Kawżi T‑131/16 u T‑263/16

Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-14 ta’ Frar 2019

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni fiskali bil-quddiem (tax ruling) – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Awtonomija fiskali tal-Istati Membri – Kunċett ta’ skema ta’ għajnuna – Miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni”

  1. Stati Membri – Kompetenzi rriżervati – Tassazzjoni diretta – Obbligu li din il-kompetenza tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni

    (Artikolu 107 TFUE)

    (ara l-punt 62)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Intervent mill-Istat f’oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Tassazzjoni diretta – Inklużjoni – Identifikazzjoni tal-bażi taxxabbli u tqassim tal-oneru fiskali – Kompetenzi tal-Istati Membri

    (Artikolu 107 TFUE)

    (ara l-punti 63 u 64)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħmel diskriminazzjoni bejn kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli – Inklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punt 65)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ trattament fiskali vantaġġuż lil ċerti impriżi – Inklużjoni – Vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha – Esklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punt 66)

  5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Eżenzjoni fiskali intiża li tiġi evitata taxxa doppja – Miżura li taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri – Kundizzjonijiet – Prova tal-eżistenza ta’ taxxa doppja

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 71 u 72)

  6. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha – Ammissibbiltà – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza fil-fatt ta’ skema ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ sett sħiħ ta’ ċirkustanzi

    (Artikoli 107(1) u 108(1) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, Artikolu 1(d))

    (ara l-punti 78 u 79)

  7. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Skema ta’ għajnuna – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Dispożizzjoni legali li teżenta l-profitti eċċessivi ta’ kumpanniji residenti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan grupp – Assenza ta’ miżuri nazzjonali supplimentari ta’ implimentazzjoni – Esklużjoni – Kundizzjonijiet – Prova tad-definizzjoni tal-elementi essenzjali tal-iskema fl-atti identifikati bħala l-bażi tal-iskema

    (Artikoli 107(1) u 108(1) u (3)TFUE; Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, Artikolu 1(d))

    (ara l-punti 86, u 90 sa 98)

  8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Skema ta’ għajnuna – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Dispożizzjoni legali li teżenta l-profitti eċċessivi ta’ kumpanniji residenti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan grupp – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali fir-rigward tal-ammont, tal-elementi essenzjali u tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna individwali – Esklużjoni

    (Artikoli 107(1) u 108(1) u (3)TFUE ; Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, Artikolu 1(d))

    (ara l-punti 87, u 99 sa 113)

  9. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Skema ta’ għajnuna – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Dispożizzjoni legali li teżenta l-profitti eċċessivi ta’ kumpanniji residenti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan grupp – Definizzjoni ġenerali u astratta tal-benefiċjarji – Assenza – Esklużjoni

    (Artikoli 107(1) u 108(1) u (3)TFUE ; Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, Artikolu 1(d))

    (ara l-punti 88, u 114 sa 120)

  10. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Skema ta’ għajnuna – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Dispożizzjoni legali li teżenta l-profitti eċċessivi ta’ kumpanniji residenti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan grupp – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza fil-fatt ta’ skema ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ sett sħiħ ta’ ċirkustanzi – Kundizzjonijiet – Prova tal-eżistenza ta’ approċċ sistematiku – Assenza – Esklużjoni

    (Artikoli 107(1) u 108(1) u (3)TFUE ; Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, Artikolu 1(d))

    (ara l-punti 122 sa 134)

Sunt

Fis-sentenza Il-Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16), mogħtija fl-14 ta’ Frar 2019, il-Qorti Ġenerali annullat, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699, tal-11 ta’ Jannar 2016, li tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ta’ entitajiet Belġjani ta’ gruppi ta’ impriżi multinazzjonali applikata mill-Belġju sa mill-2004, u li tordna għalhekk l-irkurpu tagħha ( 1 ).

Skont l-Artikolu 185(2)(b) tal-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992, iktar ’il quddiem iċ-“CIR 92”), ibbażat fuq il-prinċipju ta’ distakkament stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OCDE) fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital, il-bażi taxxabbli tal-kumpanniji li jagħmlu parti minn gruppi multinazzjonali ta’ kumpanniji li huma suġġetti għat-taxxa fil-Belġju tkun tista’ tiġi aġġustata, pożittivament jew negattivament, każ b’każ, fuq il-bażi tal-elementi disponibbli pprovduti mill-persuna taxxabbli, permezz ta’ aġġustamenti fir-rigward tal-profitti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan il-grupp, meta l-prezzijiet tat-trasferiment applikati ma jirriflettux il-mekkaniżmi tas-suq u l-prinċipju ta’ distakkament. L-aġġustament pożittiv jippermetti żieda fil-profitti tal-kumpannija residenti li tagħmel parti minn grupp multinazzjonali sabiex jiġu inklużi l-profitti li l-kumpannija residenti kienet tiġġenera li kieku tranżazzjoni partikolari twettqet f’kuntest ta’ distakkament. L-aġġustament korrelattiv negattiv huwa intiż li tiġi evitata jew imwaqqfa taxxa doppja. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jiġu approvati mill-awtoritajiet fiskali Belġjani permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem (tax ruling).

Il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq l-allegat indħil mill-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. F’dan ir-rigward, hija tqis li, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom xorta waħda jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Issa, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li jqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Peress li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza tiżgura l-osservanza tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, hija ma tistax tiġi kkritikata li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, f’dan il-każ, li kien hemm skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Skont din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit” ( 2 ). Skont il-Qorti Ġenerali, din id-definizzjoni timplika, l-ewwel nett, li, sa fejn l-għajnuna individwali tingħata mingħajr l-intervent ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni, l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandhom jirriżultaw neċessarjament mid-dispożizzjonijiet identifikati bħala l-bażi tal-imsemmija skema. Din id-definizzjoni timplika, it-tieni nett, li l-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw l-imsemmija skema ma għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha u s-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun limitata għal applikazzjoni teknika tad-dispożizzjonijiet meqjusa bħala li jikkostitwixxu l-iskema inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara li jiġi vverifikat li l-applikanti jissodisfaw il-kundizzjonijiet preliminari sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema. It-tielet nett, l-atti li fuqhom tkun ibbażata l-iskema ta’ għajnuna għandhom jiddefinixxu l-benefiċjarji b’mod ġenerali u astratt, anki jekk l-għajnuna mogħtija lilhom tibqa’ indeterminata.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, l-ewwel nett, li għalkemm huwa minnu li ċerti elementi essenzjali tal-iskema meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2016/1699 jistgħu joħorġu mill-atti identifikati mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni, dan iżda ma huwiex il-każ għal dawn l-elementi essenzjali kollha, fosthom il-metodu għall-kalkolu tal-profitti eċċessivi f’żewġ stadji, li jinkludu l-metodu tranżazzjonali ta’ marġni nett (MTMN), u r-rekwiżit ta’ investimenti, tal-ħolqien ta’ impjiegi, taċ-ċentralizzazzjoni jew taż-żieda tal-attivitajiet fil-Belġju. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ dawn l-atti u, għalhekk, l-għoti tal-allegata għajnuna jiddependu neċessarjament mill-adozzjoni ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tqis li l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhom, fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-elementi essenzjali kollha tas-sistema ta’ eżenzjoni kontenzjuża, li kienet tippermettilhom jinfluwenzaw il-karatteristiċi, l-ammont u l-kundizzjonijiet li fihom kienet tingħata l-eżenzjoni, punt dan li jeskludi wkoll l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. Hija tikkonstata f’dan ir-rigward li, meta adottaw deċiżjoni ta’ aġġustament negattiv, l-imsemmija awtoritajiet ma wettqux applikazzjoni teknika tal-qafas regolamentari applikabbli iżda, għall-kuntrarju, wettqu, “każ b’każ”, evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva ta’ kull applikazzjoni, fuq il-bażi tar-rapporti u tal-provi ppreżentati mill-entità kkonċernata, sabiex jiddeċiedu jekk kienx iġġustifikat li jingħata l-imsemmi aġġustament. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-benefiċjarji tal-allegata skema ta’ għajnuna, li, bis-saħħa tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, tipprevedi li tapplika għall-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom, ma humiex iddefiniti b’mod ġenerali u astratt permezz tal-atti li fuqhom hija bbażata l-iskema ta’ għajnuna identifikati mill-Kummissjoni, b’tali mod li għandhom neċessarjament jiġu ddefiniti permezz ta’ miżuri supplimentari ta’ implimentazzjoni. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-approċċ sistematiku adottat mill-awtoritajiet fiskali Belġjani u identifikat minnha kien jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (notifikata bid-dokument numru C(2015) 9837) (ĠU 2016, L 260, p. 61).

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).