjoni oħra li jqis li tkun utli għall-eżami li jkun għaddej.

F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni, fuq talba raġunata ta’ l-Istat Membru, tista’ tawtorizza estensjoni għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni qabel ma jiskadi dak il-perjodu.

Wara li jiskadi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni riċevuta fil-qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Il-komunikazzjoni għandha tevalwa l-infiq li l-Kummissjoni qed tipprevedi li se teskludi mill-finanzjament [tal-Unjoni] skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u għandha tagħmel riferenza għall-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.”

36

Ir-Regolament Nru 1306/2013, li ħassar ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), fih l-Artikolu 52 intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, applikabbli għall-1 ta’ Jannar 2015.

37

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013, rifjut tal-finanzjament ma jistax jinvolvi “infiq [tal-FAEG] li jsir aktar minn 24 xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub bis-sejbiet tal-ispezzjoni tagħha”.

38

B’hekk jidher li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 kien jiddefinixxi l-istadji differenti li għandhom jiġu osservati matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG. B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża l-kontenut tal-ewwel komunikazzjoni bil-miktub li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkomunika r-riżultat tal-verifiki tagħha lill-Istati Membri, qabel l-organizzazzjoni tad-diskussjoni bilaterali. Skont din id-dispożizzjoni, l-ewwel komunikazzjoni għandha tippreċiża r-riżultat tal-verifiki tal-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex il-futur tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni inkwistjoni jiġi ggarantit (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni,T‑2/11, EU:T:2013:307, punt 57).

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni diġà ddeċidiet li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31), il-komunikazzjoni bil-miktub msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament li hija essenzjalment identika għall-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, għandha tkun ta’ natura li tagħti lill-Istat Membru għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni, b’tali mod li b’hekk hija tkun tista’ tissodisfa l-funzjoni ta’ twissija li hija imposta fuqha bl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament (ara, f’dak is-sens, is-sentrenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑2/11, EU:T:2013:307, punt 58).

40

Isegwi li, fl-ewwel komunikazzjoni msemmija mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni għandha tindika, b’mod preċiż biżżejjed, l-għan tal-investigazzjoni mmexxija mid-dipartimenti tagħha u n-nuqqasijiet ikkonstatati matul din l-investigazzjoni, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu invokati ulterjorment bħala prova ta’ dubju serju u raġonevoli li hija jkollha fir-rigward tal-istħarriġ mwettaq mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew ċifri trażmessi minn dawn tal-aħħar u, b’hekk, jiġġustifikaw il-korrezzjonijiet finanzjarji adottati fid-deċiżjoni finali li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-FAEG (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑2/11, EU:T:2013:307, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Madankollu, meta l-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja jippersistu wara d-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki, il-Kummissjoni jkollha d-dritt u anki l-obbligu li tikkunsidra dik is-sitwazzjoni meta tiġi sabiex tiddetermina l-perijodu li matulu għandha ssir il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑2/11, EU:T:2013:307, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013, li tikkonsisti mill-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2013 u l-anness mehmuż magħha, tistax titqies bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006. F’dan ir-rigward, għandu jiġi verifikat jekk l-imsemmija komunikazzjoni tinkludix, minn naħa, identifikazzjoni b’mod suffiċjenti tas-suġġett u r-riżultati tal-investigazzjoni, sa fejn huma bbażaw il-korrezzjoni finanzjarja kkontestata, u, min-naħa l-oħra, il-miżuri korrettivi li kellhom jiġu adottati fil-futur.

43

L-ittra li tinsab fil-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 tirreferi l-ewwel nett għall-operazzjonijiet ta’ investigazzjoni li saru fl-Isvezja mid‑19 sat‑23 ta’ Awwissu 2013, u ssemmi, f’termini ġenerali ħafna, li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija operazzjonijiet u li jikkonċernaw il-ħlasijiet diretti għas-superfiċje għas-snin tat-talba 2011 u 2012, is-servizzi tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni qiesu li l-awtoritajiet Svediżi ma ssodisfawx għalkollox ir-rekwiżiti li joħorġu mir-Regolament (KE) tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16), mir-Regolament Nru 1122/2009 kif ukoll mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad‑29 ta’ Ottubru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2009, L 316, p. 1).

44

L-ittra inkwistjoni tispeċifika wkoll li, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, in-nuqqasijiet ikkonstatati jistgħu jwasslu għal esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni ta’ parti mill-infiq iffinanzjat mill-FAEG u li huma se jiffurmaw il-bażi tal-imsemmija korrezzjonijiet sakemm jiġu adottati miżuri korrettivi xierqa.

45

Rigward l-anness li fiha l-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013, fil-punt 1.2.1, taħt it-titolu “L-effikaċja tal-analiżi tar-riskju”, hija qabel kollox tfakkar id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 26 u 31 tar-Regolament Nru 1122/2009, qabel ma tiddikjara l-prinċipju li “l-istħarriġ permezz ta’ telerilevament u l-istħarriġ tradizzjonali fuq il-post ġeneralment huma mistennija jagħtu l-istess riżultati [u jekk] dan ma huwiex il-każ, wieħed jista’ jissuspetta li jew l-għażla tal-kampjuni ta’ kontroll jew il-metodu ta’ verifika għandu/ha nuqqasijiet”.

46

L-anness li jinsab fil-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 jinkludi mbagħad tqabbil tar-rati ta’ żball ikkonstatati minn stħarriġ tas-superfiċji ta’ azjendi li jibbenefikaw mill-għajnuna, skont kemm ikun hemm stħarriġ fuq il-post jew b’telerilevament u li l-kampjuni ntgħażlu b’mod aleatorju jew skont evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju.

47

Tabella sommarja tippermetti li jiġi kkonstatat li r-rati ta’ żball ta’ stħarriġ permezz ta’ telerilevament li jirrigwardaw il-kampjuni magħżula abbażi ta’ evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju huma sistematikament inqas mir-rati ta’ żball ta’ stħarriġ fuq il-post, peress li tal-ewwel huma ta’ 0.96 u 0.31 %, rigward, ripsettivament l-2011 u l-2012, u, tat-tieni kienu 1.34 u 1.41 %, rigward, rispettivament, l-istess snin.

48

Wara li esponiet l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Svediżi, li jirrigwardaw, minn naħa, il-metodu tal-għażla ta’ azjendi mistħarrġa u, min-naħa l-oħra, ir-razzjonalizzazzjoni tal-istħarriġ b’telerilevament sabiex jiffokaw fuq iż-żoni tat-territorju Svediż li għandhom ċerta densità ta’ azjendi, il-Kummissjoni kkonkludiet li “[kien] hemm għalhekk riskju li l-awtoritajiet Svediżi ma speċifikawx b’mod suffiċjenti ir-riskju li [kien] jikkonċerna l-istħarriġ permezz ta’ telerilevament”.

49

Din il-konklużjoni fir-rigward tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni aħjar tal-fatturi ta’ riskju kienet tidher ċara u inekwivoka u ma tistax, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Isvezja, tiġi assimilata għal sempliċi suspett li ma jkunx jista’ jiġġustifika korrezzjoni finanzjarja. Din għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi identifikazzjoni suffiċjenti tas-suġġett u tar-riżultati tal-investigazzjoni.

50

Fir-rigward tal-miżuri korrettivi li jridu jiġu implimentati, għalkemm l-ittra li tinsab fil-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 tirreferi biss għall-anness li hemm fl-istess komunikazzjoni, filwaqt li talbet lill-awtoritajiet Svediżi sabiex jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri korrettivi li diġà ġew adottati jew li huma previsti kif ukoll iż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, l-imsemmi anness jinkludi stedina indirizzata lill-awtoritajiet Svediżi sabiex “jiċċaraw iktar l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji għall-finijiet ta’ stħarriġ permezz ta’ telerilevament u jispjegaw b’liema mod huma jiżguraw li r-riskju jitqies b’mod xieraq”.

51

Moqrija fid-dawl tal-konstatazzjoni tan-nuqqasijiet irrielvati, din il-konklużjoni fir-rigward tal-miżuri korrettivi li għandhom jiġu adottati tidher ċara u tant iktar mingħajr ambigwità li l-awtoritajiet Svediżi pprovdew ċerti spjegazzjonijiet dwar in-nuqqasijiet ikkonstatati mis-servizzi tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-portata ta’ din il-konklużjoni kienet manifestament ċara f’dak li kien jikkonċerna lilhom.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri korrettivi li kellhom jiġu adottati fil-futur mill-awtoritajiet Svediżi jidhru speċifikati biżżejjed fil-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006.

53

Barra minn hekk, għalkemm il-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 tirrigwarda biss is-snin ta’ talba 2011 u 2012, filwaqt li l-korrezzjoni finanzjarja tirrigwarda s-sena ta’ talba 2013, għandu jitfakkar li, minn naħa, is-sena ta’ talba 2013 ma kinitx għadha spiċċat matul l-ispezzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni f’Awwissu 2013 u li, min-naħa l-oħra, meta l-irregolaritajiet li jkunu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja baqgħu jippersistu wara d-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni għad-determinazzjoni tal-perijodu li fuqu tirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni.

54

Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 jirriżulta li, fl-implimentazzjoni ta’ rimedju mill-Istat Membru ta’ miżuri korrettivi b’risposta għall-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’, sad-data effettiva tal-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi li timponi, teskludi l-infiq affettwat min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑2/11, EU:T:2013:307, punt 80).

55

Issa, fil-komunikazzjoni tal‑15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni kkonstatat li għad hemm diverġenza sinjifikattiva fir-rati ta’ żbalji tal-istħarriġ permezz ta’ telerilevament u ta’ stħarriġ fuq il-post, peress li dawn ir-rati kienu ta’ 0.39 % u ta’ 0.74 % rispettivament.

56

F’dan l-istadju, u mhux biss mill-pożizzjoni finali tad‑19 ta’ Ottubru 2015 kif isostni b’mod żbaljat ir-Renju tal-Isvezja, dan tal-aħħar ġie infurmat dwar il-persistenza tan-nuqqasijiet ikkonstatati mis-servizzi tal-Kummissjoni, peress li l-miżuri korrettivi li għandhom jiġu adottati huma neċessarjament tal-istess natura bħal dawk imsemmija preċedentement.

57

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jidher li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 ma nkisrux mill-Kummissjoni u li l-ewwel motiv imqajjem issollevat mir-Renju tal-Isvezja, sa fejn ma huwiex fondat, għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova mill-Kummissjoni tan-nuqqasijiet allegati u tar-riskju finanzjarju għall-FAEG

58

Qabel kollox, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1122/2009 huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li r-riżultati tal-istħarriġ klassiku fuq il-post u dawk tal-istħarriġ permezz ta’ telerilevament kienu jwasslu għall-istess riżultat. Issa, dawn huma żewġ metodi kumplimentari, l-istħarriġ fuq il-post huwa ta’ natura iktar preċiża u jippermetti jiġu rrilevati għadd ta’ żbalji ikbar, filwaqt li t-telerilevament jippermetti li jkun hemm idea ġenerali u stħarriġ ta’żoni ikbar. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-kliem tal-Artikolu 35(1) (b) tar-Regolament Nru 1122/2009, li jipprevedu li l-Istati Membri li jużaw it-telerilevament, peress li ma jippermettix li jagħti lill-awtorità kompetenti riżultati sodisfaċenti f’termini ta’ eżattezza, jagħmlu spezzjonijiet fiżiċi. Il-Kummissjoni ma spjegatx, barra minn hekk, għaliex iż-żewġ metodi ta’ stħarriġ għandhom jagħtu riżultati simili.

59

Sussegwentement, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li d-differenzi bejn ir-rati ta’ żbali kkonstatati skont l-użu ta’ wieħed jew iktar mill-metodi ta’ stħarriġ, minbarra li kienu jvarjaw fl-evalwazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni matul it-trattament tal-każ, ikunu ftit ogħla, jew marġinali, peress li dawn jinsabu f’valur assolut ta’ bejn 0.27 u 0.56 %, u dan iffisser li jinsabu inqas mil-limitu ta’ 2 %, li huwa r-rata ta’ użu f’dawn it-tip ta’ kawżi, skont il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea. Waqt is-seduta, ir-Renju tal-Isvezja tenna dan l-argument billi rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta, skontu, mis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T‑145/15, EU:T:2017:86). Id-differenza kkonstatata hija fi kwalunkwe każ baxxa wisq sabiex tasal għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ stħarriġ sekondarju, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun naqset li turi b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ dubji dwar l-effikaċja tal-imsemmi stħarriġ, kif huwa rikjest skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza.

60

Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li, għalkemm ma hemmx regoli komuni li għandhom il-modalitajiet tal-iżvilupp u tal-aġġornament tal-effikaċja tal-analiżi tar-riskji li għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, hekk li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw huma stess il-fatturi ta’ riskju, huwa kien madankollu segwa l-Linji gwida li jinsabu fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni msejħa “WikiCap”. Huwa kellu jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni għamlet disponibbli ritratti tas-satellita biss bil-kundizzjoni li 25 % tas-superfiċje fotografata tkun użata għall-iskopijiet ta’ stħarriġ, li kien jiġġenera piżijiet fl-Isvezja, fid-dawl tal-proporzjon għoli ta’ superfiċji msaġġra fit-territorju, u dan kien jeħtieġ li l-istħarriġ jiġi kkonċentrat fuq id-dipartimenti li għandhom ħafna artijiet agrikoli. L-awtoritajiet Svediżi jindikaw barra minn hekk li huma għamlu spezzjonijiet parzjali fuq il-post fuq 85 sa 90 % tal-azjendi suġġetti għall-isħarriġ permezz ta’ telerilevament, b’mod li l-użu tat-telerilevament waħdu kien jikkonċerna biss parti żgħira ħafna mill-azjendi mistħarrġa.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Isvezja jqis li huwa osserva l-Linji gwida tal-Kummissjoni fl-għażla taż-żoni ta’ stħarriġ permezz ta’ telerilevament u jsostni li l-istħarriġ tiegħu kien ikkonċentrat fuq iż-żoni fejn id-drittijiet għall-pagament kellhom l-ogħla valuri, fatt li huwa kompletament konformi mal-imsemmija Linji gwida. Barra minn hekk, l-istġarriġ kien jirrigwarda l-bdiewa li t-tip ta’ attività u d-daqs tas-superfiċje maħduma kellhom l-ikbar interess għall-istħarriġ. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Svediżi kienu biddlu ż-żoni mistħarrġa bl-użu ta’ riratti bis-satellita ordnati speċifikament fir-rigward tas-snin ta’ talba 2011 sa 2013 u, f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2013, il-fatturi ta’ riskju kienu wkoll mibdula sabiex ikunu identiċi għal dawk previsti fil-kuntest tal-istħarriġ fuq il-post. Dan jikkontradixxi l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li la kien hemm aġġornament u lanqas evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju matul tliet snin konsekuttivi.

62

Fir-replika, ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-konklużjonijiet tal-laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Mejju 2014 u li, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, huwa ma kienx indika li huwa ma kien għamel ebda evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ permezz ta’ telerilevament.

63

Ir-Repubblika Ċeka tesponi min-naħa tagħha essenzjalment li l-kampjuni ddestinati għall-istħarriġ fuq il-post u dawk għall-istħarriġ b’telerilevament intgħażlu skont metodi differenti, b’mod li l-paragun tal-iżbalji nnutati skont l-użu ta’ wieħed jew l-ieħor mill-metodi ma huwiex rilevanti. Barra minn hekk, sa fejn l-għażla taż-żoni ta’ stħarriġ iddestinati għat-telerilevament għandha ssir fl-aħħar tas-sena ta’ qabel is-sena tat-talba għall-għajnuna u fejn il-Kummissjoni tagħmel disponibbli biss numru limitat ta’ ritratti bis-satellita, l-għażla taż-żoni mistħarrġa tkun ibbażata fuq kriterji ġeografiċi, u mhux fuq analiżi tar-riskji bbażati fuq l-għarfien tal-bdiewa kollha u t-talbiet għal għajnuna tagħhom. Il-bdiewa mistħarrġa permezz ta’ telerilevament għandhom għalhekk riskju globali iktar baxx u r-rata ta’ żbalji misjuba hija wkoll iktar baxxa, b’tali mod li l-marġni ta’ żball marbut ma’ dan it-tip ta’ stħarriġ huwa ikbar.

64

Ir-Repubblika Ċeka żżid li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1122/2009 ma tindika li ż-żewġ tipi ta’ stħarriġ għandhom iwasslu għall-istess rata ta’ żball, lanqas li r-rati ta’ żball differenti jpoġġu f’dubju l-effikaċja tal-istħarriġ.

65

Il-Kummissjoni ssostni bi tweġiba li d-differenza bejn ir-riżultati tal-stħarriġ fuq il-post u tal-istħarriġ permezz ta’ telerilevament bħala tali tikkostitwixxi fiha nnifisha diffikultà. Għalkemm iż-żewġ modi ta’ stħarriġ għandhom jitqiesu bħala ugwalment validi, min-naħa l-oħra, meta huma ma jipproduċux riżultati simili, dan ifisser li l-kwalità tal-istħarriġ jew l-għażla tal-metodu ta’ stħarriġ tista’ tiġi ddubitata.

66

Rigward il-varjazzjoni taċ-ċifri tad-data li hija ppreżentat, il-Kummissjoni tispjega li hija kienet ipprovdiet data bbażata kemm fuq kampjuni aleatorji u fuq kampjuni bbażati fuq l-analiżi tar-riskji. Il-Kummissjoni tikkonċedi, madankollu, li r-rata ta’ żball annwali ta’ 0.99 % dwar l-istħarriġ klassiku fuq il-post għall-2012 hija żbaljata u li r-rata korretta hija ta’ 0.87 %, iżda dan huwa irrilevanti f’dan il-każ.

67

Rigward l-assenza ta’ evalwazzjoni annwali u ta’ aġġornament xieraq tal-analiżi tar-riskji, il-Kummissjoni ssostni li bidla fil-post taż-żoni ta’ stħarriġ għas-sena ta’ talba 2013 ma tipproduċix il-prova tal-eżistenza ta’ evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni li skontha l-awtoritajiet Svediżi kienu ammettew waqt il-laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Mejju 2014 li huma ma kinux għamlu evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju fir-rigward tal-istħarriġ permezz ta’ telerilevament. Skont il-konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa, l-analiżi tar-riskji dwar l-istħarriġ b’telerilevament inbidlet biss mis-sena ta’ talba 2014, u mhux mis-sena ta’ talba 2013. Barra minn hekk, id-data pprovduta mir-Renju tal-Isvezja fir-rikors tippermetti li jiġi kkonstatat li, jekk jiġi preżunt li l-bidla kienet saret għall-2013, din tal-aħħar ma ġabitx titjib, b’tali mod li l-ilment tal-Kummissjoni kien jibqa’ fondat.

68

Il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tal-awtoritajiet Svediżi li d-differenzi rrilevati bejn ir-rati ta’ żball huma marġinali, peress li ssostni, għall-kuntrarju, li dawn id-differenzi kienu konsiderevoli, peress li l-istħarriġ fuq il-post ippermetta li jiġi rrilevat, imqabbel mal-istħarrġ permezz ta’ telerilevament, fl-2011, 1.5 darba iktar ta’ żbalji, fl-2012, iktar minn 2.5 darbiet iktar ta’ żbalji u, fl-2013, kważi 2 darbiet iktar ta’ iżbalji. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 2 % invokat mill-awtoritajiet Svediżi ma huwiex applikabbli fil-kuntest tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013.

69

Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-FAEG jiffinanzja biss interventi mwettqa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. F’dak ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata tiġġustifika d-deċiżjoni li tikkonstata l-assenza jew in-nuqqasijiet ta’ stħarriġ implementat mill-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑157/00, EU:C:2003:5, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata mhux li turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-istħarriġ mwettaq mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tipproduċi prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija kellha fir-rigward ta’ dan l-isatġarriġ jew ta’ dawn iċ-ċifri (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑157/00, EU:C:2003:5, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Dan it-tnaqqis tar-rekwiżiti tal-oneru tal-prova għalll-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova l-iktar iddettaljata u kompluta tal-veraċità tal-istħarriġ tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑157/00, EU:C:2003:5, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Min-naħa tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu stess permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ stħarriġ affidabbli u operattiva ta’ stħarriġ. Jekk huwa ma jirnexxilux juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implimentazzjoni ta’ sistema xierqa u effikaċi ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑157/00, EU:C:2003:5, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

It-Titolu III, intitolat “Kontrolli” tar-Regolament Nru 1122/2009, li fih jinsab l-Artikolu 26, li huwa intitolat “Prinċipji ġenerali”, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li “[i]l-kontrolli amministrattivi u l-verifiki fuq il-post previsti f’dan ir-Regolament għandhom isiru b’tali mod li tiġi żgurata l-verifika effettiva tal-konformità mat-termini li skonthom jingħataw l-għajnuniet u tar-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonali”. L-imsemmi Titolu III jinkludi Kapitolu II, iddedikat għall-istħarriġ fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tat-talbiet għal għajnuna, li t-Taqsima II tiegħu hija ddedikata għall-istħarriġ fuq il-post.

74

L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1122/2009, li jikkonċerna b’mod partikolari l-istħarriġ fuq il-post dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà jipprevedi b’mod partikolari li “[l]-għadd totali ta’ verifiki fuq il-post li jitwettqu kull senagħandu jkopri tal-inqas 5 % tal-bdiewa kollha li qed japplikaw għall-iskema tal-pagament uniku, għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja jew għall-pagamenti relatati mal-erja skont l-appoġġ speċifiku rispettivament”.

75

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1122/2009, li jirrigwarda l-kwistjoni tal-għażla tal-kampjuni ta’ stħarriġ kif ukoll l-evalwazzjoni u l-aġġornament tal-fatturi ta’ riskju, huwa fformulat fit-termini li ġejjin:

“Għażla tal-kampjun tal-kontroll

1.   Il-kampjuni tal-kontroll għall-verifiki fuq il-post skont dan ir-Regolament għandhom jiġu jintgħażlu mill-awtorità kompetenti abbażi ta’ analżi tar-riskju u tal-kwalità rappreżentattiva tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati.

Biex ikun provdut l-element tal-kwalità rappreżentattiva, l-Istati Membri għandhom jagħżlu b’mod każwali bejn 20 % u 25 % tal-għadd minimu ta’ bdiewa li għandhom ikunu soġġetti għall-verifiki fuq il-post kif provdut fl-Artikolu 30(1) u (2).

Madankollu, jekk l-għadd ta’ bdiewa li se jkunu soġġetti għall-verifiki fuq il-post jaqbeż l-għadd minimu ta’ bdiewa li għandhom ikunu soġġetti għall-verifiki fuq il-post kif previst fl-Artikolu 30(1) u (2), il-perċentwal ta’ bdiewa magħżula b’mod każwali fil-kampjun addizzjonali ma għandux jaqbeż il-25 %.

2.   L-effettività tal-analiżi tar-riskju għandha tiġi valutata u aġġornata fuq bażi annwali:

a)

billi tiġi stabbilita r-relevanza ta’ kull fattur ta’ riskju;

b)

billi jitqabblu r-riżultati tal-kampjun ibbażat fuq ir-riskju u dak magħżul b’mod każwali kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1;

ċ)

billi titqies is-sitwazzjoni speċifika fl-Istat Membru.

3.   L-awtorità kompetenti għandha żżomm reġistri tar-raġunijiet għall-għażla ta’ kull bidwi għal verifika fuq il-post. Il-persuna li ser tagħmel il-kontrolli fuq il-post għandha tkun mgħarrfa qabel il-bidu tal-verifika fuq il-post.

4.   Għażla parzjali tal-kampjun ta’ kontroll tista’, fejn xieraq, titwettaq qabel tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni inkwistjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Il-kampjun proviżorju għandu jkun komplut meta jkunu disponibbli l-applikazzjonijiet rilevanti kollha.”

76

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1122/2009, li jirrigwarda t-telerilevament u l-artikolazzjoni tiegħu mal-istħarriġ fuq il-post, huwa fformulat fit-termini li ġejjin:

“Remote sensing

1.   Meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 33, li jwettaq verifiki fuq il-post permezz ta’ remote sensing, huwa għandu:

a)

jinterpreta r-ritratti ta’ immaġini satellitali jew ritratti mill-ajru tal-ħbula agrikoli għal kull applikazzjoni li għandhom ikunu vverifikati bil-għan li jintgħarfu l-pjanti li jkopru l-art u titkejjel l-erja;

b)

jwettaq l-ispezzjonijiet fiżiċi fil-qasam tal-ħbula agrikoli kollha li għalihom l-interpretazzjoni tar-ritratti mhijiex possibbli li ssir verifika tal-eżattezza tad-dikjarazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

2.   Il-verifiki addizzjonali msemmija fl-Artikolu 30(3) għandhom jitwettqu permezz ta’ verifiki tradizzjonali fuq il-post jekk mhuwiex aktar possibbli li dawn isiru permezz ta’ remote sensing matul is-sena kurrenti.”

77

L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-ilment tar-Renju tal-Isvezja dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx li kien kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1122/2009 u li hija bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-metodi ta’ stħarriġ permezz ta’ telerilevament u fuq il-post għandhom iwasslu għall-istess riżultati, għandu jitfakkar li l-istħarriġ li l-Istati Membri huma obbligati li jimplimentaw fil-kuntest tal-iskema ta’ appoġġ għall-bdiewa taħt il-FAEG għandu jseħħ fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterju ta’ effikaċja tal-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna kif ukoll tar-rekwiżiti u tar-regoli applikabbli fir-rigward tal-kundizzjonalità.

78

Għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni u hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament Nru 1122/2009, iż-żewġ modi ta’ stħarriġ jistgħu validament jintużaw mill-Istati Membri, li jsiru spezzjonijiet fuq il-post huwa madankollu obbligatorju fir-rigward ta’ ħbula ta’ art kollha li għalihom it-telerilevament ma jippermettix li jiġi konkluż li d-dikjarazzjoni hija eżatta.

79

Issa, għalkemm ir-Regolament Nru 1122/2009 ma jipprovdix espressament li ż-żewġ modi ta’ stħarriġ għandhom iwasslu għal riżultati simili, kif il-Kummissjoni setgħet issemmihom fil-punt 12.4.1.2 tar-rapport ta’ sinteżi, xorta jibqa’ l-fatt li hemm lok li jitnaqqsu n-nuqqasijiet fl-istħarriġ b’telerilvament billi jsir stħarriġ fuq il-post sabiex tiġi żgurata verifika effikaċja tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna. Għaldaqstant, għalkemm l-użu ta’ wieħed jew l-ieħor mill-forom ta’ stħarriġ juri differenzi sinjifikattivi fl-identifikazzjoni ta’ żbalji, dan jista’ jkun biss sitwazzjoni temporanja li għandha tiġi korretta permezz tal-iżvilupp tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi ta’ riskju, b’tali mod li, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rati ta’ żball għandhom it-tendenza li jkunu simili jew, għall-inqas, li joqorbu. L-argument tar-Renju tal-Isvezja li jgħid li kienet għamlet spezzjonijiet parzjali fuq il-post li jkopru 85 sa 90 % tal-azjendi agrikoli suġġetti għall-ispezzjoni permezz ta’ telerilevament huwa, f’dan ir-rigward, ineffettiv, sa fejn dan huwa mingħajr impatt fuq id-differenzi kkonstatati bejn ir-rati ta’ żball. Il-bżonn ta’ evalwazzjoni u ta’ aġġornament annwali tal-fatturi ta’ riskju huwa barra minn hekk espressament imsemmi fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1122/2009.

80

Hemm lok li jitfakkar li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-raġuni għall-korrezzjoni finanzjarja li saret f’dan il-każ minn din tal-aħħar hija minħabba l-fatt li kienet saret l-analiżi tar-riskju b’għadd limitat ta’ fatturi ta’ riskju, li la ġew evalwati annwalment u lanqas aġġornati kif xieraq sabiex jinkiseb immirar aħjar tar-riskju għall-Fond.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li għad hemm differenza sinjifikattiva bejn ir-rati ta’ żball skont il-metodoloġija ta’ stħarriġ użata bħala prova tad-dubju serju u raġonevoli li l-Kummissjoni setgħet ikollha fir-rigward tal-metodu magħżul mill-awtoritajiet Svediżi sabiex jinkiseb immirar aħjar tar-riskju għall-Fond, fid-dawl tan-numru ta’ fatturi ta’ riskju meqjusa u tal-ħtieġa li jiġu evalwati u aġġornati kull sena.

82

Barra minn hekk, id-dubji tal-Kummissjoni ġew leġittimament imsaħħa mill-pożizzjoni tal-awtoritajiet Svediżi waqt il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Fil-fatt jidher, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa bilaterali li seħħet fl‑20 ta’ Mejju 2014, li, fir-rigward tal-istħarriġ klassiku fuq il-post, l-imsemmija awtoritajiet indikaw li huma wettqu evalwazzjoni annwali tal-fatturi ta’ riskju kkawżati minn dikjarazzjonijiet ogħla u li sussegwentement għamlu adattament tal-analiżi tar-riskji, iżda li, fir-rigward tal-istħarriġ permezz ta’ telerilevament, tali analiżi ma kinitx twettqet. L-uniku fattur ta’ riskju meħud inkunsiderazzjoni hija r-relazzjoni “superfiċje ddikjarata fit-talba/pagament imħallas”.

83

Għalkemm ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tal-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Mejju 2014, madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-posta elettronika tal- 25 ta’ Settembru 2014 illi bagħat bi tweġiba għal dan ir-rapport, l-Uffiċċju tal-Agrikoltura Svediż ma kkontestatax formalment l-assenza ta’ analiżi tar-riskji rigward l-istħarriġ permezz ta’ telerilevament. Min-naħa l-oħra huwa spjega kif kienet għamel evalwazzjoni tad-dannu subit mill-Fond, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-sena ta’ talba 2014 billi uża ċ-ċifri preliminari tal-anomaliji nnutatati fl-2013.

84

It-tieni nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-Renju tal-Isvezja li d-differenzi kkonstatati bejn ir-rati ta’ żball skont il-metodu ta’ stħarriġ magħżul ikun baxx wisq sabiex juri ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1122/2009 u fi kwalunkwe każ, jaqgħu taħt il-limitu ta’ 2 % li l-Qorti tal-Awdituri ddefiniet bħala li jikkostitwixxi proporzjon aċċettabbli ta’ żbalji nnutatati, għandu jiġi rrilevat li r-rati ta’ żbalji kkonstatati li wasslu għall-pożizzjoni finali tad‑19 ta’ Ottubru 2015 li rriżultaw mill-verifika tal-kampjuni magħżula skont evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju u li huma msemmija fil-komunikazzjoni tal‑15 ta’ Jannar 2015, huma stabbiliti, rispettivament għall-istħarriġ fuq il-post u għall-istħarriġ b’telerilevament, fl-2011, għal 0.84 % u 0.57 %, fl-2012, għal 0.99 % u 0.31 % u, fl-2013, għal 0.74 % u 0.39 %. Matul it-tliet snin inkwistjoni, l-istħarriġ fuq il-post għamilha possibbli li jinstab proporzjon ħafna ogħla ta’ żbalji mill-istħarriġ b’telerilevament, jiġifieri żbalji, rispettivament, ta’ 1.5 darba, 3 darbiet u darbtejn iktar ta’ żbalji rispettivament.

85

Kuntrarjament għal dak li jafferma r-Renju tal-Isvezja, din id-differenza ta’ riżultati skont il-metodu użat kien jidher sostanzjali u ma jistax jiġi sostnut li ż-żewġ metodi ta’ stħarriġ iwasslu għal riżultati ekwivalenti. Barra minn hekk, fir-rigward tar-rata ta’ 2 %, magħruf ukoll bħala “livell sinjifikattiv”, li hija ammissibbli skont l-istandards tal-Qorti tal-Awdituri, dan ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “limitu sinjifikattiv”, introdott mill-Qorti tal-Awdituri fl-Opinjoni Nru 2/2004 tagħha, tat‑18 ta’ Marzu 2004, dwar il-mudell ta’ awditjar waħdieni (single audit) (u l-proposta relatata ma’ qafas ta’ stħarriġ intern Komunitarju) (ĠU 2004, C 107, p. 1), kif ukoll il-limitu sinjifikattiv ta’ 2 %, li huwa b’mod partikolari imsemmi fl-Anness 1.1, intitolata “Approċċ u metodoloġija tal-awditjar”, punt 17 tar-Rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (ĠU 2015, C 373, p. 1), jikkonċernaw limitu li minnu l-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam tal-awditjar hija ppjanata, iżda ma jidhirx li huwa rilevanti f’din il-kawża, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet ta’ konformità skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013.

86

Fl-aħħar nett, jekk huwa minnu li r-rati ta’ żball mressqa mill-Kummissjoni setgħu jevolvu matul il-proċedura ta’ approvazzjoni għaliex huma għaddew, pereżempju, fir-rigward tal-istħarriġ permezz ta’ telerilevament ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-riskji għas-sena ta’ talba 2011, minn 0.96 % fil-komunikazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2013 għal 0.84 % fil-komunikazzjoni tal‑15 ta’ Jannar 2015, madankollu dan ma jbiddilx il-konstatazzjoni dwar id-distakk kbir bejn ir-rati skont il-metodu użat, kif imfakkar fil-punt 84 iktar ’il fuq.

87

It-tielet nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-Renju tal-Isvezja li, mis-sena ta’ talba 2013, il-fatturi ta’ riskju relatati mal-istħarriġ b’telerilevament kellhom jiġu adattati, mill-mappa li tinsab fl-anness tar-rikors relatat maż-żoni ta’ stħarriġ b’telerilevament tal-2013 li ż-żoni ta’ stħarriġ b’telerilevament effettivament inbidlu. Il-persistenza tad-differenza bejn ir-rati ta’ żball fl-2013 jippermetti barra minn hekk li jiġi kkonstatat li din il-bidla kellha biss effett limitat ħafna. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 83 u 84 iktar ’il fuq, ma hemm ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li adattament tal-fatturi ta’ riskju ġie validament imwettaq.

88

B’hekk jidher li l-elementi juru stħarriġ mhux suffiċjenti mwettaq mill-awtoritajiet Svediżi, li ħolqu dubji serji lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ sistema adegwata u effikaċi ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ, li ma ġewx ikkontestati mill-argumenti mressqa mill-imsemmija awtoritajiet, mingħajr ma jkun neċessarju li dawn l-argumenti jiġu eżaminati iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑417/12 P, EU:C:2014:2288, punt 73). Fil-fatt, fid-dawl tad-daqs sinjifikattiv taż-żona ġeografika li tibqa’ kkonċernata wara li l-Kummissjoni qablet li tillimita l-korrezzjoni finanzjarja għal tmien dipartimenti (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), kien jidher li l-Kummissjoni setgħet leġittimament ikollha dubji dwar in-natura sistematika tan-nuqqas ikkonstatat, filwaqt li r-Renju tal-Isvezja ma ressaq l-ebda elementi speċifiċi li jistgħu juru li d-differenzi osservati bejn ir-rati ta’ żball skont il-metodi ta’ stħarriġ kienu attribwibbli għal fatturi oħra milli għal nuqqasijiet dovuti għall-għażliet magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ stħarriġ b’telerilevament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1122/2009 kienu nkisru mir-Renju tal-Isvezja, b’tali mod li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, tal-Linji gwida stabbiliti fid-Dokument Nru VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

89

Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % ma hijiex iġġustifikata min-natura u l-firxa tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni u tad-dannu reali li jista’ jiġi kkawżat għall-Fond. Il-fatt li proċedura ta’ stħarriġ tkun tista’ tiġi mtejba ma jikkostitwixxix ksur sinjifikattiv ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni u ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jagħti lok għal korrezzjonijiet finanzjarji għall-allegat falliment ta’ stħarriġ sekondarju. Fi kwalunkwe każ, l-ammont eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni għandu jitnaqqas.

90

Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Isvezja jesponi li l-korrezzjoni b’rata fissa ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li kien ikun possibbli li jiġi stmat id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni bl-użu ta’ sforzi proporzjonati. Mingħajr ma tagħti motivazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrikorri għal korrezzjoni b’rata fissa u ċaħdet ukoll l-istima pprovduta mill-awtoritajiet Svediżi, filwaqt li, abbażi tad-differenzi bejn iż-żewġ metodi ta’ stħarriġ, kien possibbli li jiġi stabbilit l-ammont li għandu eventwalment jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni, f’dan il-każ EUR 1 022 259.46. Dan l-ammont ikun ġie kkalkulat billi jiżdied l-ammont tal-korrezzjonijiet miksub wara l-istħarriġ b’telerilevament – il-korrezzjonijiet b’dan il-metodu huma darbtejn iktar baxxi mill-metodu tal-istħarriġ fuq il-post – u billi jiżdied ma’ dan l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati b’mod retroattiv. Barra minn hekk, huwa biss fil-pożizzjoni finali tad-19 ta’ Ottubru 2015 li l-Kummissjoni kienet infurmat lill-awtoritajiet Svediżi bil-fatt li hija tqis li kien hemm nuqqas ta’ stħarriġ sekondarju, li jagħmilha impossibbli li jkun hemm korrezzjoni għas-snin ta’ talba 2011 sa 2013, li diġà għaddew.

91

Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-korrezzjoni b’rata fissa lanqas ma hija konformi mal-Linji gwida tal-Kummissjoni esposti fid-Dokument Nru VI/5330/97. Il-Kummissjoni kienet infurmat lill-awtoritajiet Svediżi biss f’Diċembru 2013 bl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-effikaċja tal-analiżi tar-riskju, mingħajr ma speċifikament tindika n-nuqqasijiet inkwistjoni lanqas il-miżuri korrettivi, hekk li ma tkunx tista’ tiġi kkritikata bin-nuqqas li jittieħdu passi sabiex titjieb l-applikazzjoni tal-istħarriġ sekondarju.

92

Fir-raba’ lok, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-korrezzjoni finanzjarja tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn l-ammont ta’ din il-korrezzjoni ma jkunx manifestament proporzjonat mad-dannu eventwalment subit mill-Fond.

93

Fir-replika, ir-Renju tal-Isvezja jsostni, bi tweġiba għall-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li jimplika neċessarjament il-modifika ta’ tali deċiżjoni. L-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom, f’dan il-każ l-għażla ta’ użu ta’ korrezzjoni b’rata fissa, huma barra minn hekk separabbli mill-bqija tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod li, fl-ipoteżi ta’ annullament parzjali, is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tinbidel.

94

Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tipprijoritizza kwantifikazzjoni preċiża ta’ ammonti li jirrappreżentaw effettivament dannu finanzjarju għall-Unjoni, u dan kif jirriżulta wkoll mil-Linji gwida previsti fil-Komunikazzjoni C(2006) 2210 AGRI‑2005‑64043 tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Ġunju 2006, dwar it-trattament, mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG, tan-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistemi ta’ stħarriġ tal-kundizzjonalità implimentata mill-Istati Membri (Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1782/2003) (iktar ’il quddiem id-“dokument AGRI‑2005‑64043”). F’dan il-każ, id-dannu finanzjarju kien kwantifikabbli u kienet għall-inqas il-Kummissjoni, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-metodu adottat mir-Renju tal-Isvezja, li kellha tistieden lil dan tal-aħħar jagħmel kalkolu billi juża metodu ta’ kalkolu li hija tqis xieraq. Din l-irregolarità tikkostitwixxi fiha nnifisha raġuni ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn mitlub mir-Renju tal-Isvezja.

95

Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li, sa fejn ir-rikors huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex setgħa li tbiddel l-imsemmija deċiżjoni. Fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, tkun il-Kummissjoni li għandha, konformement mal-Artikolu 264 TFUE, tieħu l-miżuri sabiex ikun hemm l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, il-kap tat-talbiet sussidjarju tar-Renju tal-Isvezja, kif sostnut mill-argumentazzjoni żviluppata fil-kuntest tat-tielet motiv, ma jistax jiġi eżaminat fil-mertu mill-Qorti Ġenerali.

96

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tesponi wkoll li, sa fejn issa fir-replika titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar tipprevedi korrezzjoni b’rata fissa, ir-Renju tal-Isvezja qed jipprova jbiddel ir-rikors tiegħu, u dan ma huwiex permess minn ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, it-tielet motiv, sa fejn dan jirrigwarda t-talba sussidjarja, ikun huwa stess inammissibbli għall-evalwazzjoni tat-talba prinċipali.

97

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li l-persistenza tan-nuqqasijiet ikkonstatati matul l-2011 sal-2013 timplika li ma huwiex possibbli li jitqies li l-analiżi tar-riskji kienet verament twettqet, hekk li l-ebda stħarriġ sekondarju ma kien sseħħ u li kien jeżisti għalhekk riskju għall-Fond. Il-Linji gwida tal-Kummissjoni esposti fid-dokument Nru VI/5330/97 jippermettu l-użu ta’ korrezzjoni b’rata fissa fejn Stat Membru jkun naqas milli jivverifika b’mod xieraq l-eliġibbiltà ta’ ċerti talbiet li ġew sodisfatti. Analiżi tar-riskji tikkostitwixxi stħarriġ sekondarju, fosthom l-assenza ta’ effikaċja li tiġġustifika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %.

98

Id-differenzi bejn ir-rati ta’ żball ikkonstatati skont it-tip ta’ stħarriġ ma jkunux jikkostitwixxu fihom innifishom il-motiv għall-korrezzjoni b’rata fissa, iżda juru għall-kuntrarju li l-analiżi tar-riskji ma tistax titqies bħala li kienet twettqet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kalkolu tar-riskju għall-Fond issuġġerit mill-awtoritajiet Svediżi, ibbażat fuq din id-differenza, huwa insuffiċjenti. Barra minn hekk, ikun ineżatt li jiġi affermat li kien ġie approvat permezz tal-kontijiet tal-Kummissjoni.

99

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni tqis li ġie osservat sa fejn il-korrezzjoni kienet limitata għas-sena ta’ talba 2013 u għat-tmien dipartimenti Svediżi li fihom l-istħarriġ kien twettaq permezz ta’ telerilevament u mhux fuq il-post, mill-2011 sal-2013.

100

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet motiv, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-kliem tar-rikors, li huwa, essenzjalment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013. Issa, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa invokat mir-Renju tal-Isvezja biss insostenn tat-tieni kap tat-talbiet, ifformulat sussidjarjament u intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, u mhux ukoll insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, sa fejn dan tal-aħħar huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni tkun wettqet illegalità, b’mod partikolari billi ddeċidiet b’mod żbaljat li tintuża korrezzjoni b’rata fissa.

101

Fil-fatt, l-eżami tal-kliem tal-punt 11 tar-rikors jippermetti li jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-Renju tal-Isvezja jqis, prinċipalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn il-Kummissjoni, fi tmiem proċedura irregolari ta’ approvazzjoni tal-kontijiet, b’mod żbaljat qieset li l-analiżi tar-riskji mill-awtoritajiet Svediżi ma kinitx saret korrettament, fatt li huwa tali li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha u, konsegwentement, teskludi l-prinċipju stess ta’ korrezzjoni finanzjarja, iqis ukoll li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-awtoritajiet Svediżi kienu s-sors ta’ ċerti nuqqasijiet, li fil-prinċipju jiġġustifika korrezzjoni finanzjarja, il-metodu ta’ evalwazzjoni ta’ din il-korrezzjoni huwa fi kwalunkwe każ żbaljat.

102

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-tielet motiv sa fejn ikun insostenn tat-tieni kap tat-talbiet, li jtendi sabiex il-Qorti Ġenerali, anki billi jiġi deċiż minn qabel annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, tirriforma l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jipprekludi li l-imsemmi motiv jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli u meħud inkunsiderazzjoni sa fejn ikun insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, li jtendi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni u kif dan jirriżulta mill-eżami tal-punt 11 tar-rikors li sar fil-punt 101 iktar ’il fuq, ma jidhirx li, fuq dan il-punt, ir-Renju tal-Isvezja kien biddel it-talbiet tiegħu fl-istadju tar-replika.

103

Kif isostni r-Renju tal-Isvezja, il-ġurisprudenza tippermetti l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni mogħtija dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet, sa fejn tali annullament jikkonċerna l-motivi u d-dispożittiv ta’ deċiżjoni li jinvolvi l-użu ta’ korrezzjoni b’rata fissa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑5/03, EU:C:2005:426, punti 54 u 55). Tali annullament huwa mingħajr effett fuq il-legalità tal-motivi żejda tad-deċiżjoni inkwistjoni, peress li l-imsemmija motivi jistgħu b’mod partikolari jirrelataw mal-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet fl-istħarriġ li għandu jagħmel l-Istat Membru kkonċernat.

104

Fir-rigward tal-konsegwenzi li jinġibdu minn annullament eventwali, għandu jitfakkar ukoll li għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tissostitwihom fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità li teżerċita, madankollu hija r-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata, skont l-Artikolu 266 TFUE, li tieħu l-miżuri sabiex ikun hemm l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Omnis Group vs Il-Kummissjoni, T‑74/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:283, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Għaldaqstant, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tali annullament huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni ta’ użu żbaljat ta’ korrezzjoni b’rata fissa, il-Kummissjoni għandha tislet il-konsegwenzi minnha.

106

Fit-tieni lok, sa fejn jikkonċerna l-eżami fil-mertu tat-tielet motiv, għandu jiġi nnutat li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, ladarba dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji relatati ma’ dak il-ksur (sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑153/01, EU:C:2004:589, punt 67, u tas‑7 ta’ Lulju 2005, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, C‑5/03, Ġabra, EU:C:2005:426, punt 38).

107

L-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, dwar l-approvazzjoni tal-konformità, huwa fformulat kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tqis kif xieraq in-natura tal-ksur u tal-ħsara finanzjarja kkawżata lill-Unjoni. Hija għandha tibbaża l-esklużjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqin bla bżonn u, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom jiġu applikati biss meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni.”

108

Konsegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti li ntefqu bla bżonn u li, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, hija tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Minn dan jirriżulta li l-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni bbażat fuq evalwazzjoni individwali tal-effett finanzjarju ta’ diversi nuqqasijiet, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, huwa bħala prinċipju ammissibbli, meta tali evalwazzjoni individwali ma tkunx timplika sforzi sproporzjonati (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2017:86, punt 61).

109

Id-dokument Nru VI/5330/97, fl-anness 2 tiegħu, għandu definizzjoni tal-istħarriġ sekondarju bħala “l-operazzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu pproċessati korrettament it-talbiet, bħalma huma l-verifika ta’ jekk ġewx osservati t-termini għas-sottomissjoni tagħhom, l-identifikazzjoni ta’ talbiet simili fir-rigward ta’ l-istess suġġett, l-analiżi tar-riskju, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet u s-sorveljanza adegwata tal-proċeduri”.

110

Id-Dokument Nru VI/5330/97 jippreċiża, fl-anness 2 tiegħu, il-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqasijiet fl-istħarriġ mwettaq mill-Istati Membri. Meta l-informazzjoni pprovduta mill-investigazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat, minn estrapolazzjoni tat-telf iddeterminat permezz ta’ mezzi statistiċi jew b’riferiment għal data verifikabbli oħra, it-telf subit mill-Unjoni b’riżultat ta’ nuqqas ta’ stħarriġ, korrezzjoni finanzjarja kkalkolata fuq rata fissa, skont id-daqs tar-riskju ta’ telf għall-Fond, tista’ tiġi kkunsidrata (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑675/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:123, punt 41).

111

Dwar id-dokument AGRI-2005-64043, huwa jadatta għall-kundizzjonalità tal-Linji gwida tad-dokument VI/5330/97. Huwa jipprevedi tliet metodi, li jistgħu jintużaw sabiex jiddeterminaw il-korrezzjonijiet finanzjarji xierqa: l-ewwel nett, iċ-ċaħda tat-talbiet individwali li ma kinux suġġetti għall-istħarriġ rikjest; it-tieni nett, l-evalwazzjoni tar-riskju għall-Fond billi jiġu estrapolati r-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq kampjun rappreżentattiv u, it-tielet nett, l-adozzjoni ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑502/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:730, punt 59). Il-kliem tad-dokument AGRI-2005-64043 juri li hemm ordni ta’ prijorità bejn dawn it-tliet għażliet, billi l-evalwazzjoni f’rata fissa tar-riskju għandha titqies bħala l-metodu tal-aħħar għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑675/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:123, punt 42). Din il-ġerarkija ta’ metodi għad-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni hija barra minn hekk espressament imsemmija fl-Artikolu 12(2), (3) u (6) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18) li daħal fis-seħħ f’Settembru 2014.

112

Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li, skont il-Linji gwida tagħha stess, il-Kummissjoni ma setgħetx f’dan il-każ tuża l-metodu b’rata fissa ħlief jekk kien hemm lok li twarrab l-użu ta’ metodi oħra, speċjalment il-kalkolu b’estrapolazzjoni. Kif ir-Renju tal-Isvezja ġustament isostni, il-metodu ta’ kalkolu b’rata fissa għandu fil-fatt natura residwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru1306/2013, anki jekk, fil-prattika, il-Kummissjoni użatu spiss.

113

Mill-konstatazzjonijiet mwettqa waqt l-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni mir-Renju tal-Isvezja tal-miżuri ta’ evalwazzjoni u ta’ aġġornament tal-fatturi ta’ riskju baqgħu mill-2011 sal-2013 u li, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dokument Nru VI/5330/97, sa fejn dan huwa nuqqas ripetut tal-operazzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex it-talbiet jiġu ttrattati korrettament, li jirrigwardaw l-analiżi tar-riskji, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, setgħet validament tikklassifikahom bħala nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ stħarriġ sekondarju. Fil-fatt dan huwa nuqqas ta’ stħarriġ sekondarju li huwa impost mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, u mhux mis-sempliċi konstatazzjoni tan-natura li tista’ tiġi pperfezzjonata ta’ proċedura ta’ stħarriġ li tista’ tirriżulta li ma tagħtix lok għal korrezzjoni finanzjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-Renju tal-Isvezja minħabba li ma kienx hemm, f’dan il-każ, ksur sinjifikattiv ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li tista’ twassal għal korrezzjonijiet finanzjarji ma jidhirx li huwa fondat.

114

Madankollu, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ stħarriġ sekondarju, sa fejn dan kien nuqqas totali ta’ stħarriġ, kienet biżżejjed fiha nnifisha sabiex teskludi fil-prinċipju l-użu ta’ korrezzjoni bbażata fuq l-istima b’estrapolazzjoni tad-dannu finanzjarju subit mill-Unjoni u jeskludu l-elementi pprovduti mir-Renju tal-Isvezja sabiex titwettaq kwantifikazzjoni b’ċifri tal-imsemmi dannu.

115

Għalkemm, f’ċerti każijiet, seta’ jiġi deċiż li l-metodi ta’ estrapolazzjoni bbażati fuq l-irregolaritajiet ikkonstatati matul sena ta’ wara ma jistgħux jikkostitwixxu bażi żgura għall-kalkolu, b’mod partikolari jekk irregolaritajiet ma humiex irripetuti s-snin ta’ wara jew fil-każ ta’ varjazzjonijiet sinjifikattivi tar-riżultati tal-istħarriġ ta’ sena fuq l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2002, Franza vs Il-Kumisssjoni, C‑118/99, EU:C:2002:39, punti 44 u 45, u tat-3 ta’ Marzu 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑675/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:123, punt 46 sa 48), jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi sottomessi waqt il-proċedura ta’ approvazzjoni mir-Renju tal-Isvezja u għall-kalkolu b’estrapolazzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament ma kinitx ibbażata fuq in-nuqqas eventwali tagħhom ta’ affidabbiltà, iżda fuq il-fatt li kienu kkunsidrati irrilevanti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni li toriġina fil-konstatazzjoni tan-nuqqas totali ta’ stħarriġ sekondarju.

116

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Svediżi kienu effettivament ipprovdew lill-Kummissjoni b’elementi li jippermettu l-kalkolu b’estrapolazzjoni tal-ammonti mħallsin indebitament. Fl-ittra mibgħuta fil‑25 ta’ Settembru 2014 mill-Uffiċċju Svediż għall-Agrikoltura lill-Kummissjoni bħala tweġiba għall-konklużjonijiet tal-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑20 ta’ Mejju 2014 hemm stima tad-dannu sostnut mill-Fond. F’dan l-istadju, l-awtoritajiet Svediżi, peress li injoraw li l-korrezzjoni ma tirrigwardax ħlief is-sena ta’ talba 2013, taw stima li tikkonċerna s-snin ta’ talba 2011 sa 2013, billi użaw iċ-ċifri preliminari tal-iżbalji nnutati fl-2013.

117

Il-metodu ta’ estrapolazzjoni użat mill-awtoritajiet Svediżi jikkonsisti, essenzjalment, f’li tiżdied ir-rata ta’ korrezzjoni li tirriżulta minn stħarriġ b’telerilevament sabiex issir korrezzjoni tal-ammont tal-korrezzjoni diġà mwettqa għas-sena kkunsidrata.

118

Issa, billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi pprovduti mill-awtoritajiet Svediżi u intiżi għall-kalkolu b’estrapolazzjoni ta’ ammonti mħallsa indebitament, mingħajr ma ġie evalwat la l-grad ta’ affidabbiltà tagħhom jew jekk kienx hemm sforzi proporzjonati li kienu jippermettu li jiġu użati, għar-raġuni li dawn kienu fi kwalunkwe każ mhux rilevanti, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat in-natura sussidjarja tal-użu tal-metodu b’rata fissa, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

119

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-Renju tal-Isvezja, b’mod partikolari l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet motiv għandu jiġi ddikjarat fondat u għandu jintlaqa’ l-ewwel kap tat-talbiet. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, użat il-metodu b’rata fissa fil-konfront tar-Renju tal-Isvezja sabiex teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somma ta’ EUR 8 811 286.44 għas-sena tat-talba 2013, jiġifieri 2 % tal-ammont tal-għajnuna diretta ddiżakkoppjata mħallsa lir-Renju tal-Isvezja għall-imsemmija sena ta’ talba.

120

Hemm lok li jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tislet il-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni matul il-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja li jekk ikun il-każ ser tasal li tiddetermina fid-dawl tan-nuqqas ta’ konformità li hija kkonstatat.

Fuq l-ispejjeż

121

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

122

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

123

Peress li l-Kummissjoni tilfet u r-Renju tal-Isvezja għamel talba f’dan is-sens, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Renju tal-Isvezja.

124

Ir-Repubblika Ċeka, Stat Membru intervenjent fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/417 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) hija annullata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna diretta diżakkoppjata mħallsa lir-Renju tal-Isvezja għal ammont totali ta’ EUR 8 811 286.44 għas-sena ta’ talba 2013.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju tal-Isvezja.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Prek

Schalin

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Settembru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.