17.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/31


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Awissu – OT vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-4/16)

(2016/C 383/41)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: OT (rappreżentant: D. Sobor, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tat-tilwima

Annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jirrifjutaw il-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, li tintlaqa’ t-talba għal assistenza magħmula mir-rikorrent jew li tiftaħ stħarriġ amministrattiv fir-rigward ta’ allegati irregolaritajiet u illegalitajiet fil-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata, u tat-talba għal kumpens għad-danni materjali u mhux materjali li r-rikorrent jallega li ġarrab.

Talbiet

jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Settembru 2014, li tirrifjuta li taċċetta l-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga;

jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2015 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent u t-talba għal assistenza;

jannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2015 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent;

jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 2 836 107 bħala kumpens għad-danni materjali mġarrba mir-rikorrent;

jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-danni mhux materjali mġarrba mir-rikorrent;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.