SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
16 ta’ Mejju 2017 ( 1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea AIR HOLE FACE MASKS YOU IDIOT — Mala fide — Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Setgħa ta’ bidla”
Fil-Kawża T-107/16,
Airhole Facemasks, Inc., stabbilita f’Vancouver (il-Kanada), irrappreżentata minn S. Barker, solicitor, u A. Michaels, barrister,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentata minn D. Hanf, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet
sindustrysurf, SL, stabbilita fi Trapagaran (Spanja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-18 ta’ Jannar 2016 (Każ R 2547/2014-4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Airhole Facemasks u sindustrysurf,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Prek, President, F. Schalin u J. Costeira (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2016,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ġunju 2016,
wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Fl-1 ta’ Lulju 2010, sindustrysurf, SL ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 78, p. 1). |
|
2 |
It-trade mark li għaliha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti, bl-iswed u abjad: |
|
3 |
Il-prodotti li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 25 u 28 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
|
|
4 |
It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ Ottubru 2010 bin-numru 9215427 għall-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq. |
|
5 |
Fis-26 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti, Airhole Facemasks, Inc., ippreżentat, quddiem l-EUIPO, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark għall-prodotti kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Ir-raġunijiet għal invalidità invokati insostenn ta’ din it-talba kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(3) u mal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament. |
|
6 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ddikjarat, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata minn sindustrysurf taħt isimha stess, mingħajr il-kunsens tagħha, peress li dan kien ingħata biss għall-preżentata taħt l-isem tar-rikorrenti. Barra minn hekk, sindustrysurf, bħala aġent jew rappreżentant tar-rikorrenti, kellha obbligu ġenerali ta’ lealtà fil-konfront tagħha u l-interessi kummerċjali tagħha u ma setgħet, għalhekk, tiġġustifika bl-ebda mod ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata taħt isimha stess. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata taħt isimha stess, sindustrysurf aġixxiet in mala fide. |
|
7 |
B’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat li t-trade mark ikkontestata kienet kompletament invalida u kkundannat lil sindustrysurf għall-ispejjeż. B’mod partikolari, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonkludiet li fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata taħt isimha stess, sindustrysurf aġixxiet in mala fide. |
|
8 |
Fid-29 ta’ Settembru 2014, sindustrysurf appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni quddiem l-EUIPO. |
|
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinux ġew issodisfatti, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma setgħetx tintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, fil-fehma tiegħu, ma kienet teżisti l-ebda prova tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ “aġent/mandant” bejn il-partijiet, peress li r-rikorrenti naqset milli tispjega kif il-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż fl-2009, qabel it-twaqqif tagħha, bejn Endeavor Snowboards Inc. u sindustrysurf (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ distribuzzjoni”) seta’ juri l-eżistenza ta’ tali relazzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim ma kien jinkludi l-ebda riferiment għat-trade mark ikkontestata. Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn li juri li r-rikorrenti ma kinitx tat il-kunsens tagħha għall-preżentata tat-trade mark ikkontestata. Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li lanqas ma setgħet tintlaqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ibbażata fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li xejn fl-aġir ta’ sindustrysurf, fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, ma jissuġġerixxi li din kienet aġixxiet b’mala fide. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet ippreżentata bil-kunsens tar-rikorrenti. Fit-tieni nett, il-fatt li sindustrysurf kienet taf, fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, li din kienet diġà qed tintuża mir-rikorrenti u minn distributuri oħra ma kienx biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide tagħha. Fit-tielet nett, ma hemm xejn li juri li sindustrysurf kienet ippreżentat it-trade mark ikkontestata taħt isimha bl-intenzjoni li tużaha kontra r-rikorrenti. |
It-talbiet tal-partijiet
|
10 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
11 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
12 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ riferiment għas-“sinjal Airhole” fil-ftehim ta’ distribuzzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball tal-Bord tal-Appell dwar in-natura tar-relazzjoni li teżisti bejn il-partijiet. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball tal-Bord tal-Appell dwar il-portata tal-kunsens tar-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
13 |
Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ħames motivi ppreżentati mir-rikorrenti jinġabru flimkien f’żewġ motivi, peress li l-ewwel erba’ motivi invokati kollha jirrigwardaw il-ksur tal-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(3)(b) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, l-ewwel motiv ser ikun ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni motiv ser ikun ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
14 |
Barra minn hekk, kull waħda mir-raġunijiet għal invalidità kkunsidrati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u invokati mir-rikorrenti fir-rikors tagħha huma biżżejjed sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark ikkontestata. F’dan il-kuntest, qabel kollox ser jiġi eżaminat it-tieni motiv, dwar il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, jekk ikun il-każ, jiġi eżaminat l-ewwel motiv, dwar il-ksur tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009
|
15 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, ikkunsidra fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sempliċi fatt li sindustrysurf kienet taf li t-trade mark ikkontestata kienet diġà tintuża mir-rikorrenti u minn distributuri oħra fl-Unjoni Ewropea ma kienx biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-mala fide tagħha. Barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, xejn ma kien juri li sindustrysurf kellha l-intenzjoni tuża t-trade mark ikkontestata kontra r-rikorrenti. Madankollu, sindustrysurf aġixxiet bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha meta applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Minn dan jista’ jiġi dedott li kellha l-intenzjoni tikseb b’mod indebitu l-beni tar-rikorrenti. Għalhekk, l-aġir tagħha kiser l-istandards ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam ta’ mġiba kummerċjali u jmur kontra l-prinċipji rikonoxxuti fil-qasam ta’ mġiba etika jew prattiki kummerċjali onesti. L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippreżentata, għalhekk, in mala fide. |
|
16 |
L-EUIPO isostni, essenzjalment, li, jekk il-Qorti Ġenerali, bħall-Bord tal-Appell, tikkunsidra li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata minn sindustrysurf taħt isimha, bil-kunsens tar-rikorrenti, kull riskju ta’ mala fide jkun eskluż. Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament, ibbażat fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi miċħud. Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata minn sindustrysurf taħt isimha, mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata jkollha tiġi annullata. |
|
17 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li s-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipju, stabbilit mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li dritt esklużiv huwa mogħti lill-ewwel applikant. Skont dan il-prinċipju, trade mark ma tistax tkun irreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea sa fejn trade mark preċedenti tkun tostakolah, kemm jekk tkun, b’mod partikolari, trade mark tal-Unjoni Ewropea, trade mark irreġistrata fi Stat Membru jew mill-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali, trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru jew anki trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, bla ħsara għal applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, is-sempliċi fatt tal-użu minn terz ta’ trade mark mhux irreġistrata ma jipprekludix lil trade mark identika jew li tixxiebah milli tkun irreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Gugler France vs UASI – Gugler (GUGLER), T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
18 |
L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija kkwalifikata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata invalida, fuq talba ppreżentata quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, meta l-applikant ikun aġixxa b’mala fide fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Hija l-persuna li tressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq din ir-raġuni li għandha tipprova ċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi konkluż li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea aġixxa b’mala fide fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
19 |
Il-kunċett ta’ “mala fide” imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwa la definit, la delimitat u lanqas ma huwa deskritt bl-ebda mod fil-leġiżlazzjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
20 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C-529/07, EU:C:2009:361, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet diversi preċiżjonijiet fuq il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ mala fide, imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-każ ineżami u eżistenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-ewwel nett, il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott jew servizz identiku jew li jixxiebah li jista’ jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-tieni nett, l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal, kif ukoll, it-tielet nett, il-livell ta’ protezzjoni ġuridika li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punti 73 u 74). |
|
21 |
Madankollu, mill-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C-529/07, EU:C:2009:361, punt 53) jirriżulta li l-fatturi elenkati hawn huma mogħtija biss bħala eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-eventwali mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Għalhekk għandu jitqies li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu, il-loġika kummerċjali li ntużat għall-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kronoloġija tal-avvenimenti li wasslu għall-imsemmija preżentata (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell, bi żball, ikkunsidrax fid-deċiżjoni kkontestata, li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ibbażata fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma setgħetx tintlaqa’ peress li xejn fl-aġir ta’ sindustrysurf, fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, ma jissuġġerixxi li din kienet aġixxiet b’mala fide. Iktar preċiżament, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet ippreżentata minn sindustrysurf taħt isimha, bil-kunsens tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-korrispondenza skambjata bejn il-partijiet qabel u wara l-preżentata tat-trade mark tikkonferma li, fil-mument tal-preżentata, ir-rikorrenti kkunsidrat lil sindustrysurf bħala responsabbli għall-protezzjoni tat-trade mark ikkontestata. It-tieni nett, il-fatt li sindustrysurf kienet taf, fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, li din kienet diġà qed tintuża mir-rikorrenti u minn distributuri oħra ma kienx biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide tagħha. It-tielet nett, ma hemm xejn li juri li sindustrysurf kienet ippreżentat l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata taħt isimha bl-intenzjoni li tużaha kontra r-rikorrenti. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit, bejn il-partijiet fil-proċedura quddiem l-EUIPO, li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata minn sindustrysurf, fuq talba tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, il-partijiet ma jaqblux fuq il-fatt, imsemmi fil-korrispondenza tat-22 ta’ Ġunju 2010 bejn Max Jenke, President ta’ Endeavor Design Inc., President u Kap Eżekuttiv tar-rikorrenti u Direttur ta’ Endeavor Snowboards, u Iker Gomez, Direttur ta’ sindustrysurf, jekk din l-applikazzjoni kinitx tinkludi r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark taħt l-isem ta’ sindustrysurf u mhux taħt dak tar-rikorrenti. |
|
25 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak iddikjarat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fil-korrispondenza li saret qabel il-preżentata tat-trade mark ikkontestata li jagħti x’jifhem li r-rikorrenti kienet tat kunsens, b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonat, li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata taħt l-isem ta’ sindustrysurf [ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Adamowski vs UASI – Fagumit (FAGUMIT), T-537/10 u T-538/10, EU:T:2012:634, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
|
26 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-korrispondenza ta’ qabel il-preżentata turi biss li l-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata ġiet ippreżentata fuq talba tar-rikorrenti. Din ma ssemmi l-ebda kunsens tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata taħt l-isem ta’ sindustrysurf. Barra minn hekk, mis-sentenza “nipproċedu b’Airhole għal issa” ma jistax jiġi dedott kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonat tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni tagħha taħt l-isem ta’ sindustrysurf. |
|
27 |
Barra minn hekk, din il-korrispondenza tkompli turi l-intenzjoni tar-rikorrenti li tippreżenta t-trade mark ikkontestata taħt isimha. Fil-fatt, din turi, minn naħa, li l-inizjattiva u d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni ttieħdu mir-rikorrenti biss u, min-naħa l-oħra, li din kellha l-intenzjoni tbati l-ispejjeż. |
|
28 |
Fit-tieni lok, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, il-korrispondenza li saret wara l-preżentata sempliċement tikkonferma l-evalwazzjoni li l-kunsens mogħti mir-rikorrenti kien limitat biss għall-preżentata tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, minn meta din saret taf dwar ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark, ir-rikorrenti direttament talbet lil sindustrysurf it-trasferiment tagħha, li, mingħajr kontestazzjoni, intrabtet twettqu immedjatament. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma huwiex rilevanti li għaddiet kważi sena sakemm ir-rikorrenti skopriet li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata taħt l-isem ta’ sindustrysurf, peress li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx tat il-kunsens tagħha għal dan. |
|
29 |
Barra minn hekk, kif ġustament issostni r-rikorrenti, il-kunsens tagħha kellu jkun evalwat ukoll mill-Bord tal-Appell fid-dawl taċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, it-trade mark ikkontestata kienet identika għat-trade mark użata, mill-2006 fl-Istati Uniti u fil-Kanada, mill-kumpannija omm u mill-kumpannija oħt tar-rikorrenti, Endeavor Design u Endeavor Snowboards u, min-naħa l-oħra, il-prodotti imsemmija fl-applikazzjoni tagħha kienu identiċi jew strettament marbuta mal-prodotti koperti minn din it-trade mark. |
|
31 |
It-tieni nett, it-trade mark imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq ġiet irreġistrata taħt l-isem tar-rikorrenti fl-Istati Uniti u fil-Kanada qabel il-preżentata tat-trade mark ikkontestata. |
|
32 |
It-tielet nett, sindustrysurf kienet, skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni, id-distributur esklużiv, għall-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, għall-prodotti ddisinjati u mmanifatturati minn Endeavor Snowboards, taħt it-trade marks irreġistrati Airhole Ninja Masks u Endeavor Snowboards. |
|
33 |
Ir-raba’ nett, il-ftehim ta’ distribuzzjoni kien jistipula li l-għan prinċipali tad-distributur kien il-ħżin, il-bejgħ u l-manutenzjoni ta’ diversi prodotti għas-snowboarding. L-Artikolu 11 ta’ dan il-ftehim, dwar l-użu tal-ismijiet u tat-trade marks, kien jipprevedi b’mod partikolari li d-distributur ma seta’ juża l-ebda logo, l-ebda reklamar jew l-ebda trade mark li tappartjeni lil Endeavor għal finijiet ta’ bejgħ jew ta’ promozzjoni mingħajr il-kunsens espliċitu tiegħu u bil-miktub. |
|
34 |
Il-ħames nett, il-ftehim ta’ distribuzzjoni kien għadu fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata u tat-talba għat-trasferiment tagħha lill-kumpannija omm. |
|
35 |
Konsegwentement, il-preżentata tat-trade mark ikkontestata setgħet faċilment tinftiehem bħala li tifforma parti minn loġika kummerċjali, tar-rikorrenti, intiża sabiex testendi l-protezzjoni tat-trade mark tagħha għat-territorju tal-Unjoni. |
|
36 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies, inġustament, li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet ippreżentata minn sindustrysurf taħt isimha, bil-kunsens tar-rikorrenti. |
|
37 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bil-preżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata taħt isimha, sindustrysurf ipprovat tużurpa d-drittijiet tar-rikorrenti. |
|
38 |
Fil-fatt, qabel kollox, sindustrysurf ma setgħet tinvoka l-ebda preċedenza fir-rigward tat-trade mark ikkontestata. Ġie stabbilit li din ilha tintuża fl-Istati Uniti u fil-Kanada mill-2006 mill-kumpannija omm u mill-kumpannija oħt tar-rikorrenti u li din kienet ġiet irreġistrata għall-imsemmija pajjiżi taħt isem ir-rikorrenti qabel it-trade mark ikkontestata. |
|
39 |
Sussegwentement, skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni, sindustrysurf kienet perfettament informata dwar l-eżistenza u l-użu, mill-kumpannija omm u mill-kumpannija oħt tar-rikorrenti, ta’ trade mark identika fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata. |
|
40 |
Fl-aħħar nett, skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni, id-drittijiet ta’ distribuzzjoni ta’ sindustrysurf kienu materjalment u territorjalment stabbiliti b’mod strett. Fil-fatt, minn naħa, l-għan prinċipali tad-distributur kien il-ħżin, il-bejgħ u l-manutenzjoni ta’ diversi prodotti għas-snowboarding. Barra minn hekk, sindustrysurf ma setgħet tuża l-ebda logo, l-ebda reklamar jew l-ebda trade mark li tappartjeni lil Endeavor għal finijiet ta’ bejgħ jew ta’ promozzjoni mingħajr il-kunsens espliċitu tagħha. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet ta’ distribuzzjoni tagħha kienu limitati biss għal sitt pajjiżi tal-Unjoni. Kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, it-trade mark ikkontestata kienet diġà użata mid-distributur ta’ Endeavor fir-Renju Unit. |
|
41 |
Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-attitudni ta’ sindustrysurf wara l-preżentata tat-trade mark tikkorrobora l-evalwazzjoni li din ipprovat tużurpa d-drittijiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-elementi tal-atti tal-proċess jirriżulta li sindustrysurf ma informat lir-rikorrenti la dwar il-preżentata tat-trade mark ikkontestata u lanqas dwar ir-reġistrazzjoni tagħha taħt isimha. Din l-informazzjoni ingħatat biss lir-rikorrenti meta din staqsiet dwar il-protezzjoni tal-imsemmija trade mark. It-tieni nett, fil-korrispondenza skambjata wara l-preżentata tat-trade mark ikkontestata, sindustrysurf kienet intrabtet speċifikament li tipproċedi bit-trasferiment tagħha, ħaġa li qatt ma għamlet. It-tielet nett, ftit ġimgħat wara li r-relazzjonijiet mar-rikorrenti ddeterjoraw, sindustrysurf intimat lil din tal-aħħar kif ukoll lid-distributuri l-oħra tal-prodotti tagħha fl-Unjoni sabiex iwaqqfu l-użu tat-trade mark ikkontestata, taħt piena ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni. |
|
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, wara evalwazzjoni globali b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, għandu jiġi konkluż li ma teżisti ebda raġuni valida li tiġġustifika l-preżentata tat-trade mark ikkontestata minn sindustrysurf taħt isimha stess u li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell, bi żball, ikkonkluda favur l-assenza ta’ mala fide min-naħa tagħha. |
|
43 |
Konsegwentement, dan il-motiv għandu jintlaqa’. |
|
44 |
Sa fejn il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa biżżejjed għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
Fuq it-talba għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata
|
45 |
Għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla, irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhiex l-effett li tagħti lil din is-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu, konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi Bord, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72; ara, ukoll, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Fil-fatt, it-talba għal bidla ma tikkonsistix f’talba lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkundanna lill-EUIPO jagħmel jew ma jagħmilx xi ħaġa, liema ħaġa tkun tikkostitwixxi inġunzjoni indirizzata lilu. Għal kuntrarju, din hija intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, bl-istess mod bħall-Bord tal-Appell, jekk it-trade mark ikkontestata għandhiex tiġi invalidata fir-rigward tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Deċiżjoni bħal din tidher fost il-miżuri li jistgħu jittieħdu, bħala prinċipju, mill-Qorti Ġenerali taħt is-setgħa ta’ bidla tagħha (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T-674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ħa pożizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-mala fide (punti 22 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li l-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa li tbiddel l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ dan il-punt. |
|
49 |
Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 26 sa 44 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien obbligat li jikkonstata, kif kienet ikkonstatat id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-mala fide ta’ sindustrysurf fil-mument tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali ma humiex issodisfatti. |
|
50 |
Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tinbidel, billi tiċħad ir-rikors ippreżentat minn sindustrysurf kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li kienet iddikjarat bħala invalida t-trade mark ikkontestata. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
52 |
F’dan il-każ, għalkemm l-EUIPO tilef, ir-rikorrenti ma talbitx li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Għaldaqstant, kull parti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Barra minn hekk, peress li sindustrysurf ma hijiex parti għal din l-istanza, it-talbiet tar-rikorrenti li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda. |
|
53 |
Ir-rikorrenti talbet ukoll li sindustrysurf tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, ma huwiex l-istess fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li ma humiex spejjeż li jistgħu jinġabru, hija inammissibbli. Fir-rigward tat-talba għall-kundanna ta’ sindustrysurf għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Prek Schalin Costeira Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Mejju 2017. Firem |
( 1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.