SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Is-Seba’ Programm Qafas għall-Azzjonijiet ta’ Riċerka, tal-Iżvilupp Teknoloġiku u ta’ Demostrazzjoni (2007-2013) u Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’ – Sospensjoni tal-pagamenti u xoljiment tal-kuntratti ta’ sussidju wara awditu finanzjarju – Talba intiża għall-ħlas ta’ somom dovuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ sussidju – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T-48/16,

Sigma Orionis SA, stabbilita f’Valbonne (Franza), irrappreżentata minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac u M. Siekierzyńska, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrenti somom dovuti skont il-kuntratti konklużi fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas għall-Azzjonijiet ta’ Riċerka, tal-Iżvilupp Teknoloġiku u ta’ Demostrazzjoni (2007-2013) u tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020”, u min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet wara li l-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Sigma Orionis SA, hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Franċiż attiva fit-tixrid u l-komunikazzjoni tar-riżultati ta’ proġetti Ewropej fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

2

Hija kkonkludiet mal-Kummissjoni Ewropea 36 ftehim ta’ sussidju fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas għall-Azzjonijiet ta’ Riċerki, tal-Iżvilupp Teknoloġiku u ta’ Demostrazzjoni (2007-2013) (iktar ’il quddiem il-“PC7”) stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar il-PC7 (ĠU 2006, L 412, p. 1).

3

Barra minn hekk, l-istess partijiet ikkonkludew tmien ftehimiet ta’ sussidju fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” (iktar ’il quddiem il-“H2020”) stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi l-H2020 u jħassar d-Deċiżjoni Nru 1982/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 104).

Investigazzjoni mwettqa mill-OLAF

4

Fl-24 ta’ Jannar 2014, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ kontra r-rikorrenti investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni ta’ skedi u ta’ pagi eċċessivi fil-kuntest tal-proġetti li jaqgħu taħt il-PC7.

5

Din l-investigazzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).

6

Fl-14 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ġiet avżata mill-OLAF, dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni fil-konfront tagħha. F’din l-okkażjoni, hija ntalbet serje ta’ dokumenti. Barra minn hekk, inġabret ix-xhieda ta’ ex impjegati tar-rikorrenti.

7

Dawn l-elementi kkonvinċew lill-OLAF bin-neċessità li tipproċedi bi spezzjoni fuq il-post abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/1996 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303).

8

B’ittra tal-14 ta’ Novembru 2014, l-OLAF informa lill-Prosekutur ta’ Grasse (Franza) bl-intenzjoni tiegħu li jwettaq spezzjonijiet u verifiki fis-sede tar-rikorrenti. L-OLAF talab ukoll l-għajnuna kollha neċessarja tal-awtoritajiet Franċiżi, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fil-kuntest ġuridiku nazzjonali sabiex jippreżervaw il-provi.

9

Bejn it-2 u l-5 ta’ Diċembru 2014, l-OLAF wettaq dawn l-ispezzjonijiet u verifiki fuq il-post. L-investigaturi ġabru dokumenti u informazzjoni. Huma semgħu żewġ persuni kkonċernati u ħames xhieda fil-preżenza tal-avukat tar-rikorrenti.

10

Fit-28 ta’ April 2015, l-OLAF ta liż-żewġ persuni kkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-fatti li jirrigwardawhom.

11

Imbagħad, l-OLAF bagħat ir-rapport finali tiegħu lis-servizzi tal-Kummissjoni. F’dan tal-aħħar huwa rrakkomandalhom li jirkupraw is-somma ta’ EUR 1545759 u jikkunsidraw l-adozzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u finanzjarji previsti fl-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).

Intervent tal-Kummissjoni

12

B’ittra tas-7 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tadotta sanzjoni amministrattiva li tikkonsisti fl-esklużjoni tar-rikorrenti għal ħames snin minn kull parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew għall-għoti ta’ sussidju tal-Unjoni Ewropea, fis-sospensjoni tal-pagamenti relatati ma’ ħmistax-il proġett li jaqgħu taħt il-PC7 u ħames proġetti konklużi fil-kuntest tal-H2020, fit-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fi tnax-il proġett li jaqgħu taħt il-PC7 u fil-proġetti kollha konklużi fil-kuntest tal-H2020 kif ukoll fit-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-preparazzjoni ta’ sitt ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-H2020.

13

Permezz ta’ din l-istess ittra, ir-rikorrenti kienet mistiedna tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri msemmija.

14

Bi tweġiba, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti kkontestat ir-rapport tal-OLAF. Hija sostniet li dan l-organu ma kien ipproduċa ebda prova tal-eżistenza ta’ frodi. Fl-ittra tagħha hija indikat ukoll li l-konklużjonijiet tal-OLAF kienu żbaljati u eċċessivi.

15

Wara dawn l-iskambji, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti bit-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fi tliet serji ta’ ftehimiet kif ukoll bis-sospensjoni tal-pagamenti fir-rigward ta’ wħud minn dawn il-ftehimiet.

16

L-ewwel serje tinkludi żewġ ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-PC7, li għandhom rispettivament in-Numri 612451 – CRe-AM u 610947 – RAPP. B’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-pagamenti pendenti u futuri kif ukoll li tittermina l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dawn iż-żewġ ftehimiet. B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem il-Kumitat Rimedju II, kumitat ta’ rimedju stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni u msemmi fil-punt 5.3 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/161/UE, Euratom tat-28 ta’ Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni C(2008) 4617 fir-rigward tar-Regoli għall-preżentazzjoni ta’ proposti u għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt [il-PC7] u taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ nukleari (2007-2011) (ĠU 2011, L 75, p. 1). Fid-29 ta’ Jannar 2016, il-Kumitat Rimedju II ċaħad dan l-ilment. Huwa kkunsidra li l-proċeduri ta’ sospensjoni, ta’ informazzjoni minn qabel u tat-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni twettqu b’konformità mal-prinċipji u r-regoli applikabbli. B’ittra tat-2 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni kkonfermat, wara li l-Kumitat Rimedju II ċaħad l-ilment, id-deċiżjoni tagħha tat-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dawn iż-żewġ ftehimiet.

17

It-tieni serje ta’ ftehimiet tirrigwarda dawk li għandhom in-Numri 609154 – Performer u 314671 – Resilient, konklużi wkoll fil-kuntest tal-PC7. Is-sospensjoni tal-pagamenti u t-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn il-ftehimiet, kienu nnotifikati fis-26 u fit-28 ta’ Jannar 2016, rispettivament.

18

It-tielet serje tirrigwarda l-proġett li jaqa’ taħt l-H2020 u, f’dan il-kuntest, il-ftehim għandu n-Numru 645775 – Dragon Star Plus. Fis-27 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni indikat lill-koordinatur tal-proġett li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ terminazzjoni.

Proċeduri nazzjonali

19

Wara li bagħtu lill-Kummissjoni, l-OLAF bagħat ir-rapport tiegħu lill-awtoritajiet Franċiżi u għall-aġir kkonstatat irrakkomandalhom il-ftuħ ta’ proċedura kriminali, fuq livell nazzjonali, abbażi tad-dritt Franċiż, sa fejn dan l-aġir kien previst minn dan id-dritt.

20

Wara din il-komunikazzjoni, fl-10 ta’ April 2015 il-Prokuratur tar-Repubblika ta’ Grasse talab il-ftuħ ta’ inkjesta kontra X fuq il-bażi ta’ frodi għall-fatti mwettqa bejn l-14 ta’ Novembru 2011 u l-10 ta’ April 2015 għad-dannu tal-Unjoni. Fil-15 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti, id-direttur tagħha u tnejn mill-persunal tagħha tqiegħdu taħt eżami għal frodi.

21

Peress li l-kawża saret quddiemha, fis-17 ta’ Diċembru 2015, l-Awla Istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence (Franza) (iktar ’il quddiem l-“Awla Istruttorja”) tat sentenza li fiha hija ddikjarat invalidi dokumenti użati mill-awtoritajiet Franċiżi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija fi Franza kontra r-rikorrenti, id-direttur tagħha u ż-żewġ membri tal-persunal fuq imsemmija. Skont din il-qorti, dawn id-dokumenti kienu nkisbu bi ksur ta’ diversi garanziji proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Fost dawn id-dokumenti hekk iddikjarati invalidi kien hemm ir-rapport finali mibgħut mill-OLAF lill-awtoritajiet Franċiżi.

22

B’sentenza tad-19 ta’ Frar 2016, il-Qorti Kummerċjali ta’ Grasse fetħet proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-rikorrenti u nnominat amministratur ġudizzjarju.

23

Fis-27 ta’ April 2016, din l-istess qorti ordnat il-likwidazzjoni ġudizzjarja tar-rikorrenti.

24

Fl-4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ddikjarat bħala djun tar-rikorrenti l-ammonti li hija kkunsidrat dovuti minn din tal-aħħar għall-ftehimiet kollha ta’ sussidju xolti. Dawn id-djun ta’ ammont totali ta’ EUR 2639 815.40 ġew ikkontestati mir-rikorrenti.

25

Fit-8 ta’ Settembru 2017, il-Qorti Kummerċjali ta’ Grasse ċaħdet, f’żewġ digrieti, id-djun li l-Kummissjoni ddikjarat dovuti mir-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF li abbażi tagħha l-Kummissjoni qieset li ċerti benefiċċji ma kellhomx jitħallsu lir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ “nullità” ddikjarata minn sentenza tal-Awla Istruttorja datata s-17 ta’ Diċembru 2015.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri provviżorji.

28

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2016, mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2016, il-mandatarju likwidatur, li kien innominat mill-Qorti Kummerċjali ta’ Grasse, awtorizza lill-avukat tar-rikorrenti jipproċedi bil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

29

Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Awwissu 2017, Sigma Orionis vs Il-Kummissjoni (T-48/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:585), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u żamm l-ispejjeż riżervati.

30

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

31

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2017.

32

Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fis-27 ta’ Ġunju 2017.

33

Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura b’applikazzjoni tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

34

Permezz ta’ deċiżjoni meħuda fil-25 ta’ Ottubru 2017, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jdaħħal fil-proċess tal-kawża bħala anness iż-żewġ digrieti tal-Qorti Kummerċjali ta’ Grasse tat-8 ta’ Settembru 2017 imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, peress li dawn id-dokumenti kienu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti b’ittra tat-22 ta’ Settembru 2017.

35

Skont l-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar dawn id-dokumenti, u dawn għamlu dan fit-terminu mogħti.

36

Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali għalqet mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura u l-kawża tħalliet għad-deliberazzjoni.

37

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ sussidju PC7 u H2020 billi ssospendiet il-ħlasijiet kollha dovuti lir-rikorrenti abbażi ta’ rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF redatt illegalment;

tiddikjara u tiddeċiedi li, il-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ sussidju PC7 u H2020 billi xoljiet l-imsemmija kuntratti fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport;

konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somom dovuti lir-rikorrenti abbażi tal-kuntratti ta’ sussidju PC7, jiġifieri EUR 607404,49, miżjuda, skont l-Artikolu II.5.5, bl-interessi moratorji kkalkolati mid-data ta’ meta s-somom saru dovuti, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda bi 3.5 punti;

konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somom dovuti lir-rikorrenti abbażi tal-kuntratti ta’ sussidju H2020, jiġifieri EUR 226 688.68, miżjuda, skont l-Artikolu II.21.11.1, bl-interessi moratorji kkalkolati mid-data ta’ meta s-somom saru dovuti, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda bi 3.5 punti;

konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni u l-interessi, ta’ natura mhux kuntrattwali, evalwati għal EUR 1500000;

konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

sussidjarjament, tinnomina espert sabiex jiġu ddeterminati s-somom inkontestabbilment dovuti lir-rikorrenti abbażi tal-kuntratti ta’ sussidji.

38

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, tal-inqas, bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-azzjoni għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali

39

Insostenn tal-ewwel erba’ u tas-seba’ kapijiet tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni pproċediet għas-sospensjoni tal-pagamenti u għax-xoljiment tal-ftehimiet inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”) bi ksur tal-klawżoli kuntrattwali.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

40

Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali hijiex kompetenti sabiex tirregola t-tilwima lilha sottomessa.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet ir-rikorrenti, mingħajr kontradizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li skont l-Artikolu 272 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256 TFUE, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fl-ewwel istanza bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt li jkun sar, skont id-dritt privat, mill-Unjoni jew f’isimha.

42

F’dan il-każ, tali klawżola tinsab fl-Artikolu 9 tal-ftehimiet iffirmati fil-kuntest tal-PC7 u fl-Artikolu 57 tal-ftehimiet konklużi taħt l-H2020.

43

Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkunsidrat, kif jaqblu l-partijiet, li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija stabbilita fir-rigward tat-talba ppreżentata mir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni.

Fuq id-dritt applikabbli

44

Ir-rikorrenti adixxiet lill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE b’applikazzjoni tal-klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi fil-ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-PC7 u tal-H2020, b’tali mod li s-suġġett ta’ din it-tilwima ma huwiex il-legalità ta’ xi deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni u tal-proċedura amministrattiva li wasslet għal din l-adozzjoni, iżda s-soluzzjoni ta’ tilwima kuntrattwali bejn żewġ partijiet kontraenti, liema soluzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt applikabbli għall-imsemmija ftehimiet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2016, Il-Kummissjoni vs Thales développement et coopération, T-326/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:403, punt 73).

45

Skont l-Artikolu 9 tal-ftehimiet konklużi fil-kuntest tal-PC7, japplikaw, f’din l-ordni, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali, l-atti rilevanti tal-Komunità Ewropea u tal-Unjoni li jirrigwardaw il-programm ta’ riċerka li ta lok għall-ftehimiet, ir-Regolament Finanzjarju marbut mal-baġit ġenerali tal-Unjoni, ir-regoli l-oħra rilevanti tal-Komunità u tal-Unjoni, u finalment, b’mod sussidjarju, id-dritt Belġjan. L-istess regola hija essenzjalment prevista fl-Artikolu 57 tal-ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-H2020, li jipprovdi li l-ftehimiet huma rregolati mid-dritt applikabbli tal-Unjoni, u b’mod sussidjarju mid-dritt Belġjan. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju marbut mal-baġit ġenerali tal-Unjoni, ir-regoli li għandhom japplikaw għal din it-tilwima huma, sa fejn dawn huma rilevanti, dawk tad-dritt tal-Komunità jew tal-Unjoni, skont il-każ, u kif ukoll, b’mod sussidjarju, dawk tad-dritt Belġjan.

Fuq l-ammissibbiltà

– Fuq l-interess ġuridiku

46

Il-Kummissjoni tirrileva li, fil-jum tal-preżentata tar-rikors, hija kienet xoljiet biss ftehim ta’ sussidju wieħed li kellha mar-rikorrenti.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, sabiex it-talba tagħha tkun tista’ tiġi eżaminata fil-mertu, ir-rikorrenti għandha turi li għandha interess ġuridiku ċert u attwali fil-mument tal-preżentata tal-kawża (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il-Kummissjoni, C-564/13 P, EU:C:2015:124, punt 31).

48

Il-Kummissjoni ma tqajjimx formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti, iżda, skont il-ġurisprudenza, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti Ġenerali milli teżamina ex officio din il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà u jekk ikun il-każ tiddikjara r-rikors inammissibbli peress li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (ara d-digriet tal-4 ta’ Diċembru 2014, Talanton vs Il-Kummissjoni, T-165/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1027, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fid-dokumenti tagħha, ir-rikorrenti tgħodd l-ammonti li fil-fehma tagħha huma dovuti lilha, fil-kuntest ta’ 22-il ftehim ta’ sussidju konklużi mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-PC7 u tal-H2020.

50

Meta kien ippreżentat ir-rikors, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kienet ġiet itterminata fi ftehim wieħed li jaqa’ taħt l-H2020 u f’erba’ oħra li jaqgħu fil-kuntest tal-PC7. Il-ftehim xolt fil-kuntest tal-H2020 kien il-ftehim bin-Numru 645775 – Dragon Star Plus. Barra minn hekk, dawk li ġew xolti fil-kuntest tal-PC7 għandhom in-Numri 610947 – RAPP, 612451 – CRe-AM, 609154 – Performer u 314671 – Resilient.

51

Għalhekk, għal dawn il-ħames ftehimiet, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, kienet ġiet adottata deċiżjoni mill-Kummissjoni, u għalhekk, fir-rigward ta’ dawn il-ftehimiet, ir-rikorrenti kellha l-interess ġuridiku meħtieġ mill-ġurisprudenza fil-mument li fih hija ppreżentat ir-rikors tagħha.

52

Mhux l-istess japplika għas-17-il ftehim l-ieħor konkluż fil-kuntest tal-PC7 u tal-H2020, li fir-rigward tagħhom ma kienet għadha ġiet adottata ebda deċiżjoni mill-Kummissjoni fil-mument li fih ġie ppreżentat ir-rikors. Fir-rigward ta’ dawn il-ftehimiet, ma kienx jeżisti interess fid-data tal-preżentata tar-rikors u l-azzjoni, konsegwentement, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq.

– Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors

53

Il-Kummissjoni tqis li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni msemmija fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura peress li r-rikorrenti bbażat l-argument tagħha fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux identifikati.

54

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jidentifika s-suġġett tat-tilwima u jipprovdi espożizzjoni sommarja tal-motivi, l-indikazzjonijiet għandhom ikunu ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara l-argument tiegħu u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs EIT, T-481/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:498, punt 460).

55

F’dan il-każ, mir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti jirriżulta li s-suġġett tat-tilwima huwa identifikat bħala kontestazzjoni tal-miżuri kontenzjużi meħuda mill-Kummissjoni. Il-motivi ppreżentati mir-rikorrenti huma identifikati bħala li huma bbażati fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħha minħabba l-fatt li l-miżuri kontenzjużi jmorru kontra l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Awla Istruttorja (l-ewwel motiv), li r-rapport tal-OLAF li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tadotta dawn il-miżuri kien ġie mfassal abbażi ta’ provi miġbura f’kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt nazzjonali (it-tieni motiv) u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (it-tielet motiv), li l-Kummissjoni ma setgħetx tissospendi u xxolji ftehimiet li jaqgħu taħt l-H2020 billi tibbaża ruħha fuq spezzjonijiet u verifiki mwettqa fil-kuntest ta’ ftehimiet li jaqgħu taħt il-PC7 (ir-raba’ motiv) u li l-Kummissjoni kisret l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ħadet il-miżuri kontenzjużi (il-ħames motiv).

56

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-argument ippreżentat minnha fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tifhem, manifestament, il-kritika li saritilha mir-rikorrenti.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti fir-rigward tal-ammissibbiltà previsti mir-Regoli tal-Proċedura għandhom ikunu kkunsidrati bħala ssodisfatti u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet

58

Għandhom jiġu ttrattati flimkien l-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti, li jirrigwardaw, rispettivament, is-sospensjoni tal-pagamenti fir-rigward tal-kuntratti ta’ sussidju li jaqgħu taħt il-PC7 u l-H2020 u kif ukoll ix-xoljiment tal-imsemmija kuntratti.

59

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel nett, ir-rapport tal-OLAF ma jistax ikun il-bażi tal-miżuri kontenzjużi, ladarba dan kien annullat mill-Awla Istruttorja. It-tieni nett, il-miżuri kontenzjużi jmorru kontra l-ftehimiet kkonċernati peress li huma bbażati fuq rapport imfassal fuq provi miġbura taħt kundizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt nazzjonali. It-tielet nett, dawn il-miżuri jmorru wkoll kontra dawn il-ftehimiet peress li l-provi nġabru bi ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-raba’ nett, għas-sospensjoni u x-xoljiment tal-ftehimiet li jaqgħu taħt l-H2020, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha, kif għamlet, fuq spezzjonijiet u verifiki mwettqa fil-kuntest ta’ ftehimiet li jaqgħu taħt il-PC7. Il-ħames nett, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Awla Istruttorja

60

Skont ir-rikorrenti, il-miżuri kontenzjużi ma setgħux ikunu bbażati fuq ir-rapport finali redatt mill-OLAF peress li dan ir-rapport kien ġie annullat mill-Awla Istruttorja.

61

Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Kummissjoni tenfasizza li, waqt il-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet li kellha tieħu, ir-rapport redatt mill-OLAF ma setax jitqies li huwa kontestabbli. Anki jekk jitqies li huwa hekk, dan ma setax ikun annullat minn qorti nazzjonali, peress li l-ġurisdizzjoni għall-annullament tal-atti adottati mill-istanzi tal-Unjoni tappartjeni b’mod esklużiv lill-qrati li jaqgħu taħt dan l-ordinament ġuridiku.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, huma biss l-qrati tal-Unjoni li għandhom il-ġurisdizzjoni li jikkonstataw l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C-366/10, EU:C:2011:864, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, irrispettivament minn dak li ġie deċiż mill-Awla Istruttorja fis-sentenza tagħha, ir-rapport tal-OLAF jibqa’ legali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li ma kienx invalidat mill-qorti tal-Unjoni.

64

Skont it-termini użati fis-sentenza mogħtija mill-Awla Istruttorja, din il-qorti kkunsidrat li “l-investigazzjoni preliminari kollha, inkluż l-investigazzjoni [tal-]OLAF u l-atti sussegwenti tagħha […] [għandhom] ikunu annullati, bl-eċċezzjoni tar-riferiment inizjali li jinforma lill-Prosekutur ta’ Grasse, li jintbagħat lill-pulizija għall-investigazzjoni u inġunzjonijiet li huma l-unika opportunità ta’ proċedimenti eżerċitati mill-Prokuratur tar-Repubblika”.

65

Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni, il-konklużjoni f’din is-sentenza ma hijiex li r-rapport imfassal mill-OLAF kellu jiġi annullat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda biss li, skont din il-qorti, “la [kien] neċessarju u lanqas iġġustifikat li investigazzjoni mmexxija mill-OLAF f’kundizzjonijiet li jmorru kontra l-Artikolu 6 […] TUE u l-Artikolu preliminari tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali li jipprovdi li għandu jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet tal-partijiet, tkun tista’ tiġi ppreżentata anki bħala sempliċi informazzjoni fi proċeduri kriminali dwar il-metodu ta’ kalkolu taż-żmien meħud għall-eżekuzzjoni ta’ sejħiet għal offerti li jirrigwardaw programmi ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea meta f’dan l-istadju tal-proċedura l-kontenut tax-xogħol imwettaq ma jkunx ikkontestat mill-Uffiċċju inkwistjoni”.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Awla Istruttorja, ir-rapport tal-OLAF ma setax jintuża fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija fi Franza kontra d-diretturi tar-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva taħt id-dritt tal-Unjoni u stabbilita minn dispożizzjonijiet kuntrattwali, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-imsemmi rapport tal-OLAF sabiex tadotta l-miżuri kontenzjużi, peress li dan ir-rapport ma kienx invalidat mill-qorti tal-Unjoni.

67

Ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill (T-341/07, EU:T:2009:372, punt 116), sabiex turi li l-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Awla Istruttorja.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill (T-341/07, EU:T:2009:372), tirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li fiha d-deliberazzjonijiet tal-istituzzjoni tal-Unjoni għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjonijiet mogħtija minn istanzi nazzjonali, b’mod partikolari qrati li jaqgħu taħt l-ordinament nazzjonali. Is-sitwazzjoni hija differenti, f’din il-kawża, fejn ebda dispożizzjoni ma tobbliga lill-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq deċiżjoni li għandha tittieħed minn istanza nazzjonali – b’din tal-aħħar tkun qorti. Fi kwalunkwe każ, fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009Sison vs Il-Kunsill (T-341/07, EU:T:2009:372), il-Qorti Ġenerali ma tatx lill-qrati nazzjonali ġurisdizzjoni li tippermettilhom jikkonstataw l-invalidità tal-atti tal-Unjoni u b’hekk jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu inkunsiderazzjoni tali invalidità fid-deliberazzjonijiet tagħhom.

69

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex imxekkla mid-digrieti mogħtija mill-Qorti Kummerċjali ta’ Grasse fit-8 ta’ Settembru 2017, digrieti li kienu kkomunikati lill-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti, li għall-eżami tagħhom il-proċedura orali nfetħet mill-ġdid kif indikat fil-punti 33 sa 35 iktar ’il fuq u li jipprovdu li d-djun ippreżentati mill-Kummissjoni ma jistgħux jintlaqgħu peress li huma bbażati fuq investigazzjoni, jiġifieri dik immexxija mill-OLAF, li kienet iddikjarata “nulla” mill-Awla Istruttorja.

70

Fil-fatt, il-proċedura quddiem il-Qorti Kummerċjali ta’ Grasse ma jistax ikollha effett fuq dan ir-rikors peress li, għal dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-miżuri kontenzjużi mal-ftehimiet inkwistjoni u r-regoli reżi applikabbli minn dawn tal-aħħar, dan ir-rikors jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 272 TFUE, moqri flimkien mal-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-imsemmija ftehimiet.

71

Mill-bqija, iż-żewġ proċeduri għandhom għanijiet distinti, għaliex dan ir-rikors jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-miżuri kontenzjużi ma’ dawn il-ftehimiet u dawn ir-regoli filwaqt li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti, il-proċedura quddiem il-Qorti Kummerċjali ta’ Grasse kienet intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-djun eventwalment miżmuma mill-Kummissjoni setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-impriża.

72

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt Franċiż

73

Ir-rikorrenti ssostni li l-OLAF għandu josserva d-dritt nazzjonali meta jwettaq spezzjonijiet u verifiki fit-territorju ta’ Stat Membru, u dan skont ir-regoli applikabbli għal dan l-organu, jiġifieri, minn naħa, ir-Regolament Nru 883/2013, u min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 2185/96.

74

Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tinvoka:

l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 883/2013, li jipprovdi li “[w]aqt il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post, il-persunal tal-[OLAF] għandu jaġixxi, soġġett għal-liġi tal-Unjoni applikabbli, f’konformità mar-regoli u l-prattiki tal-Istati Membri kkonċernati”;

it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2185/96 li jipprovdi li bla ħsara għad-dritt tal-Unjoni, l-investigaturi tal-OLAF għandhom josservaw ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat;

l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 883/2013 li jipprovdi li “[f]it-tfassil ta’ tali rapport u rakkomandazzjonijiet [tal-OLAF], għandu jittieħed kont tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat”.

75

F’dan il-każ, id-dritt nazzjonali nkiser fir-rigward tat-tliet punti li ġejjin:

qabel ma wettaq l-operazzjoni tiegħu fil-bini tar-rikorrenti, l-OLAF kellu jikseb mandat minn qorti nazzjonali;

matul din l-operazzjoni, l-investigaturi tiegħu kellhom ikunu akkumpanjati minn uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja nazzjonali;

huwa kellu jinforma lir-rikorrenti bid-dritt, li hija għandha, li topponi għall-ispezzjonijiet u għall-verifiki fuq il-post.

76

Bi tweġiba għal dan l-argument, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punti 62 sa 66 iktar ’il fuq, ir-rapport redatt mill-OLAF jibqa’ legali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sakemm ma jkunx invalidat mill-qorti tal-Unjoni, bla ħsara għad-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet jew mill-qrati nazzjonali rigward l-użu li jista’ jsir minn dan ir-rapport fil-proċeduri mibdija skont id-dritt nazzjonali.

77

Mit-tielet dispożizzjoni invokata mir-rikorrenti, jiġifieri l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 883/2013, jirriżulta li r-rapporti redatti mill-OLAF jistgħu jintużaw fil-proċeduri nazzjonali sa fejn dawn ikunu ġew redatti b’konformità mar-regoli u l-proċeduri imposti mid-dritt nazzjonali. Jekk id-dritt nazzjonali ma ġiex osservat, kif issostni r-rikorrenti f’dan il-każ, il-konsegwenza tkun li r-rapport redatt mill-OLAF ma jkunx jista’ jintuża fil-proċeduri nazzjonali mingħajr ma dan jista’ jaffettwa l-possibbiltà li l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq l-imsemmi dokument.

78

Skont id-dispożizzjonijiet l-oħra msemmija mir-rikorrenti, jiġifieri l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 883/2013 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2185/96, l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post jitwettqu mill-OLAF skont ir-regoli u l-prattiki fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ.

79

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-investigazzjonijiet u l-verifiki fuq il-post imwettqa mill-OLAF jaqgħu f’ambjent ikkaratterizzat mill-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar għandu jitwarrab għall-benefiċċju tad-dritt tal-Unjoni, kull darba li r-Regolament Nru 883/2013 jew ir-Regolament Nru 2185/96 jipprevedu dan.

80

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li għal dak li jirrigwarda l-ewwel punt ta’ ksur tad-dritt Franċiż, ir-Regolamenti Nri 883/2013 u 2185/96 ma jimponux l-osservanza tar-rekwiżiti nazzjonali qabel ma’ l-OLAF iwettaq spezzjonijiet u verifiki fil-bini ta’ operatur ekonomiku, sakemm dan tal-aħħar ma jopponix.

81

Fil-fatt, huwa biss f’dan il-każ li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2185/96 jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-investigaturi tal-OLAF, b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-assistenza neċessarja sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu d-dover tagħhom ta’ spezzjoni u verifika fuq il-post u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li huma l-Istati Membri li f’każ ta’ bżonn għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, b’konformità mad-dritt nazzjonali. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ma opponietx għall-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post fil-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

82

Għalhekk, ladarba l-konformità ma’ rekwiżiti nazzjonali bħal dawk li jirrigwardaw in-neċessità ta’ mandat preliminari maħruġ minn qorti nazzjonali ma hijiex prevista mir-Regolamenti Nri 883/2013 u 2185/96, fl-assenza ta’ oppożizzjoni mill-operatur ikkonċernat, billi dawn it-testi jissuġġettaw l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post imwettqa mill-OLAF biss għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub mid-Direttur Ġenerali ta’ dan l-organu (Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 883/2013 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2185/96), l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

83

Ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet fuq il-Kummissjoni, fil-qasam tal-kompetizzjoni, obbligi sabiex tosserva f’dan il-qasam mandati ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi.

84

Dan l-argument fih żball fattwali peress li, għall-kuntrarju ta’ dak indikat mir-rikorrenti, is-sentenza ċċitata minnha ma timponix li tiġi adita qorti nazzjonali qabel ma jitwettqu spezzjonijiet u verifiki fuq il-post, iżda tispeċifika biss, għall-attenzjoni tal-awtorità amministrattiva, li qabel twettaq dawn l-ispezzjonijiet u verifiki fuq il-post, din tal-aħħar għandha tippreċiża l-għan tat-tfittxija. F’dan il-każ, kienet diġà ngħatat awtorizzazzjoni fis-27 ta’ Novembru 2014 mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u din ġiet ippreżentata mill-investigaturi kif wasslu fis-sede tar-rikorrenti, fejn din ġiet iffirmata wkoll mid-direttur tar-rikorrenti, li żamm kopja tagħha. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ din l-awtorizzazzjoni ma huwa s-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni.

85

Dwar it-tieni punt ta’ ksur tad-dritt Franċiż, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea applikabbli:

l-investigazzjonijiet jitmexxew mill-investigaturi tal-OLAF taħt id-direzzjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ dan tal-aħħar (Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 883/2013, Artikoli 4 u 6(1) tar-Regolament Nru 2185/96);

dawn l-investigaturi għandhom jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali qabel iwettqu l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2185/96);

jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali nazzjonali, li jistgħu jkunu mibgħuta mill-awtoritajiet tagħhom jew jaġixxu bħala esperti nazzjonali kkollokati mal-Kummissjoni (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2185/96);

il-preżenza ta’ dawn l-uffiċjali għandha tiġi aċċettata meta dawn tal-aħħar jesprimu din ix-xewqa (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2185/96);

f’każ ta’ oppożizzjoni għal spezzjoni jew għal verifika fuq il-post, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw it-twettiq tad-dover tal-OLAF f’konformità mad-dritt nazzjonali (Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2185/96).

86

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, jirriżulta li l-kwistjoni tal-preżenza ta’ uffiċjali nazzjonali hija rregolata mir-Regolament Nru 2185/96 u hija meħtieġa minn dan tal-aħħar f’żewġ ċirkustanzi, li ma kinux issodisfatti fil-każ ineżami, meta jitwettqu l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post mill-OLAF. Minn naħa, din hija neċessarja f’każ ta’ oppożizzjoni minn operatur għall-ispezzjonijiet u għal-verifiki mwettqa mill-OLAF. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, tali oppożizzjoni ma seħħitx. Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ uffiċjali nazzjonali għandha tkun aċċettata jekk ikunu dawn tal-aħħar li jitolbuha.

87

Mill-proċess jirriżulta, fil-każ ineżami, li tliet uffiċjali nazzjonali kienu preżenti matul parti mill-operazzjonijiet, li dawn l-uffiċjali indikaw lid-direttur ġenerali tar-rikorrenti li kienet infetħet investigazzjoni preliminari ta’ natura kriminali, fir-rigward tagħha abbażi tad-dritt Franċiż, b’mod parallel mal-proċedura bbażata fuq d-dritt tal-Unjoni, u li, f’dan il-kuntest, huma pproċedew bit-twettiq ta’ ċerti atti qabel telqu mis-sede tar-rikorrenti fit-tmiem l-għodwa mingħajr ma urew ix-xewqa li jkunu preżenti matul l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post imwettqa skont id-dritt tal-Unjoni.

88

Għalhekk, ma huwiex minħabba aġir imputabbli lill-OLAF li l-uffiċjali nazzjonali ma kinux preżenti matul l-operazzjoni kollha, iżda minħabba deċiżjoni meħuda minnhom, deċiżjoni li konsegwentement, ma tistax taffettwa l-validità tal-miżuri kontenzjużi adottati mill-Kummissjoni abbażi tar-rapport redatt minn dan l-organu.

89

Ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 34), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Kummissjoni għandha tosserva l-garanziji proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali meta hija twettaq spezzjonijiet u verifiki fuq il-post.

90

Dan l-argument fih żball fattwali peress li, kif jirriżulta mill-proċess, fil-kawża adita lill-Qorti Ġenerali r-rikorrenti ma opponietx l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post filwaqt li s-sentenza invokata tirrigwarda l-każ fejn l-assistenza tal-awtoritajiet nazzjonali ntalbet bħala konsegwenza għall-oppożizzjoni murija minn operatur ekonomiku għal spezzjoni jew verifika fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

91

Fuq it-tielet punt imqajjem mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2185/96, l-operaturi ekonomiċi għandhom jippermettu l-aċċess għall-bini, artijiet, mezzi ta’ trasport u oqsma oħra ta’ użu professjonali b’mod li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-ispezzjonijiet u l-verifiki.

92

B’mod komplementari, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta l-operaturi ekonomiċi kkonċernati mill-investigazzjoni jopponu għal spezzjoni jew verifika fuq il-post, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-ispetturi, b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-assistenza neċessarja sabiex jippermetti t-twettiq tad-dover tagħhom ta’ spezzjoni u verifika fuq il-post. Għalhekk, skont din l-istess dispożizzjoni, huma l-Istati Membri li, f’każ ta’ bżonn, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, b’konformità mad-dritt nazzjonali.

93

L-obbligu tal-operaturi ekonomiċi li jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post huwa previst ukoll, fl-Artikolu II.22(2) sa (4) tal-Anness II, fil-ftehimiet li jaqgħu taħt l-PC7 iffirmati mir-rikorrenti u li jistabbilixxu l-kuntest li fih jaħdmu r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mal-Kummissjoni.

94

Huwa minnu li, kif indikat fil-punt 92 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 2185/96 jipprevedi s-sitwazzjoni fejn operatur ekonomiku jopponi għal spezzjonijiet u verifiki fuq il-post imwettqa mill-OLAF, u li f’dan il-każ, l-assistenza tal-awtoritajiet nazzjonali tista’ tkun meħtieġa u l-operazzjonijiet imwettqa minnhom għandhom għalhekk ikunu konformi mad-dritt nazzjonali.

95

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-operaturi ekonomiċi d-dritt li jopponu għall-operazzjonijiet imwettqa mill-OLAF, iżda tipprovdi biss li, f’każ ta’ oppożizzjoni, huma jistgħu jkunu marbuta jaċċettaw dawn l-operazzjonijiet, u l-forza pubblika nazzjonali tista’ tkun meħtieġa għal dan l-għan taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

96

Mill-proċess jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ peress li, kif indikat hija stess, ir-rikorrenti ma opponietx għall-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post imwettqa mill-OLAF.

97

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-motiv għandu jiġi miċħud.

– Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

98

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti tiddikjara li l-miżuri kontenzjużi ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, peress li dawn kienu bbażati fuq rapport redatt fuq il-bażi ta’ provi miġbura bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

99

Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni għandha tosserva, fl-eżekuzzjoni tal-ftehimiet konklużi minnha, id-drittijiet li l-eżistenza tagħhom hija rrikonoxxuta fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni argumentat li fil-fehma tagħha, l-applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-aġir adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam kuntrattwali ma tistax tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ġenerali, iżda għandha tiġi eżaminata, każ b’każ, b’mod partikolari skont dak li jipprovdu d-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

100

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali għandhom in-natura ta’ prinċipji ġenerali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, EU:C:1970:114, punt 4; tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 68, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C-129/13 u C-130/13, EU:C:2014:2041, punt 69).

101

Dawn id-drittijiet huma inklużi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tifforma parti mit-Trattat UE u tipprovdi, fl-Artikolu 51(1) tagħha, mingħajr eċċezzjoni, li d-dispożizzjonijiet tagħha “huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà”.

102

Fuq din il-bażi, id-drittijiet fundamentali huma intiżi sabiex jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest kuntrattwali, bħalma dawn japplikaw għall-atti adottati mill-Istati Membri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

103

Din il-portata ġenerali tad-drittijiet fundamentali għandha l-konsegwenza li, kif ġie ammess mill-Kummissjoni, din l-istituzzjoni ma tistax, fuq il-bażi ta’ informazzjoni miġbura mill-OLAF bi ksur tad-drittijiet fundamentali, tissospendi l-pagamenti dovuti lil operatur ekonomiku jew xxolji l-ftehimiet li jorbtuha ma’ dan l-operatur.

104

Mill-bqija, mil-leġiżlazzjoni jirriżulta li dan l-organu tal-aħħar, jiġifieri l-OLAF, għandu josserva d-drittijiet fundamentali meta huwa jwettaq investigazzjonijiet li jaqgħu taħt il-funzjonijiet mogħtija lilu.

105

Fil-fatt, skont ir-Regolament Nru 883/2013, l-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF għandhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali. Dan l-obbligu jirriżulta mill-premessa 51 ta’ dan ir-regolament.

106

Min-naħa tiegħu, fil-premessa 12, ir-Regolament Nru 2185/96 jindika li l-“verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jitwettqu b’attenzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali tal-persuni involuti”.

107

F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqis li l-OLAF kiser, fil-kuntest tal-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post li huwa wettaq, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li essenzjalment jipprovdi li fl-Unjoni l-individwi suġġetti għal-liġi għandhom dritt għal rimedju effetti quddiem qorti, li b’mod partikolari jimplika li l-każ tagħhom jinstema’ pubblikament, u f’każ ta’ tilwima, f’kundizzjonijiet li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità.

108

Skont ir-rikorrenti, kien hemm ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali peress li l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post twettqu mill-OLAF mingħajr ma l-investigaturi ta’ dan l-organu kienu akkumpanjati minn uffiċjali tal-pulizija li jaqgħu taħt l-ordinament nazzjonali, mingħajr ma hija kienet informata bid-dritt li hija kellha li topponi għal dawn l-operazzjonijiet u mingħajr ma dawn kienu awtorizzati, minn qabel, minn qorti nazzjonali.

109

Fir-rigward tal-ewwel żewġ allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċietx provi insostenn tal-argument tagħha, u b’mod partikolari indikazzjonijiet li juru li l-akkumpanjament minn uffiċjali tal-pulizija nazzjonali u d-dritt li tkun informata bil-possibbiltà li topponi għal operazzjoni mwettqa mill-OLAF huma previsti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

110

Barra minn hekk, huwa suffiċjenti li jitfakkar, kif indikat fil-punti 85 sa 96 iktar ’il fuq, li r-regoli applikabbli għal dawn l-operazzjonijiet ma jimponux li l-investigaturi tal-OLAF ikunu akkumpanjati minn uffiċjali tal-pulizija nazzjonali fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u li dawn ir-regoli ma jagħtux lill-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari lir-rikorrenti, id-dritt li jopponu għal dawn l-operazzjonijiet u a fortiori li jkunu informati bl-eżistenza ta’ dan id-dritt.

111

Fir-rigward tat-tielet allegazzjoni magħmula mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi rrilevat li din ma pproduċietx lill-Qorti Ġenerali provi li jsostnu l-idea li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, obbligu li jinkiseb mandat ġudizzjarju seta’ joħroġ mid-dritt li s-suġġett għal-liġi għandu għal smigħ minn qorti b’mod indipendenti u imparzjali sa fejn, minn naħa, ir-rikorrenti setgħet tadixxi qorti nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-provi miġbura mill-OLAF fil-kuntest tal-operazzjonijiet ikkontestati setgħux jintużaw fir-rigward tagħha fl-ordinament nazzjonali, u min-naħa l-oħra, hija setgħet tadixxi lill-qorti tal-Unjoni sabiex jiġu mistħarrġa, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-operazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kritika tagħha.

112

Finalment, għandu jitfakkar li, skont regoli applikabbli għall-operazzjonijiet imwettqa mill-OLAF, in-neċessità li jinkiseb mandat ġudizzjarju, meta dan ikun previst mid-dritt nazzjonali, japplika biss f’każ ta’ oppożizzjoni murija mill-operatur ekonomiku, b’mod li l-OLAF ikollu għalhekk jitlob il-forza pubblika nazzjonali, li, skont ir-regoli applikabbli għaliha, għandha tosserva r-regoli tal-ordinament nazzjonali.

113

Issa, kif ġie indikat b’mod partikolari fil-punt 81 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma opponietx għall-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post imwettqa mill-OLAF.

114

Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jinkludi klawżola msejħa “ta’ garanzija minima” li skontha l-OLAF għandu josserva r-regoli nazzjonali, waqt l-investigazzjonijiet, meta dawn jagħtu lill-individwi investigati garanziji iktar estiżi minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni.

115

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lil Stat Membru jostakola l-applikazzjoni ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu għalkollox konformi mal-Karta, minħabba li dawn ma jħarsux id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, EU:C:2013:107, punt 58).

116

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li għalhekk il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk dawn ikunu ta’ livell kostituzzjonali, ma jistax jaffettwa l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, EU:C:2013:107, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, l-individwi jibbenefikaw minn protezzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali waqt l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post imwettqa mill-OLAF peress li, minn naħa, dan l-organu għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprevedi l-konformità tal-azzjoni tiegħu ma’ dawn id-drittijiet u peress li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tadotta miżuri bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ billi tibbaża ruħha fuq provi miksuba matul tali operazzjonijiet jekk dawn tal-aħħar twettqu bi ksur tal-imsemmija drittijiet, kif indikat fil-punt 103 iktar ’il fuq.

118

Għal dawn ir-raġunijiet, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

– Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ effetti tar-rapport tal-investigazzjoni tal-OLAF fuq il-ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-H2020

119

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li sabiex tadotta miżuri li jirrigwardaw ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-H2020, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq provi jew elementi miġbura mill-OLAF fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ proġetti relatati mal-PC7.

120

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-H2020, il-miżuri adottati mill-Kummissjoni jikkonsistu fit-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim dwar in-Numru 645775 – Dragon Star Plus, kif jindika l-punt 50 iktar ’il fuq.

121

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li d-drittijiet u l-obbligi tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ ftehim iffirmat minnha huma rregolati mill-klawżoli li jinsabu fih.

122

Issa, il-ftehim inkwistjoni jipprovdi, fl-Artikolu 50.3.1(m) tiegħu, il-possibbiltà li tiġi tterminata l-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju tal-imsemmi ftehim f’każ ta’ żbalji sistematiċi jew rikorrenti, ta’ irregolaritajiet, ta’ frodi jew ta’ ksur serju tal-obbligi mwettqa fi ftehimiet oħra.

123

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tittermina l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim inkwistjoni meta tali żbalji, irregolaritajiet, frodi jew ksur serju ta’ obbligi twettqu fl-eżekuzzjoni ta’ ftehim, ikun x’ikun il-programm li miegħu jista’ jkun marbut dan tal-aħħar, u għalhekk anki jekk dan il-programm ma jkollux is-simbolu H2020.

124

Skont l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF, ir-rikorrenti aġixxiet billi mmanipulat l-iskedi tal-ħin u tat salarji eċċessivi li ppermettewlha tiffinanzja attivitajiet mhux eliġibbli u tikser il-prinċipju ta’ “nuqqas ta’ profitt” bi preġudizzju għall-baġit u r-reputazzjoni tal-Unjoni. Skont din l-investigazzjoni, dan l-aġir seħħ b’mod rikorrenti matul perijodu ta’ diversi snin u kellu natura ġġeneralizzata, peress li kien adottat mid-direttur tar-rikorrenti kif ukoll mill-persunal ta’ din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, informazzjoni li ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, dan jikkostitwixxi ksur serju tal-obbligi tar-rikorrenti skont il-ftehimiet konklużi fil-kuntest tal-PC7, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni kellha għalhekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tittermina l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim inkwistjoni konkluż fil-kuntest tal-H2020.

125

Minn dan isegwi li r-raba’ motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

– Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

126

Fil-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri kontenzjużi jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

127

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, stipulat bl-Artikolu 5(4) TUE, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jilħqu l-għan tal-azzjonijiet li huma jieħdu (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Diktyo Amyntikon Viomichanion Net vs Il-Kummissjoni, T-703/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:34, punt 156).

128

Skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju huwa intiż sabiex jirregola l-metodi ta’ azzjoni użati mill-Unjoni indipendentement min-natura kuntrattwali jew xort’oħra tagħhom. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali, il-konformità ma’ dan il-prinċipju hija parti mill-obbligu iktar ġenerali tal-partijiet għal kuntratt li jeżegwixxuh in bona fide (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Diktyo Amyntikon Viomichanion Net vs Il-Kummissjoni, T-703/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:34, punt 157).

129

F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-obbligu kienx osservat mill-Kummissjoni meta, fil-kuntest kuntrattwali relatat ma’ din it-tilwima, hija adottat il-miżuri kontenzjużi.

130

Skont il-provi u l-elementi miġbura mill-OLAF, l-aġir ikkritikat tar-rikorrenti jikkonsisti fil-manipulazzjoni tal-iskedi tal-ħin u l-għoti ta’ salarji eċċessivi. Kif indikat fil-punt 124 iktar ’il fuq, dan l-aġir ippermetta lir-rikorrenti tiffinanzja attivitajiet mhux eliġibbli u tikser il-prinċipju ta’ “nuqqas ta’ profitt” bi preġudizzju għal baġit u r-reputazzjoni tal-Unjoni. Dan l-aġir seħħ b’mod rikorrenti matul perijodu ta’ diversi snin u kien ta’ natura ġenerali, peress li kien adottat mid-direttur tar-rikorrenti kif ukoll mill-persunal ta’ din tal-aħħar.

131

Ir-rikorrenti nstemgħet mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni ta’ kull waħda mill-miżuri kontenzjużi. Issa, hija baqgħet ma wrietx li hija ma wettqitx l-irregolaritajiet li din l-istituzzjoni tallega b’mod dettaljat fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2015, konstatazzjonijiet li din l-istituzzjoni kkonfermat u kkompletat fid-deċiżjonijiet tagħha ta’ sospensjoni tal-pagamenti u tax-xoljiment tal-kuntratti, fid-dawl tal-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kif ukoll fid-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Rimedju II fil-kuntest tal-PC7 u fid-deċiżjonijiet ta’ konferma tal-Kummissjoni sussegwenti.

132

Barra minn hekk, minn naħa, fir-rikors ir-rikorrenti ma qajmitx motiv intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-analiżi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar il-prattika tagħha ta’ evalwazzjoni għolja tas-sigħat effettivament imwettqa mid-diretturi eżekuttivi tagħha u dwar il-prattiki ta’ stabbiliment retroattiv tas-sigħat imwettqa mill-membri tal-persunal. Min-naħa l-oħra, l-argument żviluppat insostenn tal-kapijiet tat-talbiet tagħha ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2015, dwar l-irregolaritajiet imwettqa mir-rikorrenti.

133

Issa, dan l-aġir għandu jiġi eżaminat fir-rigward tar-restrizzjonijiet li għandha l-Kummissjoni, u b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 317 TFUE li jimponi fuq din l-istituzzjoni li tiżgura l-amministrazzjoni tajba tar-riżorsi tal-Unjoni u mill-Artikolu 325 TFUE li jobbliga lill-Unjoni u l-Istati Membri jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

134

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-miżuri kontenzjużi, il-Kummissjoni riedet tevita li r-rikorrenti tingħata riżorsi ġodda mill-baġit tal-Unjoni. L-informazzjoni miġbura mill-OLAF tindika r-rikorrenza u n-natura ġenerali tal-aġir ipprojbit adottat mir-rikorrenti. Peress li rċeviet din l-informazzjoni, il-Kummissjoni setgħet taħseb, b’mod leġittimu, li jekk jingħataw, dawn ir-riżorsi l-ġodda kienu ser jintużaw bħal dawk preċedenti, jiġifieri b’mod mhux konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli.

135

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti għamlet żewġ argumenti insostenn tal-motiv tagħha dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni.

136

Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni ġew deċiżi mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-kwalità tax-xogħol imwettaq mir-rikorrenti peress li, skont l-awditi tekniċi mwettqa sa dak iż-żmien fuq ix-xogħol tagħha, hija kienet użat ir-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha b’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba.

137

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-awditi tekniċi msemmija mir-rikorrenti fittxew għan distint minn dak imfittex mill-OLAF fl-investigazzjoni tiegħu. Fil-fatt, dawn huma intiżi sabiex jevalwaw, fuq livell intellettwali, ir-riċerka mwettqa mir-rikorrenti bir-riżorsi mogħtija mill-Kummissjoni. Min-naħa tagħha, l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF fittxet li tistabbilixxi jekk, fuq il-pjan finanzjarju, ir-riżorsi miksuba mingħand l-Unjoni kinux użati skont ir-regoli tal-impenji.

138

Barra minn hekk, indipendentement mid-dritt applikabbli għall-kuntratti ta’ sussidju inkwistjoni, il-Kummissjoni hija marbuta, skont l-Artikolu 317 TFUE, bl-obbligu ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-Unjoni. Fis-sistema tal-għoti ta’ sussidji tal-Unjoni, l-użu ta’ dawn is-sussidji huwa suġġett għal regoli li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni parzjali jew totali ta’ sussidju diġà mogħti. Il-benefiċjarju ta’ sussidju ma jikseb, b’dan il-mod, ebda dritt definittiv għall-pagament komplut tas-sussidju jekk ma jħarisx il-kundizzjonijiet li għalihom kien ġie suġġett l-għoti tas-sussidju (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs IIC, T-500/04, EU:T:2007:146, punt 93).

139

Skont prinċipju fundamentali li jirregola l-għoti ta’ sussidji mill-Unjoni, jistgħu jiġu ssussidjati biss spejjeż effettivament sostnuti. Għalhekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita rwol ta’ kontroll, il-benefiċjarji ta’ tali sussidji għandhom juru n-natura eliġibbli tal-ispejjeż allokati għall-proġetti ssussidjati. Ma huwiex suffiċjenti li juru li proġett twettaq sabiex ikun iġġustifikat l-għoti ta’ sussidju partikolari. Il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu, barra minn hekk, jipproduċi l-prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tas-sussidju kkonċernat. L-obbligu tiegħu li jħares il-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti jikkostitwixxi impenn essenzjali u, minħabba f’hekk, jiddetermina l-għoti tas-sussidju tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs IIC, T‑500/04, EU:T:2007:146, punt 94).

140

Konsegwentement, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fir-rapport tal-investigazzjoni tal-OLAF dwar il-prattiki implimentati mir-rikorrenti kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi adottat il-miżuri kkontestati.

141

Fit-tieni lok, fl-argument tagħha dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod inaċċettabbli billi ħadet miżuri li jaffettwaw il-ftehimiet kollha li jorbtuha magħha filwaqt li l-aġir ipprojbit kien ikkonstatat, fil-fehma tagħha, f’numru limitat biss ta’ sitwazzjonijiet. Skont ir-rikorrenti, reazzjoni iktar xierqa kienet tkun li tinformaha bl-eżistenza tad-diffikultajiet u titlobha tirrimedja l-pożizzjonijiet fejn l-ispejjeż jidhru mhux eliġibbli.

142

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni u kkritikati mir-rikorrenti jaqgħu f’kuntest fejn elementi ta’ prova kienu kkomunikati lil din l-istituzzjoni mill-organu uffiċjalment responsabbli mill-ġlieda kontra l-użu abbużiv ta’ fondi li ġejjin mill-Unjoni, b’dawn l-elementi ta’ prova juru li kienet twettqet frodi serja u rikorrenti, fl-użu ta’ dawn il-fondi, mir-rikorrenti.

143

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet taħseb li, billi tillimita s-sospensjoni ta’ ċerti pagamenti jew billi xxolji biss parti mill-ftehimiet li jorbtuha mar-rikorrenti, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma kinux ser ikunu protetti b’mod suffiċjentement effikaċi, bi ksur tal-obbligu tagħha impost mill-Artikolu 317 TFUE fuq imsemmi. Peress li l-investigazzjonijiet twettqu fil-forma ta’ kampjuni, l-eżistenza ta’ irregolaritajiet ikkonstatata fi ftehim setgħet taffettwa l-fiduċja li l-Kummissjoni kellha fil-kontraenti tagħha u twassalha sabiex tqiegħed inkwistjoni l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntratti kollha konklużi magħha.

144

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ħames motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud, jiġifieri l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

145

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-ħames motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet

146

Permezz tat-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas somom li kienu sospiżi illegalment fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu taħt il-PC7 u l-H2020 u li jammontaw għal EUR 607 404.49 u EUR 226 688.68 rispettivament, flimkien mal-interessi moratorji.

147

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tammetti l-Kummissjoni, matul il-perijodu preċedenti għax-xoljiment, ir-rikorrenti setgħet issostni spejjeż eliġibbli li setgħet titlob il-ħlas tagħhom skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli.

148

Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-finanzjament mill-Unjoni, b’applikazzjoni ta’ kuntratti ta’ sussidju, ma jikkostitwixxix remunerazzjoni tax-xogħol imwettaq mir-rikorrenti, iżda sussidju mogħti għal proġetti li din tal-aħħar twettaq u li l-ħlas tiegħu huwa suġġett għall-kundizzjonijiet preċiżi, stabbiliti kuntrattwalment. Il-finanzjament mill-Unjoni għandu l-għan li jkopri biss spejjeż eliġibbli, kif stabbilit fil-kuntratti inkwistjoni.

149

F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehimiet ta’ sussidju li jaqgħu taħt il-PC7 jipprovdu, fl-Artikolu II.39(1) tagħhom, li f’każ ta’ xoljiment, il-kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni jkunu limitati għall-ispejjeż eliġibbli sostnuti u aċċettati sad-data tax-xoljiment effettiv. Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ sussidju li jaqgħu taħt l-H2020, l-Artikolu 50.3.3(b) jipprovdi li l-Kummissjoni tivverifika, abbażi ta’ rapport perijodiċi, tar-rapport finali u tar-rapport dwar il-ħlas tal-pagamenti, li l-pagamenti rċevuti mill-benefiċjarju ma jeċċedux il-kontribuzzjoni tal-Unjoni (ikkalkolata b’applikazzjoni tar-rata ta’ rimbors għall-ispejjeż eliġibbli ddikjarati mill-benefiċjarju u approvati mill-Kummissjoni) u li l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju sax-xoljiment tal-ftehim biss huma eliġibbli.

150

Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax titlob is-somom indikati ħlief jekk hija turi b’mod partikolari li dawn jikkorrispondu għall-ispejjeż eliġibbli li ġew sostnuti u aċċettati sad-data effettiva tax-xoljiment tal-kuntratt.

151

Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ġabet ebda element ta’ prova jew argument speċifiku f’dan ir-rigward. Hija talbet biss il-ħlas tal-ammonti indikati fil-punt 146 iktar ’il fuq, mingħajr ma spjegat għal xiex jikkorrispondu u mingħajr ma ppreżentat ebda element ta’ natura li jiġġustifika dawn l-ammonti fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

152

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn il-kapijiet tat-talbiet.

Fuq is-seba’ kap tat-talbiet

153

Permezz tas-seba’ kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob “sussidjarjament” in-nomina ta’ espert sabiex jagħmel awditu finanzjarju tal-kuntratti ta’ sussidju kontenzjużi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ spejjeż eliġibbli mhux irrimborsati u li għandhom ikunu kkunsidrati bħala dovuti b’mod inkontestabbli. Din it-talba għandha tiġi interpretata bħala suġġeriment li l-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja skont l-Artikolu 91(e) tar-Regoli tal-Proċedura.

154

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li skont l-impenji kuntrattwali tagħha, ir-rikorrenti għandha tipproduċi l-prova tal-ispejjeż tagħha b’konformità mar-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa mill-Artikolu II.14(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehimiet ta’ sussidju li jaqgħu taħt il-PC7 u mill-Artikolu 6 tal-ftehimiet ta’ sussidju li jaqgħu taħt l-H2020 (sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs IIC, T-500/04, EU:T:2007:146, punti 104105; tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni, T-428/07 u T-455/07, EU:T:2010:240, punt 141, u tal-5 ta’ Ottubru 2016, European Children’s Fashion Association u Instituto de Economía Pública vs EACEA, T-724/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:600, punt 137).

155

Barra minn hekk, hija l-Qorti Ġenerali biss li tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawża quddiemha billi tordna miżuri istruttorji bħal dawk mitluba f’dan il-każ, li ma jistax ikollhom l-għan li jissupplimentaw in-nuqqas tal-parti rikorrenti fl-amministrazzjoni tal-prova (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C-481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, ladarba r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-ammonti li għandhom jitħallsu lilha, ma hemmx lok li tiġi adottata l-miżura istruttorja mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Trivisio Prototyping vs Il-Kummissjoni, T‑184/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:652, punt 102).

Fuq it-talba għad-danni mhux kuntrattwali

156

Permezz tal-ħames kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq inkwistjoni r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni.

157

Fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet dannu marbut mar-reputazzjoni tagħha u man-numru ta’ ordnijiet li tirċievi. Hija tindika li kienet is-suġġett ta’ avviż ta’ verifika fis-sistema ta’ allarm bikri tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-OLAF. Issa, din tal-aħħar kienet inġabret bi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement ikkaratterizzat ta’ regola ta’ dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, jiġifieri ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

158

Fir-replika, ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu materjali addizzjonali li hija sofriet minħabba n-nuqqas imwettaq mill-Kummissjoni, li użat ir-rapport tal-OLAF redatt fuq provi miġbura illegalment sabiex tadotta l-miżuri kontenzjużi. Hija tindika li l-assenza ta’ ħlas tas-somom dovuti tirrappreżenta telf sostanzjali għad-dħul tar-rikorrenti peress li kważi d-dħul kollu tal-kumpannija huwa mill-proġetti ssussidjati mill-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha. Hija tindika wkoll li l-likwidazzjoni tagħha taggrava d-danni materjali sostnuti u li l-avviż ta’ esklużjoni fis-sistema ta’ allarm bikri li tiegħu hija kienet is-suġġett wara l-amministrazzjoni ġudizzjarja tagħha jipprekludiha, fi kwalunkwe każ, milli tirċievi finanzjamenti ġodda fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ sussidju li jaqgħu taħt il-PC7 jew l-H2020.

159

Wara mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat waqt is-seduta li hija tillimita l-argument tagħha dwar l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni għall-ksur tad-dritt nazzjonali u tad-drittijiet fundamentali mill-investigaturi tal-OLAF waqt l-ispezzjonijiet u l-verifiki mwettqa bejn it-2 u l-5 ta’ Diċembru 2014. Skont ir-rikorrenti, dan in-nuqqas jimplika li, minħabba s-sospensjoni tal-pagamenti, ix-xoljiment tal-ftehimiet u l-assenza ta’ kuntratti ġodda, hija ma setgħetx tonora d-djun tagħha u, minħabba f’hekk, tqiegħdet f’likwidazzjoni. Billi ppreġudikat ir-reputazzjoni tar-rikorrenti u billi ostakolat li l-attivitajiet jitkomplew fi żmien qasir jew medju, din il-likwidazzjoni aggravat il-preġudizzju materjali sostnut mir-rikorrenti.

160

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-organi tagħha hija suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u l-Kunsill, T-16/04, EU:T:2010:54, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161

Minħabba n-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud meta waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfatta (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u l-Kunsill, T-16/04, EU:T:2010:54, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali minn istituzzjoni ma jistax, fih innifsu, iwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni msemmija fir-rigward ta’ waħda mill-partijiet li magħha din tkun ikkonkludiet il-kuntratt li fih id-dispożizzjoni msemmija. Fil-fatt, f’tali każ, l-illegalità imputabbli għall-istituzzjoni msemmija għandha oriġini purament kuntrattwali u toriġina mill-obbligu tagħha bħala parti kontraenti u mhux minħabba xi kwalità oħra bħal dik ta’ awtorità amministrattiva. Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali insostenn ta’ talba għad-danni mhux kuntrattwali għandha tiġi ddikjarata ineffettiva (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2015, Synergy Hellas vs Il-Kummissjoni, T-106/13, EU:T:2015:860, punt 149).

163

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li r-responsabbiltajiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jikkoeżistu fir-rigward ta’ waħda mill-kontraenti tagħha. Fil-fatt, in-natura tal-aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni li jikkawża dannu li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għad-danni mhux kuntrattwali ma hijiex predefinita (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C-234/02 P, EU:C:2004:174, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-440/03, T-121/04, T-171/04, T-208/04, T-365/04 u T-484/04, EU:T:2009:530, punt 65).

164

Anki jekk jitqies li teżisti tali koeżistenza tar-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet, din tkun possibbli biss bil-kundizzjoni li, minn naħa, l-illegalità li hija imputata lill-istituzzjoni inkwistjoni tkun tikkostitwixxi nuqqas mhux biss ta’ obbligu kuntrattwali, iżda wkoll ta’ obbligu ġenerali impost fuqha, u, min-naħa l-oħra, li din l-illegalità fir-rigward tal-imsemmi obbligu ġenerali tkun ikkawżat dannu differenti minn dak li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2015, Synergy Hellas vs Il-Kummissjoni, T-106/13, EU:T:2015:860, punt 150).

165

F’dan il-każ, l-ilment imressaq mir-rikorrenti insostenn tat-talba għad-danni mhux kuntrattwali tagħha, miġbur fil-qosor fil-punt 159 iktar ’il fuq, jikkoinċidi mal-allegati nuqqasijiet ta’ obbligu kuntrattwali mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet u ma tqajjem ebda dannu ieħor ħlief dak li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt.

166

Fi kwalunkwe każ, f’din is-sentenza, wara l-eżami tal-ewwel u t-tieni motivi tar-rikorrenti insostenn tal-azzjoni tagħha dwar il-ksur tal-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni, ġie deċiż li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fil-punt 159 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda.

167

Għalhekk, peress li r-rikorrenti naqset milli turi li l-Kummissjoni wettqet nuqqas li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tagħha, it-talba għad-danni mhux kuntrattwali li hija għamlet hija, fi kwalunkwe każ, infondata.

168

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

169

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Sigma Orionis SA hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħti f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Mejju 2018.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Investigazzjoni mwettqa mill-OLAF

 

Intervent tal-Kummissjoni

 

Proċeduri nazzjonali

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-azzjoni għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali

 

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq id-dritt applikabbli

 

Fuq l-ammissibbiltà

 

– Fuq l-interess ġuridiku

 

– Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors

 

Fuq l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet

 

– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Awla Istruttorja

 

– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt Franċiż

 

– Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

 

– Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ effetti tar-rapport tal-investigazzjoni tal-OLAF fuq il-ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-H2020

 

– Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 

Fuq it-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet

 

Fuq is-seba’ kap tat-talbiet

 

Fuq it-talba għad-danni mhux kuntrattwali

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.