Kawża T-8/16

Toshiba Samsung Storage Technology Corp.
u
Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp.

contre

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat‑12 ta’ Lulju 2019

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tad-disk drives ottiċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet kollużorji li jirrigwardaw sejħiet għal offerti organizzati minn żewġ manifatturi ta’ kompjuters – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża – Kompetenza tal-Kummissjoni – Portata ġeografika tal-ksur – Ksur uniku u kontinwu – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Linji Gwida tal‑2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi”

  1. Akkordji – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Kunċett – Kriterji – Sensiela ta’ aġir adottat minn partijiet differenti li għandhom l-istess għan ekonomiku antikompetittiv

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 56-58)

  2. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa

    (Artikolu 101(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

    (ara l-punt 81)

  3. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Natura provviżorja – Kontenut neċessarju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

    (ara l-punti 157-160)

  4. Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu – Kundizzjonijiet – Prattiki u aġir li jikkostitwixxu ksur li jifformaw parti minn pjan ġenerali – Evalwazzjoni – Kriterji – Għan komuni li għandu jintlaħaq mill-parteċipanti kollha – Ħtieġa ta’ rabta ta’ komplementarjetà bejn il-prattiki kkontestati – Assenza

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 205, 230)

Sunt

Fis-sentenza Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il‑Kummissjoni (T‑8/16), mogħtija fit‑12 ta’ Lulju 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ Toshiba Samsung Storage Technology Corp. u tas-sussidjarja tagħha Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. iktar ’il quddiem: “ir-rikorrenti”) intiża, b’mod prinċipali għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7135 finali tal‑21 ta’ Ottubru 2015 ( 1 ), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur tal-produzzjoni u l-provvista ta’ disk drives ottiċi (iktar ’il quddiem “DDO”).

Wara li saret investigazzjoni amministrattiva miftuħa bis-saħħa ta’ denunzja, il-Kummissjoni kkonkludiet li tlettax‑il kumpannija kienu pparteċipw f’akkordju fuq is-suq tad-DDO. Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, mill-inqas mit‑23 ta’ Ġunju 2004 sal‑25 ta’ Novembru 2008, il-parteċipanti f’dan l-akkordju pprojbit kienu kkoordinaw l-aġir tagħhom b’rabta mal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti organizzati mill-manifatturi ta’ kompjuters Dell u Hewlett Packard. Skont il-Kummissjoni, il-kumpanniji involuti kienu ppruvaw, permezz ta’ netwerk ta’ kuntatti bilaterali paralleli, li jagħmlu mezz li l-prezzijiet tal-prodotti DDO jibqgħu fuq livelli ogħla milli kienu jkunu fl-assenza ta’ dawn il-kuntatti bilaterali. B’hekk il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 41304000 fuq ir-rikorrenti minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal‑Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

Ir-rikorrenti qajmu numru ta’ motivi insostenn tar-rikors tagħhom, ibbażati, b’mod partikolari, fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-portata ġeografika tal-ksur fil-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu, il-Qorti Ġenerali fakkret li dan jippreżumi sensiela ta’ aġir adottat minn partijiet differenti li għandhom l-istess għan ekonomiku antikompetittiv. B’hekk mill-kunċett innifsu ta’ ksur uniku u kontinwu jirriżulta li tali ksur li jinkludi “sensiela ta’ aġir jew ta’ ksur”. Għalhekk ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-Kummissjoni inkludiet kwalifika legali addizzjonali fid-deċiżjoni kkontestata billi kkonstatat, minbarra ksur uniku u kontinwu identifikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li dan kien magħmul minn numru ta’ “ksur distint”, peress li huwa proprju dan l-aġir antikompetittiv differenti li kien jikkostitwixxi l-imsemmi ksur uniku.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li ċerti karatteristiċi tal-akkordju kienu evolvew matul iż-żmien, b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ parteċipanti ġodda, it-tnaqqis tagħhom jew it-tkabbir tal-akkordju b’mod li tiġi inkluża wkoll Hewlett Packard ma jistax jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkwalifika lil dan l-akkordju bħala ksur uniku u kontinwu ġaladarba l-għan tal-akkordju baqa’ l-istess.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7135 finali tal‑21 ta’ Ottubru 2015 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ AT.39639 – Disk Drives Ottiċi).