SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea — Trade mark verbali FONTOLIVA — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti FUENOLIVA — Raġuni relattiva għal rifjut — Validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti — Sottomissjoni tal-fatti u produzzjoni tal-provi ġodda quddiem il-Qorti Ġenerali — Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti — Setgħa għall-bidla — Artikolu 8(1)(b), Artikolu 42(2) u (3), u Artikoli 65 u 76 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”
Fil-Kawża T‑24/16,
Sovena il-Portugall – Consumer Goods, SA, stabbilita f’Algés (il-Portugall), irrappreżentata minn D. Martins Pereira, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn L. Rampini, bħala aġent,
konvenuta,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO li kienet
Mueloliva, SL, stabbilita f’Córdoba (Spanja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Novembru 2015 (Każ R 1813/2014‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Mueloliva u Sovena Portugal – Consumer Goods,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, li qed jaġixxi bħala President, L. Madise (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2016,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ April 2016,
wara li rat l-assenza ta’ talba għall-organizzazzjoni ta’ seduta min-naħa tal-partijiet prinċipali fit-terminu ta’ tliet ġimgħat li jibda jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u billi ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Ir-rikorrenti, Sovena Portugal – Consumer Goods, SA, ippreżentat lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea bbażata fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali tad-19 ta’ Jannar 2012 Nru 1107792 għat-trade mark verbali FONTOLIVO, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1). |
2 |
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Xaħam u żjut li jittieklu mill-bniedem; żejt taż-żebbuġa”. |
3 |
Ir-reġistrazzjoni internazzjonali ġiet ippubblikata fil‑Bulettin tat‑trade marks Komunitarji Nru 49/2012, tad-9 ta’ Marzu 2012. |
4 |
Fis-26 ta’ Novembru 2012, Mueloliva, SL, proprjetarja ta’ liċenzja esklużiva tat-trade mark, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikoli 41 u 156(1) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. |
5 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq trade mark Spanjola verbali preċedenti FUENOLIVA, ippreżentata fil-15 ta’ Frar 1975 u rreġistrata fis-16 ta’ Diċembru 1977, li tindika ż-“żejt verġni taż-żebbuġa” li taqa’ taħt il-Klassi 29. |
6 |
Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak previst fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
7 |
Fl-14 ta’ Mejju 2014, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni billi kkonkludiet l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
8 |
Fl-14 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
9 |
B’deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2015, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Qabel kollox hija qieset li Mueloliva pproduċiet, wara t-talba f’dan is-sens mir-rikorrenti, il-prova li l-użu ġenwin tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA għaż-“żejt verġni taż-żebbuġa” fi Spanja matul il-perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Settembru 2007 sat-8 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”). Hija għamlet riferiment f’dan ir-rigward għall-fatturi, għall-iskedi ta’ data loġistika, għat-tikketti, għal żewġ studji komparattivi u għall-artikli fl-istampa prodotti minn Mueloliva, billi għamlet evalwazzjoni globali ta’ dawn il-provi, filwaqt li ammettiet li wħud minnhom ma kellhomx data jew ma kellhomx id-data tal-perijodu rilevanti (punti 14 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni taż-żewġ trade marks f’kunflitt, li l-pubbliku rilevanti kien il-pubbliku kbir fi Spanja, li huwa l-prova ta’ grad ta’ attenzjoni medju billi jixtri żjut u xaħam li jittieklu mill-bniedem (punti 37 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija osservat li kien stabbilit bejn il-partijiet li l-prodotti koperti mit-trade marks verbali f’kunflitt kienu identiċi jew jixxiebħu ħafna (punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi qabblet is-sinjali f’kunflitt, hija rrilevat li kienu jikkonsistu t-tnejn li huma f’kelma ta’ disa’ ittri, li kellhom komuni il-kelma “oliva”, peress li din tal-aħħar kellha hija stess karattru distintiv sa fejn tirreferi għall-prodotti li ġejjin miż-żebbuġ jew li fihom iż-żejt taż-żebbuġa. L-effett ta’ din il-kelma fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tat-trade marks f’kunflitt huwa għaldaqstant limitat (punti 46 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell reġa’ żied li, viżwalment, l-unika differenza ta’ żewġ ittri fuq disa’ li jikkomponu l-elementi verbali li jikkostitwixxu t-trade marks f’kunflitt kienet insuffiċjenti, fid-dawl tal-kelma komuni “oliva” biex jiġi evitat impressjoni ġenerali ta’ xebh. Fonetikament, l-elementi verbali jixxiebħu u, kunċettwalment, minkejja li l-kelma komuni “oliva” tirreferi għaż-żebbuġ jew għaż-żejt taż-żebbuġa, l-elementi “fuen” u “font” kienu jirreferu t-tnejn li huma għall-kelma Spanjola “fuente”, li tiddeskrivi funtana jew sors, liema fatt iwassal mill-inqas għal xebh, jekk mhux identità tat-trade marks f’kunflitt (punti 49 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li jitqiesu dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Bord tal-Appell għalhekk qies li, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt (punti 52 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata). |
It-talbiet tal-partijiet
10 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
11 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet
12 |
It-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jitqies bħala intiż li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, tiċħad l-oppożizzjoni mressqa minn Mueloliva u, min-naħa l-oħra, tilqa’ t-talba ta’ protezzjoni fl-Unjoni. Huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, billi tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, kif jirrileva l-EUIPO, konformement mal-Artikolu 64(1) tal-istess regolament, il-Bord tal-Appell jista’ biss jeżerċita l-kompetenzi tal-istanzi li ħadet id-deċiżjoni li hija kkontestata quddiemu jew jibgħatilha l-kawża għal aktar azzjoni. Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li hija kkontestata quddiem il-Bord tal-Appell ġejja minn Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni li għandha biss kompetenza biex tiddeċiedi fir-rigward ta’ oppożizzjoni u, jekk ikun il-każ, jekk din hija fondata, biex tiċħad talba għal protezzjoni fl-Unjoni skont reġistrazzjoni internazzjonali jew skont reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, iżda mhux biex tirrispondi b’mod favorevoli għall-imsemmija talba. Minbarra dan, hemm lok li jitfakkar li, minn naħa, fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni kif inhi prevista mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 207/2009, li tippreżumi qabelxejn stħarriġ inizjali minn eżaminatur, b’mod partikolari fid-dawl tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, imbagħad, f’każ ta’ konklużjoni favorevoli ta’ dan l-istħarriġ, pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bil-għan li jiġu permessi eventwali oppożizzjonijiet fid-dawl tar-raġunijiet relattivi għal rifjut u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament dwar il-persuni ammessi li jippreżentaw rikors, li jipprovdu li “[k]ull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella”, Bord tal-Appell ma huwa ser ikun qatt f’sitwazzjoni li jwettaq reġistrazzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni tiegħu tista’ tintervjeni biss fil-kuntest ta’ appell kontra deċiżjoni meħuda fil-ħruġ ta’ stħarriġ inizjali sfavorevoli ta’ eżaminatur, f’liema każ, jekk jagħti raġun lill-awtur tar-rikors, il-proċedura ser ikollha tkompli permezz tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jew fil-kuntest ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, f’liema każ, kif ġie indikat preċedentement, huwa mhux ser ikun jista’ iżjed isegwi huwa stess l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, ma huwiex obbligu iktar tal-Qorti Ġenerali li tieħu konjizzjoni ta’ talba għall-bidla intiża li temenda f’dan is-sens id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, Euro-Information vs UASI (EURO AUTOMATIC PAYMENT), T‑28/10, EU:T:2011:158, punt 13]. |
13 |
Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż li l-Qorti Ġenerali tilqa’ it-talba ta’ protezzjoni għall-Unjoni. Min-naħa l-oħra, huwa ammissibbli sa fejn dan il-kap tat-talbiet huwa intiż li jitlob iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni mressqa minn Mueloliva [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Koscher + Würtz vs UASI – Kirchner & Wilhelm (KW SURGICAL INSTRUMENTS), T‑445/12, EU:T:2014:829, punti 15, 18 u 40]. |
Fuq il-mertu
14 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) u (2) tal-istess regolament, u jkopri l-insuffiċjenza tal-provi prodotti tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u huwa maqsum f’żewġ partijiet. Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, meta l-Bord tal-Appell ikkonferma l-fondatezza tal-oppożizzjoni, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA, li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, ma kinitx is-suġġett ta’ tiġdid. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt. Għal dawn ir-raġunijiet, l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha hija inġustifikata. |
15 |
Għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni motiv. |
Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
16 |
Ir-rikorrenti tesponi li rrealizzat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-proprjetarju tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA ma kienx iġġedded ir-reġistrazzjoni tagħha qabel li l-Bord tal-Appell ma adotta d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, peress li r-reġistrazzjoni inizjali saret applikazzjoni għaliha fil-15 ta’ Frar 1975 u d-dritt Spanjol li jipprevedi validità tar-reġistrazzjonijiet għal għaxar snin b’effett mid-data tal-applikazzjoni tagħhom, ir-reġistrazzjoni kien imissha tiġġedded fil-15 ta’ Frar 2015. Issa, l-aġġornament, fit-2 ta’ Diċembru 2015, tar-rekord fuq it-trade mark inkwistjoni editjat mill-Oficina Española de Patentes y Marcas (l-uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Spanjol) jindika li l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tiegħu ġie kkonstatat fis-26 ta’ Novembru 2015. |
17 |
Billi tagħmel riferiment għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2006, MIP Metro vs UASI –Tesco Stores (METRO) (T‑191/04, EU:T:2006:254),u billi tagħmel enfasi li l-Qorti Ġenerali indikat f’din is-sentenza li l-Bordijiet tal-Appell jeżerċitaw, minbarra r-rinviju, il-kompetenzi tal-istanza li ħadet id-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell ippreżentat quddiemhom u li huma ma jistgħux huma stess jadottaw deċiżjoni illegali fil-mument fejn huma jiddeċiedu, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ma setgħax jikkonferma l-fondatezza tal-oppożizzjoni. |
18 |
Ir-rikorrenti żżid li, fil-bidu tax-xahar ta’ Jannar 2016, applikazzjoni ġdida għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola ġiet ippreżentata għat-trade mark FUENOLIVA li tindika ż-żejt taż-żebbuġa, f’isem Fuentes Lopez, SL, mingħajr ma hija taf jekk dan l-applikant għandu rabtiet ma’ Mueloliva. |
19 |
L-EUIPO jindika, min-naħa tiegħu, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata fil-5 ta’ Novembru 2015, jiġifieri qabel il-pubblikazzjoni, fit-2 ta’ Diċembru 2015, tal-iskadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA mill-Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Spanjol, u li, fuq il-bażi tal-provi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell, xejn ma kien jindika li r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark ma hijiex mġedda, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2006, METRO (T‑191/04, EU:T:2006:254), li fiha l-opponenti ma kienx ipproduċa l-prova tat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu, minkejja li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet talbithielu. Skont l-EUIPO, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA kienet dejjem valida meta l-Bord tal-Appell iddeċieda. |
20 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet jinterpretaw b’mod differenti d-dritt nazzjonali fir-rigward tat-tul tal-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. L-EUIPO jidher li jikkunsidra li reġistrazzjoni ta’ trade mark quddiem l-Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Spanjol jibqa’ validu sakemm l-iskadenza tagħha ma ġietx ippubblikata (f’dan il-każ it-2 ta’ Diċembru 2015), filwaqt li r-rikorrenti tqis li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Spanjola tieqaf milli tkun valida, fl-assenza ta’ tiġdid, fl-iskadenza tal-perijodu tagħha ta’ validità ta’ għaxar snin (f’dan il-każ il-15 ta’ Frar 2015). Madankollu, din id-diverġenza ta’ interpretazzjoni hija mingħajr effett f’dan il-każ. |
21 |
Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tkun evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jeżistu fid-data fejn l-att ittieħed [sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punti 7 u 8; tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 49; digriet tas-7 ta’ Frar 2013, Majtczak vs Feng Shen Technology u UASI, C‑266/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:73, punt 45, u s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Laboratorios Ern vs UASI – michelle menard (Lenah.C) (T‑802/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:25, punt 15)]. |
22 |
Għaldaqstant, jekk wieħed jippreżumi li r-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA ġiet dejjem validata matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kemm jekk tkun biss ftit ġimgħat qrib, irrispettivament mill-kwistjoni tal-oneru tal-prova ta’ din is-sitwazzjoni, il-Bord tal-Appell seta’ biss jibbaża fuq din il-premessa biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma l-Qorti Ġenerali tista’ issa tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni iktar tard tal-iskadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA, u lanqas, barra minn hekk, tibbaża fuq dik biex tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, digriet tat-8 ta’ Mejju 2013, Cadila Healthcare vs UASI, C‑268/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:296, punti 32 u 33; is-sentenzi tal-4 ta’ Novembru 2008, Group Lottuss vs UASI – Ugly (COYOTE UGLY), T‑161/07, mhux ippubblikata, EU:T:2008:473, punti 49 u 50, u tat-8 ta’ Ottubru 2014, Fuchs vs UASI – Les Complices (Étoile dans un cercle), T‑342/12, EU:T:2014:858, punt 24]. |
23 |
Jekk wieħed jippreżumi li, kif issostni r-rikorrenti, il-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA skadiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ċertament għandu jiġi ammess, kif ġie ġudikat fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2006, METRO (T‑191/04, EU:T:2006:254, punt 32), li l-funzjoni ta’ identifikazzjoni tal-oriġini ta’ trade mark preċedenti ma tistax tkun mhedda minn trade mark oħra li hija rreġistrata biss wara l-iskadenza tat-trade mark preċedenti u li, fl-assenza ta’ perijodu li matulu ż-żewġ trade marks jeżistu flimkien, ebda kunflitt ma jista’ jiġi ppreżentat. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, kif ġie ġudikat fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY) (T‑247/01, EU:T:2002:319, punt 46), u fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, KUKA Roboter vs UASI (Nuance de la couleur orange) (T‑97/08, EU:T:2010:396, punt 11), li l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-invokazzjoni tal-fatti l-ġodda quddiem il-Qorti Ġenerali li jekk jintwera li l-Bord tal-Appell kellu, ex officio, jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatti matul il-proċedura amministrattiva qabel ma jadotta d-deċiżjoni tiegħu. |
24 |
Għaldaqstant, sa fejn la r-rikorrenti u lanqas Mueloliva ma indirizzawx il-kwistjoni tal-iskadenza tal-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA jew ma pprovdewx elementi għal dan is-suġġett matul il-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi eżaminat jekk dan għandu jqajjem ex officio din il-kwistjoni. |
25 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 19(1) u (2)(a)(ii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), jipprovdu b’mod partikolari li, f’terminu determinat mill-EUIPO, l-opponent għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza, tal-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti u b’mod partikolari, fir-rigward ta’ trade mark preċedenti minbarra trade mark tal-Unjoni Ewropea diġà rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jikkorrispondi u, jekk ikun il-każ, tal-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid li jattesta li t-terminu tal-protezzjoni tat-trade mark jaqbeż it-terminu determinat mill-EUIPO msemmi iktar ’il fuq, kif ukoll l-eventwali estensjonijiet tal-imsemmi terminu, jew kull dokument ieħor ekwivalenti li ġej mill-amministrazzjoni li quddiemha l-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippreżentata. Fid-dawl tat-titolu u tal-post tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija hawn fuq fi ħdan id-dispożizzjonijiet ta’ proċedura kollha applikabbli għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea (rispettivament, fi ħdan it-Titolu IV, “Il-Proċedura ta’ Reġistrazzjoni”, Taqsima 4 “Osservazzjonijiet minn terzi persuni u oppożizzjoni”, tar-Regolament Nru 207/2009 u, fi ħdan it-Titolu II, “Proċedura għall-Oppożizzjoni u Prova tal-Użu”, tar-Regolament Nru 2868/95), u fid-dawl ukoll tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jgħid li Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni hija kompetenti għal kull deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, meta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni jsemmu “terminu stabbilit mill-EUIPO”, għandu jiġi kkonstatat li huwa fir-rigward ta’ terminu stabbilit mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. |
26 |
Fit-tieni lok, anki jekk il-Bordijiet tal-Appell aditi minn appelli kontra deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet ta’ Oppożizzjoni jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ dawn fuq il-mertu, il-kuntest proċedurali li huwa applikabbli quddiem il-Bordijiet tal-Appell ma huwiex l-istess bħal dak applikabbli quddiem id-Diviżjonijiet ta’ Oppożizzjoni. B’hekk, minkejja li, quddiem id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, l-opponent huwa obbligat, b’applikazzjoni tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, li jipprovdi, fit-terminu ffissat mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni għall-preżentazzjoni tal-elementi neċessarji insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu, il-prova li l-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti teċċedi dan it-terminu, għandu jiġi konstatat li r-regoli proċedurali applikabbli quddiem il-Bordijiet tal-Appell ma jinkludux dispożizzjonijiet paragunabbli. |
27 |
Fil-fatt, fost id-dispożizzjonijiet ta’ proċedura li jikkonċernaw il-prinċipju ta’ kontradittorju u l-aggravji, argumenti u fatti li għandhom jiġu artikolati applikabbli quddiem il-Bordijiet tal-Appell, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, li jagħmel parti, fi ħdan it-Titolu IX ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura”, mit-Taqsima 1, dwar dispożizzjonijiet ġenerali ta’ proċedura applikabbli għall-istanzi differenti tal-EUIPO u li jikkonċerna l-eżami ex officio tal-fatti, jipprovdi: “1. Fi proċedimenti quddiemu l-[EUIPO] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-[EUIPO] għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba. 2. L-[EUIPO] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.” |
28 |
Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li jidher fit-Titolu X “Appelli”, tal-imsemmi regolament, jipprovdi ċarament li, “[s]akemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandhom japplikaw għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis”. Madankollu, it-tielet subparagrafu tal-istess paragrafu jistabbilixxi d-dispożizzjoni kuntrarja li ġejja: “Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu [76(2) tar-Regolament Nru 207/2009].” |
29 |
Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jirriżultax, u lanqas mid-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli, li Bord tal-Appell adit b’appell kontra deċiżjoni ta’ Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni li ħadet deċiżjoni fuq raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, tkun hija stess obbligata li tqajjem ex officio l-kwistjoni tal-waqfien tal-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu ffissat mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni lill-opponent sabiex jipproduċi l-prova ta’ din il-validità. |
30 |
Barra minn hekk, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tista’ tiġi interpretata bħala li tobbliga l-opponent li jipproduċi ex officio l-prova li r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti hija valida sal-mument fejn il-Bord tal-Appell jiddeċiedi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Anheuser-Busch vs UASI, C‑214/09 P, EU:C:2010:456, punti 56 sa 69). |
31 |
Il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq huma madankollu mingħajr ħsara għall-possibbiltà, għall-applikant tat-trade mark li għamel is-suġġett tal-oppożizzjoni, li jargumenta quddiem il-Bord tal-Appell li l-prova taż-żamma tal-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti għal perijodu raġonevoli, fid-dawl tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, ma huwiex prodott mill-opponent, sabiex jinkoraġġixxi lil dan tal-aħħar li jirrispondi f’dan ir-rigward u l-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet proċedurali mfakkra fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq. |
32 |
Madankollu, kif ġie indikat preċedentement, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ma qajmitx quddiem il-Bord tal-Appell il-kwistjoni taż-żamma tal-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA, minkejja li s-sena 2015, matul liema sena l-imsemmija reġistrazzjoni waslet fl-iskadenza u kellha jekk kien il-każ tiġi mġedda, kienet viċin, saħansitra diġà bdiet, anki meta r-reġistratur tal-Bordijiet tal-Appell ikkomunikalha, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2015, l-osservazzjonijiet b’risposta ta’ Mueloliva, billi indika li l-Bord adit kien iqis li jkun jista’ jaqsam it-tilwima fuq il-bażi tal-elementi tal-proċess u, konsegwentement, li replika ma kinitx prevista. Ir-rikorrenti setgħet tagħmilha f’dak il-mument billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 li jipprovdu li l-“[EUIPO] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati”. |
33 |
Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati fis-sens li, bħala regola ġenerali u ħlief dispożizzjoni kuntrarja, il-preżentazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-partijiet quddiem l-EUIPO jibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom tinsab suġġetta din il-preżentazzjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u li ma hemm ebda projbizzjoni għall-EUIPO li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi b’hekk invokati jew prodotti fit-tard, jekk ikun il-każ għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell [sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punt 30; ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI – Underberg (Forme d’un brin d’herbe dans une bouteille), T‑235/12, EU:T:2014:1058, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Ċertament, kif ġie indikat fil-punt 28 iktar ’il fuq, ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jipprovdi sistema partikolari meta rikors huwa ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni. Jekk l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri quddiem l-istanza li tat id-deċiżjoni li hija kkontestata huma applikabbli mutatis mutandis għall-proċedura tar-rikors, it-tielet subparagrafu tiegħu huwa deroga għal dan il-prinċipju għall-appelli ppreżentati kontra deċiżjoni ta’ Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni billi tipprevedi li l-Bord tal-Appell jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell seta’ għalhekk, jekk kien ġie adit, iqis li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tal-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA minħabba l-iskadenza possibbli li jmiss tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 32). |
34 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni l-possibbli assenza ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA, li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, meta huwa adotta id-deċiżjoni kkontestata, kienet x’kienet definittivament id-data tat-tmiem tal-validità ta’ din ir-reġistrazzjoni skont id-dritt Spanjol. |
35 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) u (2) tal-istess regolament
36 |
Ir-rikorrenti tqis li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell għamlu analiżi żbaljata tal-elementi prodotti minn Mueloliva bl-għan li juru l-użu ġenwin tat-trade mark Spanjol preċedenti FUENOLIVA fi Spanja matul il-perijodu ta’ ħames snin li ppreċedew il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tat-trade mark FONTOLIVA. Wara li fakkret ċertu numru ta’ prinċipji approvati mill-qorti tal-Unjoni għall-finijiet li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u billi għamlet riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, EU:C:2003:145), ir-rikorrenti ssostni li l-elementi prodotti minn Mueloliva kkonsistew f’għaxar fatturi, żewġ rekords ta’ data loġistika, tliet tipi ta’ tikketti, żewġ estratti ta’ studji komparattivi u artikli fl-istampa. Hija tenfasizza prinċipalment li wieħed mill-artikli fl-istampa bid-data 2004 u ma hijiex fil-perijodu rilevanti, li t-tikketti ma humiex bid-data minkejja li huma jistgħu jkunu, billi huma destinati għal prodotti tal-ikel, li l-estratt ta’ wieħed mill-istudji komparattivi ma jistax iktar ikollu data, li barra minn hekk huwa miktub bil-lingwa Spanjola u ma ġiex tradott kollu kemm hu (bħal f’dokumenti oħrajn) fil-lingwa tal-proċedura, jiġifieri bl-Ingliż, minkejja li ġie emendat manwalment bit-traduzzjonijiet parzjali u li b’hekk ma huwiex possibbli li wieħed ikun jaf la l-kuntest tiegħu u lanqas il-kuntest eżatt tiegħu, ħlief l-għaxar fatturi, mill-2010 u mill-2011, huma spazjati fil-fatturazzjoni u li xejn ma jipprova li l-fatturi l-oħrajn maħruġa bejn dawn l-għaxar fatturi kienu jkopru xi bejgħ taħt it-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA, li tlieta mill-għaxar fatturi jinkludu barra minn hekk li jsemmu “FUE” u mhux it-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA minkejja li barra minn hekk fatturi oħrajn isemmu wkoll it-trade mark FUENSOL, li r-rekords ta’ data loġistika ma jinkludu la dati u lanqas destinatarji, li l-istudju komparattiv l-ieħor, bid-data tal-2007, ċertament jagħmel referenza għat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA, iżda ma jagħti ebda indikazzjoni oġġettiva fuq il-kummerċjalizzazzjoni reali taż-żejt taż-żebbuġa taħt din it-trade mark u barra minn hekk isemmi l-prezz ta’ EUR 2.55 għal kull litru, differenti minn dawk indikati fil-fatturi tal-2010 u 2011, li jvarjaw minn EUR 1.74 għal EUR 1.94 għal kull litru. Billi r-rikorrenti tikkonkludi li l-uniċi dokumenti rilevanti, jiġifieri is-seba’ fatturi, ma kinux jippermettu li juru li, kuntrarjament għal dak li kkonstataw id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell, “anki jekk il-kwantitajiet huma ftit importanti […] din hija bbilanċjata mill-fatt li l-użu kien relattivament kostanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-kuntrarju, id-dokumentazzjoni pprovduta tirrileva użu biss puntwali tat-trade mark nazzjonali preċedenti FUENOLIVA, għal xi xhur fl-2010 u b’xahar wieħed biss fl-2011, anki jekk iż-żejt taż-żebbuġa huwa prodott tal-ikel ta’ kuljum, mhux għoli u ġeneralment mibjugħ fi kwantitajiet kbar. Is-sitwazzjoni identifikata fil-ġurisprudenza, li fiha l-interdipendenza tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tittieħed deċiżjoni fuq l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti tista’ tippermetti li jiġi ammess tali użu għalkemm volum baxx ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt din it-trade mark hija kkumpensata minn intensità qawwija jew kostanza kbira fiż-żmien tal-użu tal-imsemmija trade mark, ma jkunx għalhekk ivverifikat bl-ebda mod f’dan il-każ. |
37 |
L-EUIPO jikkunsidra, min-naħa tiegħu, li l-fatturi prodotti minn Mueloliva jistabbilixxu bejgħ ta’ 3500 unitajiet ta’ żejt taż-żebbuġa fi Spanja taħt it-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA bejn it-22 ta’ Marzu 2010 u l-31 ta’ Ottubru 2011, liema fatt huwa suffiċjenti li jistabbilixxi l-użu ġenwin tal-imsemmija trade marks għall-perijodu rilevanti, minkejja li fatturi intermedjarji kien imisshom inħarrġu. Il-provi mingħajr dati jew stabbiliti barra mill-perijodu ta’ referenza jsaħħu din il-konklużjoni. B’hekk, it-tikketti, normalment mingħajr dati, jikkonfermaw l-użu tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA u l-elementi stabbiliti barra mill-perijodu rilevanti jippermettu li wieħed jevalwa s-sitwazzjoni b’mod aħjar. L-EUIPO iżid jgħid li l-kritika fuq il-provi mhux tradotti bil-lingwa tal-kawża ma hijiex, sa fejn tikkonċerna l-assenza tagħha ta’ traduzzjoni, ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali, għaliex ippreżentata għall-ewwel darba quddiemha, u li fi kwalunkwe każ ir-Regola 22(6) tar-Regolament Nru 2868/95 tħalli lill-EUIPO l-atitudni li jitlob, jew le, lill-opponent it-traduzzjoni, bil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, provi tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti li huma stabbiliti b’lingwi oħrajn. F’dan il-każ, id-dokumenti inkwistjoni jinftiehmu ċarament għall-finijiet li jiġi eżaminat l-użu ġenwin tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA. |
38 |
Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, jirriżulta li r-ratio legis tar-rekwiżit li t-trade mark preċedenti trid tkun ġiet użata b’mod ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea huwa li jiġu limitati l-kunflitti bejn żewġ trade marks, għall-inqas li ma tkunx teżisti raġuni ekonomika ġusta fl-assenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti li tirriżulta minn funzjoni effettiva tagħha fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma huma intiżi la biex jevalwaw is-suċċess kummerċjali u lanqas biex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża jew ukoll biex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks għall-użi kummerċjali biss tagħhom fuq skala kbira [ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Reber vs UASI – Wedi & Hofmann (Walzer Traum), T‑355/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:22, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
39 |
Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm żbokk għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-iskop uniku li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul,C‑40/01, Ġabra, EU:C:2003:145, punt 43). Minbarra dan, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti teħtieġ li din, kif inhi protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u lejn l-esterjuri [is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 37]. |
40 |
L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati li huma ġġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark inkwistjoni, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, kif ukoll il-firxa u l-frekwenza tal-użu mill-imsemmija trade mark (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40, EU:C:2003:145, punt 43). |
41 |
Dwar l-importanza tal-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, minn naħa, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu u, min-naħa l-oħra, it-tul ta’ żmien li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, [sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225,punt 41, u tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, EU:T:2004:223, punt 35]. |
42 |
Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi kkunsidrati. Għalhekk, volum żgħir ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew regolarità kbira fiż-żmien tal-użu minn din it-trade mark u bil-maqlub. Id-dħul mill-bejgħ miksub kif ukoll il-kwantità ta’ bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il‑livell ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il‑karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba f’hekk ma huwiex neċessarju li l-użu tat-trade mark preċedenti jkun dejjem f’kwantitajiet kbar biex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin (is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 42, u tat-8 ta’ Lulju 2004, HIPOVITON,T‑334/01, EU:T:2004:223, punt 36) Għaldaqstant, anki użu minimu jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin, bil-kundizzjoni li jitqies li huwa ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq għall-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, EU:T:2006:310, punti 70 u 72). |
43 |
Madankollu, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jippruvaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat [is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, EU:T:2002:316, punt 47, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, EU:T:2004:292, punt 28]. |
44 |
F’dan il-każ, il-provi diretti ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa taħt it-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA matul il-perijodu rilevanti prodotti minn Mueloliva huma limitati għal seba’ fatturi li jsemmu bis-sħiħ it-trade mark. Fil-fatt, it-tliet fatturi oħrajn prodotti jsemmu “Oliva intenso 15 x 1 PET CUAD FUE” liema fatt ma jippermettix li jiġi ddikjarat li dan ir-riferiment ma għadux il-kodiċi tal-prodott assoċjat fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa tat-trade mark FUENOLIVA. Fl-ordni kronoloġika, is-seba’ fatturi li jsemmu b’mod sħiħ it-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA huma bid-dati tat-22 ta’ Marzu, tas-6, it-8 u t-12 ta’ April, tal-11 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Settembru 2010 kif ukoll tas-6 ta’ Frar 2011. Bl-eċċezzjoni tal-aħħar waħda, huma kollha indirizzati lill-istess grossista. L-ewwel sitta jirrigwardaw volum ta’ 28050 litru ta’ żejt FUENOLIVA SABOR INTENSO u s-seba’ waħda tirrigwarda volum ta’ 14040 litru tal-istess żejt, iżda f’imballaġġ ieħor. Konsegwentement, il-provi diretti jikkonċernaw fatturazzjonijiet matul perijodu ta’ inqas minn sena għal volum tal-ordni ta’ 42000 litru. Dawn il-bejgħ huma waħedhom insuffiċjenti biex jistabbilixxu użu ġenwin tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA. Huma konċentrati fuq perijodu relattivament qasir u l-kwantità hija żgħira għal produttur taż-żejt taż-żebbuġa bħal Mueloliva, li, skont wieħed mill-artikli fl-istampa prodott minnha stess insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, tikkontrolla 1.5 % tas-suq nazzjonali u 6 % tas-suq reġjonali (f’Andalucía). Barra minn hekk, Mueloliva kkwalifikat il-fatturi li pproduċiet bħala “eżempju fil-qosor” fir-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni u din tal-aħħar ammettiet li “iċ-ċifri tal-bejgħ li jidhur fil-fatturi ma [kinux] importanti”. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, kif emfasizzat ir-rikorrenti, li ż-żejt taż-żebbuġa huwa prodott tal-ikel ta’ konsum kbir, mibjugħ fi flussi kontinwi u li, f’dan il-kuntest, fid-dawl tal-istatura ta’ Mueloliva tali użu tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA ma jistax jitqies bħala użu ġenwin għall-finijiet li jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq. L-argument imressaq mill-EUIPO li jgħid li l-fatturi prodotti jistgħu jiġu kkompletati minn fatturi oħrajn ma jippermettix li titqiegħed f’dubju din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa l-opponent li għandu jipproduċi, fuq rikors tal-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti li tiġġustifika l-oppożizzjoni għal din ir-reġistrazzjoni. Issa, f’dan il-każ, Mueloliva ma pproduċiet ebda fattura oħra li dawn jidhru fil-proċess, minkejja l-kritika fuq l-insuffiċjenza tagħhom magħmula mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tal-20 ta’ Jannar 2014 quddiem id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni u fis-sottomissjonijiet oħra tagħha tal-15 ta’ Settembru 2014 quddiem il-Bord tal-Appell. |
45 |
Il-provi l-oħra li pproduċiet Mueloliva biex turi l-użu ġenwin tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA matul il-perijodu rilevanti, meħudin kollha flimkien, huma nfushom dgħajfa. Ir-rekords tad-data loġistika u t-tikketti prodotti huma elementi li ma jipproduċu ebda prova serja ta’ użu pubbliku u esterjuri tat-trade marks preċedenti, kuntrarjament għal dak li jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ stampi ta’ fliexken li għandhom l-istess tikketti li jidhru fil-katalogi jew fil-prospectus. Waħda mill-istudji komparattivi li jsemmi ż-żejt taż-żebbuġa tat-trade mark FUENOLIVA, jiġifieri dijanjożi ambjentali, għandu biss id-data tal-5 ta’ April 2001 fid-dawl tar-riferiment ta’ din il-produzzjoni agrikola, jiġifieri f’data mbiegħda ħafna mill-perijodu rilevanti. L-istudju komparattiv l-ieħor isemmi ż-żejt taż-żebbuġa tat-trade mark FUENOLIVA, jiġifieri paragun tal-prezz stabbilit minn assoċjazzjoni ta’ konsumaturi, għandha d-data tal-5 ta’ Novembru 2007. Dan l-istudju jista’ jiġi kkunsidrat bħala prova tal-użu tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA fil-bidu tal-perijodu rilevanti. L-artiklu li tqiegħed online fuq is-sit Internet tal-imsemmija assoċjazzjoni ta’ konsumaturi, li tikkummenta dan l-istudju, ma jipproduċix prova supplimentarja. L-artiklu li tqiegħed online fuq is-sit Internet ta’ assoċjazzjoni professjonali, bid-data ta’ Jannar 2008, huwa stess hu kummentarju tal-istudju preċedenti u ma jipproduċix iktar għalhekk prova supplimentarja. L-artiklu tal-istampa bid-data tal-15 ta’ April 2004, iddedikat għal bidla fl-ishma fi ħdan Mueloliva, ċertament jirreferi għat-trade mark FUENOLIVA fil-portafoll tat-trade marks tal-opponent, iżda minn naħa, dan l-artiklu huwa nettament preċedenti għall-perijodu rilevanti u, min-naħa l-oħra, ma jagħti ebda indikazzjoni fuq l-użu reali tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA. Fl-aħħar nett, l-estratt ta’ sit Internet tal-Gvern ta’ Singapor għal dieta tajba, li huwa diffiċli li tingħata data lill-elaborazzjoni tagħha, anki jekk jidher kummentarju ta’ April 2012 u ieħor ta’ Frar 2013, isemmi ċarament, fost iż-żjut u x-xaħmijiet numerużi ħafna, iż-żejt fuenoliva Pomace Olive Oil – 1 L, iżda, mill-inqas, ma jagħti ebda indikazzjoni fuq l-użu tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA għaż-żejt verġni taż-żebbuġa fi Spanja, prodott u territorju li għalihom l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark kellha tiġi pprovata. |
46 |
Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-elementi tanġibbli li jattestaw użu tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA matul il-perijodu rilevanti, li jistgħu jiġġustifikaw l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea għat-trade mark FONTOLIVA, juru biss li t-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA ġiet użata fl-aħħar tal-2007, mingħajr indikazzjoni tal-volumi tal-bejgħ, u minn Marzu 2010 sa Frar 2011, għall-volumi żgħar ta’ bejgħ, Meħudin kollha flimkien, il-provi prodotti minn Mueloliva ma jippermettux għalhekk li jiġi stabbilit, kuntrarjament għal dak li qieset id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, ikkonfermat mill-Bord tal-Appell, użu relattivament kostanti tat-trade mark preċedenti li sejra tikkumpensa id-dgħjufija tal-bejgħ ta’ prodotti taħt din it-trade mark. |
47 |
Minn dan jirriżulta li l-użu ġenwin tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA fi Spanja għaż-żejt verġni taż-żebbuġa matul il-perijodu rilevanti ma ntweriex minn Mueloliva fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punti 38 sa 43 iktar ’il fuq, b’mod partikolari fid-dawl tad-dgħjufija tal-volumi li ġie pprovat li ġew ikkummerċjalizzati taħt din it-trade mark u tal-karattru mhux regolari tal-bejgħ inkwistjoni matul il-perijodu rilevanti meta mqabbel mal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni taż-żejt verġni taż-żebbuġa tal-opponent u għall-karatteristiċi ta’ dan il-prodott ta’ ikel ta’ konsum kbir. L-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa għalhekk fondat. |
48 |
Konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tieni motiv mressqa mir-rikorrenti. |
49 |
Barra minn dan, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, jekk is-setgħa ta’ tibdil rikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandhiex bħala effett li tagħti lilha s-setgħa li tagħmel evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma ħax pożizzjoni, jista’ jiġi eżerċitat fis-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li stħarrġet evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun tista’ tiddetermina, fuq il-bażi tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt kif inhuma stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien obbligat li jieħu (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72). |
50 |
F’dan il-każ, peress li Mueloliva diġà kellha ampjament il-possibbiltà li tippreżenta, fl-2013 u fl-2014, quddiem id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell il-provi ta’ użu ġenwin tat-trade mark Spanjola preċedenti FUENOLIVA matul il-perijodu rilevanti, peress li l-Bord tal-Appell ta deċiżjoni f’dan ir-rigward u l-assenza ta’ wiri ta’ tali użu tippermetti li jiċħad l-oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li tbiddel id-deċiżjoni kkontestata u li tiċħad l-oppożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
51 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-EUIPO tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż f’konformità mat-talbiet tar-rikorrenti. |
52 |
Barra minn dan, ir-rikorrenti talbet li l-EUIPO u Mueloliva jkunu kkundannati għall-ispejjeż li hi sostniet matul il-proċedura quddiem l-EUIPO. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
54 |
Għaldaqstant, sa fejn it-talba tar-rikorrenti tirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, hija ma tistax tintlaqa’. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, għandhom jiġu kkundannati l-EUIPO u Mueloliva li jbatu kull wieħed minnhom in-nofs. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Gervasoni Madise Csehi Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2016. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.