SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tad-disk drives ottiċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet kollużorji li jirrigwardaw sejħiet għal offerti organizzati minn żewġ manifatturi ta’ kompjuters – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża – Kompetenza tal-Kummissjoni – Portata ġeografika tal-ksur – Ksur uniku u kontinwu – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Linji Gwida tal‑2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi”

Fil-Kawża T‑8/16,

Toshiba Samsung Storage Technology Corp., stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun),

Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp., stabbilita f’Suwon-si (il-Korea t’Isfel),

inizjalment irrappreżentati minn M. Bay, J. Ruiz Calzado, A. Aresu u A. Scordamaglia‑Tousis, sussegwentement minn Bay, Ruiz Calzado u Aresu, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn N. Khan, A. Biolan u M. Farley, sussegwentement minn Biolan, Farley u A. Cleenewerck de Crayencour, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament totali jew parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7135 finali tal‑21 ta’ Ottubru 2015 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39639 – Disk drives ottiċi), u, sussidjarjament għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.   Ir-rikorrenti u s-suq ikkonċernat

1

Ir-rikorrenti, Toshiba Samsung Storage Technology Corp. (iktar ’il quddiem “TSST Ġappun”) u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. (iktar ’il quddiem “TSST KR”), huma produtturi u fornituri ta’ disk drives ottiċi (iktar ’il quddiem id-“DDO”). B’mod partikolari, TSST Ġappun hija kumpannija konġunta miżmuma mill-kumpannija Toshiba Corporation, stabbilita fil-Ġappun, u mill-kumpannija Samsung Electronics Co., Ltd, stabbilita fil-Korea t’Isfel. Matul il-perijodu tal-ksur, TSST Ġappun kienet il-kumpannija parent ta’ TSST KR.

2

TSST Ġappun u TSST KR (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “TSST”) bdew joperaw fl‑1 ta’ April 2004 bħala żewġ unitajiet operattivi separati. F’Diċembru 2005, TSST Ġappun ħalliet is-suq, fejn baqgħet b’attivitajiet ta’ bejgħ limitati ta’ natura tranżitorja sal-bidu tas-sena 2008. TSST KR gradwalment assumiet l-attivitajiet ta’ bejgħ TSST Ġappun u kienet direttament involuta fl-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ u s-servizz ta’ wara l-bejgħ tad-DDO (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 14).

3

Il-ksur inkwistjoni jirrigwarda DDO użati f’kompjuters personali (kompjuters desktop u laptops) (iktar ’il quddiem il-“PCs”) prodotti minn Dell Inc. u Hewlett Packard (iktar ’il quddiem “HP”). Id-DDO jintużaw ukoll f’ħafna apparat ieħor għall-użu tal-konsumaturi, bħal letturi ta’ compact discs (iktar ’il quddiem is-“CDs”) jew ta’ diski ottiċi diġitali (iktar ’il quddiem id-“DVDs”), il-consoles tal-logħob u tagħmir elettroniku periferiku ieħor (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 28).

4

Id-DDO użati fil-PCs ivajraw skont id-daqs tagħhom, il-mekkaniżmi tagħhom ta’ tagħbija (xaqq jew tray) u t-tipi ta’ diski li dawn jistgħu jaqraw jew jirreġistraw. Id-DDO jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi: il-letturi ta’ tul medju (half‑height, iktar ’il quddiem “HH”) għal desktop kompjuters u l-letturi rqaq għal laptops. Il-grupp tal-letturi rqaq jiġbor fih letturi ta’ dimensjonijiet differenti. Hemm tipi differenti ta’ letturi HH u ta’ letturi rqaq skont il-funzjonalità teknika tagħhom (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 29).

5

Dell u HP huma ż-żewġ manifatturi prinċipali ta’ prodotti ta’ oriġini fis-suq globali tal-PCs. Dawn iż-żewġ kumpanniji jużaw proċeduri ta’ sejħiet għal offerti klassiċi fuq skala globali li jinvolvu, b’mod partikolari, negozjati kull trimestru fuq prezz fuq livell globali u fuq volumi ta’ xiri globali b’numru żgħir ta’ fornituri preselezzjonati ta’ DDO. Bħala regola ġenerali, il-kwistjonijiet reġjonali ma kellhom ebda rwol fis-sejħiet għal offerti għal DDO minbarra dawk marbuta mad-domanda prevista għal reġunijiet li jinfluwenzaw il-volumi ta’ xiri globali (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 32).

6

Il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti kienu jinkludu talbiet għal kwotazzjonijiet, talbiet għal kwotazzjonijiet elettroniċi, negozjati online, irkanti elettroniċi u negozjati bilaterali (offline). Mal-għeluq ta’ sejħa għal offerti, il-klijenti kienu jallokaw volumi lill-fornituri ta’ DDO parteċipanti (għal kulħadd jew tal-inqas għal ħafna minnhom, ħlief jekk kien hemm mekkaniżmu ta’ esklużjoni) skont il-prezzijiet li kienu joffru. Pereżempju, l-offerta rebbieħa kienet tirċievi minn 35 sa 45 % tal-allokazzjoni totali tas-suq għat-trimestru inkwistjoni, it-tieni l-aqwa offerta minn 25 sa 30 %, it-tielet 20 % etc. Dawn il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti klassiċi kienu jintużaw mit-timijiet tal-klijenti inkarigati mis-sejħiet għal offerti bil-għan li jwettqu sejħa għal offerti effikaċi bi prezzijiet kompetittivi. Għal dan il-għan, huma kienu jużaw il-prattiki kollha possibbli sabiex jistimolaw il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejn il-fornituri ta’ DDO (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 33).

7

Fir-rigward ta’ Dell, hija wettqet is-sejħiet għall-offerti prinċipalment permezz tan-negozjar online. Dan seta’ jkollu terminu determinat jew jintemm wara perijodu ddefinit, pereżempju għaxar minuti wara l-aħħar offerta, meta ebda fornitur ta’ DDO ma’ kien iressaq offerta ġdida. F’ċerti każijiet, in-negozjar online seta’ jdum diversi sigħat jekk is-sejħa għal offerti kienet iktar animata jew jekk it-terminu tan-negozjar online kien jiġi estiż sabiex il-fornituri ta’ DDO jiġu mħeġġa jkomplu jagħmlu offerti. Għall-kuntrarju, anki meta l-perijodu ta’ negozjar online kien indeterminat u kien jiddependi fuq l-offerta finali, f’ċertu mument Dell setgħet tħabbar l-għeluq tan-negozjati online. Dell setgħet tiddeċiedi li tgħaddi minn proċedura ta’ “klassifikazzjoni biss” għal proċedura “indiskriminata”. Dell setgħet tannulla n-negozjar online jekk is-sejħa għall-offerti jew ir-riżultat tagħha kienu jitqiesu li ma kinux sodisfaċenti u setgħet, minflok, tmexxi negozjati bilaterali. Il-proċess ta’ negozjar online kien issorveljat mill-amministraturi globali tal-akkwisti inkarigati minn dawn it-tranżazzjonijiet fi ħdan Dell (id-deċiżjoni kkontestata, premessi 34 u 37).

8

Fir-rigward ta’ HP, il-proċeduri prinċipali ta’ sejħiet għal offerti użati kienu t-talbiet għal kwotazzjonijiet u t-talbiet għal kwotazzjonijiet elettroniċi. Iż-żewġ proċeduri saru online billi ntużat l-istess pjattaforma. Minn naħa, fir-rigward tat-talbiet għal kwotazzjonijiet, dawn kienu trimestrali. Dawn kienu jinkludu negozjati online u negozjati bilaterali offline mifruxa fuq ċertu perijodu ta’ żmien, ġeneralment ġimagħtejn. Il-fornituri ta’ DDO kienu mistiedna għal sessjoni ta’ sejħa għal offerti miftuħa matul perijodu determinat sabiex jissottomettu l-kwotazzjonijiet tagħhom fuq pjattaforma online jew permezz tal-posta elettronika. Wara tmiem l-ewwel sessjoni ta’ offerti bi rkant, HP kienet tiltaqa’ ma’ kull parteċipant u kienet tibda negozjati fuq il-bażi tal-offerta tal-fornitur ta’ DDO sabiex tikseb l-aħjar offerta ta’ kull fornitur mingħajr ma tiżvela l-identità jew l-offerta mressqa mill-fornituri l-oħra ta’ DDO. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet għal kwotazzjonijiet elettroniċi, dawn kienu normalment organizzati fil-forma ta’ sejħa għal offerti inversa. L-offerenti kienu għalhekk jikkonnettu ruħhom mal-pjattaforma online fil-ħin speċifikat u l-bejgħ bi rkant kien jibda bil-prezz stabbilit minn HP. L-offerenti li kienu jressqu offerti progressivament ridotti kienu jiġu informati dwar il-klassifikazzjoni tagħhom kull darba li kienet titressaq offerta ġdida. Fi tmiem it-terminu mogħti, il-fornitur ta’ DDO li kien iressaq l-iktar offerta baxxa kien jirbaħ il-bejgħ bi rkant u l-fornituri l-oħra kienu jiġu jitqiegħdu fi klassifikazzjoni ta’ tieni u tielet post skont l-offerti tagħhom (id-deċiżjoni kkontestata, premessi minn 41 sa 44).

B.   Il-proċedura amministrattiva

9

Fl‑14 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità bis-saħħa tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Immunità minn Multi u Tnaqqis f’Multi f’Każijiet ta’ Kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-klemenza”) imressqa mill-kumpannija Koninklijke Philips NV (iktar ’il quddiem “Philips”). Fid‑29 ta’ Jannar u t‑2 ta’ Marzu 2009, din it-talba ġiet ikkompletata sabiex tkun tinkludi, flimkien ma’ Philips, il-kumpanniji Lite‑On IT Corporation u l-impriża komuni tagħhom Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation (iktar ’il quddiem “PLDS”).

10

Fid‑29 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil impriżi attivi fil-qasam tad-DDO.

11

Fit‑30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil Philips, lil Lite‑On IT u lil PLDS.

12

Fl‑4 u s‑6 ta’ Awwissu 2009, Hitachi-LG Data Storage, Inc., u Hitachi‑LG Data Storage Korea, Inc. (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “HLDS”) ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn Multi u Tnaqqis f’Multi f’Każijiet ta’ Kartell.

13

Fit‑18 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kontra tlettax‑il fornitur ta’ DDO, fosthom ir-rikorrenti. F’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li l-imsemmija kumpanniji kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipaw f’akkordju fuq id-DDO mill‑5 ta’ Frar 2004 sad‑29 ta’ Ġunju 2009, li kien jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-imġiba tagħhom fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti organizzati minn żewġ manifatturi tal-kompjuters, jiġifieri Dell u HP.

14

Fid‑29 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

15

Fid‑29 u t‑30 ta’ Novembru 2012, id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ipparteċipaw f’seduta quddiem il-Kummissjoni.

16

Fl‑14 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni talbet lill-partijiet kollha sabiex jipprovdu d-dokumenti rilevanti rċevuti minn Dell u minn HP matul il-perijodu tal-ksur. Il-partijiet kollha, inkluż ir-rikorrenti, wieġbu għal dawn it-talbiet. Barra minn hekk, kull waħda mill-partijiet kellha aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet ipprovduti mill-fornituri l-oħra ta’ DDO.

17

Fis‑27 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ressqu osservazzjonijiet komplementari li jirrigwardaw it-tweġibiet tal-partijiet l-oħra.

18

Fit‑18 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet komplementari sabiex, fil-fehma tagħha, tikkompleta, timmodifika u tiċċara l-oġġezzjonijiet indirizzati lil ċerti destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tar-responsabbiltà tagħhom fil-ksur allegat.

19

Fl‑1 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet komplementari oħra. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-ġdida kellha l-għan li tikkompleta d-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet preċedenti billi tindirizza l-oġġezzjonijiet imqajma f’dawn id-dikjarazzjonijiet fil-konfront ta’ entitajiet ġuridiċi supplimentari li jappartjenu lill-gruppi ta’ impriżi (kumpanniji parent jew entitajiet assorbiti) li diġà kienu destinatarji tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

20

Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat‑18 ta’ Frar 2014 u tal‑1 ta’ Ġunju 2015 ikkomunikaw l-opinjoni tagħhom lill-Kummissjoni bil-miktub, iżda ma talbux seduta orali.

21

Fit‑3 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni indirizzat espożizzjoni tal-fatti lill-partijiet kollha. Id-destinatarji tal-espożizzjoni tal-fatti kkomunikaw l-opinjoni tagħhom lill-Kummissjoni bil-miktub.

22

Fil‑21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 7135 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39639 – Disk drives ottiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

C.   Id-deċiżjoni kkontestata

1. Il-ksur inkwistjoni

23

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti fl-akkordju kienu kkoordinaw l-aġir kompetittiv tagħhom, mill-inqas mit‑23 ta’ Ġunju 2004 sal‑25 ta’ Novembru 2008. Hija ppreċiżat li din il-koordinazzjoni kienet saret permezz ta’ netwerk ta’ kuntatti bilaterali paralleli. Hija indikat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu jfittxu li jadattaw il-volumi tagħhom fis-suq u kienu jiżguraw li l-prezzijiet jibqgħu f’livelli ogħla minn dak li kienu jkunu fl-assenza ta’ tali kuntatti bilaterali (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 67).

24

Il-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-koordinazzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju kienet tirrigwarda l-kontijiet tal-klijenti ta’ Dell u ta’ HP, l-iktar żewġ manifatturi importanti ta’ prodotti ta’ oriġini fis-suq globali tal-PCs. Skont il-Kummissjoni, minbarra n-negozjati bilaterali mal-fornituri tagħhom ta’ DDO, Dell u HP kienu japplikaw proċeduri standard ta’ sejħa għal offerti, li kienu jseħħu ta’ mill-inqas kull trimestru. Hija osservat li l-membri fl-akkordju kienu jużaw in-netwerk ta’ kuntatti bilaterali tagħhom sabiex jimmanipulaw dawn il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fejn b’hekk kienu jwaqqfu t-tentattivi tal-klijenti tagħhom li jistimolaw il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 68).

25

Skont il-Kummissjoni, l-iskambju regolari ta’ informazzjoni b’mod partikolari ppermetta lill-membri tal-akkordju jkollhom għarfien fin ħafna tal-intenzjonijiet tal-kompetituri tagħhom saħansitra qabel ma jimpenjaw lilhom infushom fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u konsegwentement li jipprevedu l-istrateġija kompetittiva tagħhom (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 69).

26

Il-Kummissjoni żiedet li, f’intervalli regolari, il-membri tal-akkordju kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet fir-rigward tal-kontijiet privati tal-klijenti kif ukoll informazzjoni mhux relatata mal-prezz, bħall-produzzjoni eżistenti u l-kapaċità ta’ provvista, il-qagħda tal-ħażna, is-sitwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni, il-mument tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda jew titjib. Hija osservat li, barra minn hekk, il-fornituri ta’ DDO kienu qed jissorveljaw ir-riżultati finali ta’ proċeduri ta’ offerti magħluqa, jiġifieri l-klassifikazzjoni, il-prezz u l-volum miksub (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 70).

27

Il-Kummissjoni indikat ukoll li, filwaqt li kellhom f’moħħhom li l-membri tal-akkordju kellhom iżommu l-kuntatti tagħhom sigrieti fil-konfront tal-klijenti, il-fornituri kienu jużaw, sabiex jikkuntattjaw lil xulxin, il-mezzi li kienu jqisu li huma suffiċjentement adattati sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq. Hija ppreċiżat li, barra minn hekk, tentattiv li tiġi msejħa laqgħa ta’ tnedija sabiex jiġu organizzati laqgħat multilaterali regolari bejn il-fornituri ta’ DDO falla fl-2003 wara li dan ġie żvelat lil klijent. Skont il-Kummissjoni, minflok, kien hemm kuntatti bilaterali, essenzjalment taħt forma ta’ telefonati u, kultant permezz ta’ messaġġi elettroniċi, inklużi fuq indirizzi tal-posta elettronika privati (hotmail) u fuq servizzi ta’ messaġġi istantanei, jew waqt laqgħat, l-aktar fuq il-livell ta’ amministraturi ta’ kontijiet globali (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 71).

28

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu jikkuntattjaw lil xulxin b’mod regolari u li l-kuntatti, prinċipalment permezz tat-telefon, kienu qed isiru iktar frekwenti waqt il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fejn matulhom kien hemm diversi telefonati kuljum bejn ċerti binomi ta’ parteċipanti fl-akkordju. Hija ppreċiżat li, ġeneralment, il-kuntatti bejn ċerti binomi ta’ parteċipanti fl-akkordju kienu kunsiderevolment ogħla milli fost oħrajn (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 72).

2. Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

29

Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ġiet ikkunsidrata minħabba, minn naħa, l-involviment dirett fl-akkordju TSST KR, mit‑23 ta’ Ġunju 2004 sas‑17 ta’ Novembru 2008, b’mod partikolari għall-koordinazzjoni ma’ kompetituri oħra fil-konfront ta’ Dell u ta’ HP, u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva minn TSST Ġappun fuq is-sussidjarja tagħha matul il-perijodu tal-ksur kollu, kif preżunt mill-Kummissjoni (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 498).

3. Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti

30

Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti bis-saħħa tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi”).

31

Qabel kollox, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tad-differenzi kunsiderevoli fit-tul ta’ parteċipazzjoni tal-fornituri u sabiex jiġi rifless aħjar l-impatt reali tal-akkordju, kien xieraq li tintuża medja annwali kkalkolata fuq il-bażi tal-valur reali tal-bejgħ magħmul mill-impriżi matul ix-xhur kalendarji sħaħ tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 527).

32

B’hekk il-Kummissjoni spjegat li l-valur tal-bejgħ ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ DDO għall-PCs iffatturat lill-entitajiet ta’ HP u ta’ Dell li jinsabu fiż-ŻEE (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 528).

33

Barra minn hekk il-Kummissjoni kkunsidrat, peress li l-aġir antikompetittiv fir-rigward ta’ HP kien beda iktar tard u sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-akkordju, li l-valur tal-bejgħ rilevanti jiġi kkalkolat b’mod separat għal HP u għal Dell, u li żewġ koeffiċjenti moltiplikaturi skont it-tul ta’ żmien jiġu applikati (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 530).

34

Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li, peress li l-ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li l-akkordju kien mifrux mill-inqas fiż-ŻEE, il-perċentwali applikata abbażi tal-gravità f’dan il-każ tkun ta’ 16 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 544).

35

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien meħtieġ li jiġi miżjud ammont ta’ 16 % għal finijiet dissważivi (id-deċiżjoni kkontestata, premessi 554 u 555).

36

Barra minn hekk, peress li l-ammont bażiku aġġustat tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kien jilħaq il-limitu ffissat ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, il-Kummissjoni kellha tagħmel aġġustament ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (id-deċiżjoni kkontestata, premessa minn 570 sa 572).

37

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti, jipprevedi kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ksur uniku u kontinwu li jinkludi diversi ksur separati, fis-settur tad-disk drives ottiċi li jkopri ż-ŻEE kollha, li kien jikkonsisti fi ftehim ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet:

[…]

(e)

[ir-rikorrenti] mit‑23 ta’ Ġunju 2004 sas‑17 ta’ Novembru 2008, għall-koordinazzjoni tagħhom fil-konfront ta’ Dell u HP.

[…]

Artikolu 2

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

[…]

(e)

[ir-rikorrenti], responsabbli in solidum: EUR 41304000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

39

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fil‑21 ta’ Lulju 2016.

40

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lir-rikorrenti jipproduċu ċerti dokumenti relatati ma’ dikjarazzjonijiet kunfidenzjali. Il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx tipproduċi t-traskrizzjonijiet ta’ tali dikjarazzjonijiet kunfidenzjali prodotti fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tagħha.

41

Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ April 2018, adottat skont, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b) u l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi t-traskrizzjonijiet imsemmija.

42

Il-Kummissjoni pproduċiet dawn it-traskrizzjonijiet fl‑24 ta’ April 2018. Dawn setgħu jiġu kkonsultati mill-avukati tar-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali qabel it‑30 ta’ April 2018 sal-17.00.

43

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2018.

44

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata;

barra minn hekk, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

46

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jqajmu disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni motiv, fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, it-tielet motiv, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-portata ġeografika tal-ksur, ir-raba’ motiv, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi matul il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, il-ħames motiv, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tal-allegat għarfien min-naħa tagħhom tal-ksur kollu, is-sitt motiv, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, is-seba’ motiv, fuq nuqqas ta’ provi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fi prattiki mifthiema jew ftehim antikompetittiv, it-tmien motiv, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba minħabba t-tul eċċessiv tal-investigazzjoni u, id-disa’ motiv, ippreżentat sussidjarjament, fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

A.   L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża.

[omissis]

1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq inkonsistenza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-aġir allegat

[omissis]

56

Il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jippreżumi sensiela ta’ aġir adottat minn partijiet differenti li għandhom l-istess għan ekonomiku antikompetittiv (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1991, Rhône‑Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, EU:T:1991:56, punti 125126).

57

B’hekk mill-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jirriżulta li tali ksur li jinkludi “sensiela ta’ aġir jew ta’ ksur”. Għalhekk ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-Kummissjoni inkludiet kwalifika legali addizzjonali fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata billi kkonstatat, minbarra ksur uniku u kontinwu, li dan kien magħmul minn numru ta’ “ksur distint”, peress li huwa proprju dan l-aġir antikompetittiv differenti li jikkostitwixxi l-imsemmi ksur uniku.

58

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li ma hemm ebda inkonsistenza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata meta din tal-aħħar tindika li l-ksur uniku u kontinwu kien magħmul minn numru ta’ “ksur distint”.

[omissis]

2. Fuq it-tieni u t-tielet partijiet, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li tirriżulta minn kontradizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur allegat

[omissis]

81

Issa, il-fatt li la d-dispożittiv u lanqas il-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata ma jidentifikaw il-“ksur distint” ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, peress li tali ksur ma jinkludux klassifikazzjoni ġuridika supplimentari li tista’ tkun iddettaljata. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 57 u 65 iktar ’il fuq, l-unika klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur inkwistjoni hija dik ta’ “ksur uniku u kontinwu” li timplika hija stess “sensiela ta’ aġir jew ta’ ksur”. Min-naħa l-oħra, dan l-aġir jew ksur allegat, komposti minn diversi kuntatti, ġew esposti fid-dettall fil-korp tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha u elenkati fl-Anness I tagħha.

[omissis]

3. Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dak li jirrigwarda l-provi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

a) Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li fid-deċiżjoni kkontestata saru riferimenti għall-Anness I ta’ din id-deċiżjoni

[omissis]

157

Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li r-referenzi jew in-numri ta’ identifikazzjoni użati sabiex jelenkaw il-kuntatti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinux jikkorrispondu għar-referenzi użati fl-Anness ta’ dan id-dokument jew fid-deċiżjoni kkontestata u fl-anness tagħha u li, minħabba f’hekk, id-drittijiet tad-difiża tagħhom ġew miksura.

158

Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li r-rikorrenti jikkontestaw mill-ġdid b’mod ġenerali din l-inkonsistenza ta’ referenzi mingħajr ma jipproduċu l-inqas ħjiel konkret fir-rigward tal-allegazzjonijiet magħmula u mingħajr ma jindikaw kif id-drittijiet tad-difiża tagħhom ġew miksura.

159

Issa, għalkemm huwa veru li n-nomenklatura tad-dokumenti li jelenkaw il-kuntatti hija differenti bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-anness tagħha jew id-deċiżjoni kkontestata u l-anness tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li l-elementi msemmija f’dawn id-dokumenti jibqgħu l-istess u li, għaldaqstant, dawn l-elementi dejjem huma identifikabbli. Fil-fatt, filwaqt li, pereżempju, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-dokument dwar il-kuntatt li sar ma’ TSST f’Ġunju 2004 jidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-indikazzjoni “ID 490 p. 70”, dan l-istess dokument huwa ċċitat fl-Anness I tagħha kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata u fl-anness tagħha bl-indikazzjoni “ID 490/70”. Barra minn hekk, it-titolu tat-tabella tal-Anness I tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll dik tat-tabella tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata jispjegaw b’mod ċar li r-riferiment għad-dokument “ID 490 p. 70” jikkorrispondi għad-dokument 490 (ID) u li l-imsemmi kuntatt huwa msemmi fil-paġna 70. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

160

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li kemm il-corpus tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew dak tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-annessi tagħhom jinkludu informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li jiġu identifikati l-kuntatti allegati. Fil-fatt, kull darba li jissemma kuntatt, jissemmew ukoll l-aġir allegat, il-perjodu tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, il-parteċipanti, il-klijenti jew is-sejħiet għal offerti inkwistjoni, b’tali mod li l-kuntatt inkwistjoni jkun jista’ jiġi identifikat b’faċilità. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

[omissis]

B.   Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-portata ġeografika tal-ksur

[omissis]

198

Issa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jikkonfondu, minn naħa, il-kompetenza tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku fir-rigward ta’ ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma li ġiet ikkontestata taħt it-tieni motiv u, min-naħa l-oħra, il-portata ġeografika tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-aġir fiż-ŻEE hija rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni, iż-żona ġeografika koperta minn dan l-aġir huwa ddeterminat mill-aġir kopert mill-akkordju u mill-funzjonament tiegħu. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-proċess, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-portata tal-akkordju kien ikopri ż-ŻEE kollha.

[omissis]

C.   Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu

[omissis]

1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita rabta ta’ komplementarjetà sabiex tiġġustifika l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

[omissis]

205

Issa, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 123 iktar ’il fuq, il-kriterju determinanti tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu huwa dak li l-aġir differenti li jagħmel parti mill-ksur li jifforma parti minn “pjan ġenerali” b’għan uniku. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-imsemmi aġir għandux rabta ta’ komplementarjetà sabiex dan jiġi kkwalifikat bħala ksur uniku u kontinwu, fis-sens li kull aġir allegat għandu jiffaċċja konsegwenza jew numru ta’ konsegwenzi tal-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha maħsuba mill-awturi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 247248).

[omissis]

2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tal-kuntatti allegati mill-Kummissjoni li jissostanzjaw l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

[omissis]

230

Jeħtieġ li jiġi osservat li l-fatt li ċerti karatteristiċi tal-akkordju evolvew matul iż-żmien, b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ parteċipanti ġodda, it-tnaqqis tagħhom jew it-tkabbir tal-akkordju b’mod li tiġi inkluża wkoll HP, ma jistax jipprekludi lill-Kummissjoni tikkwalifika dan l-akkordju bħala ksur uniku u kontinwu ġaladarba l-għan tal-akkordju jibqa’ l-istess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il‑Kummissjoni, T‑385/06, EU:T:2011:114, punt 10). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-fatt li Quanta Storage, Inc. (iktar ’il quddiem “Quanta”) ħadet sehem fil-kuntatti kollużorji kemm fir-rigward ta’ Dell kif ukoll fir-rigward ta’ HP ftit żmien biss wara l-adeżjoni tagħha fl-akkordju jixhed l-eżistenza ta’ pjan kollettiv intiż li joħloq distorsjoni fuq il-kompetizzjoni li kompla, indipendentement miċ-ċirkustanza li ċerti impriżi ma komplewx bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi ksur uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il‑Kummissjoni, T‑378/10, EU:T:2013:469, punti 119120).

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Toshiba Samsung Storage Technology Corp. u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2019.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.