DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-bżonn ta’ risposta għad-domanda preliminari – Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża C‑589/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2016, fil-proċeduri

Mario Alexander Filippi,

Christian Guzy,

Martin Klein,

Game Zone Entertainment AG,

Shopping Center Wels Einkaufszentrum GmbH,

Martin Manigatterer,

Play For Me GmbH,

ATG GmbH,

Fortuna Advisory Kft.,

Christian Vöcklinger,

Gmalieva s. r. o.,

PBW GmbH,

Felicitas GmbH,

Celik KG,

Finanzamt Linz,

Klara Matyiko

fil-preżenza ta’:

Landespolizeidirektion Oberösterreich,

Bezirkshauptmann von Eferding,

Bezirkshauptmann von Ried im Innkreis,

Bezirkshauptmann von Linz-Land,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. A. Filippi u M. Manigatterer, Play For Me GmbH, ATG GmbH, C. Vöcklinger, Gmalieva s. r. o., PBW GmbH, Felicitas GmbH kif ukoll għal Celik KG, minn F. Maschke, Rechtsanwalt,

għal Game Zone Entertainment AG, minn M. Paar u H. Zwanzger, Rechtsanwälte,

għal Fortuna Advisory Kft., minn G. Schmid u R. Hochstöger, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 et seq TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minn uffiċjali ta’ birreriji, ta’ kafè jew ta’ stazzjonijiet tal-petrol, dwar in-natura kriminali ta’ penalitajiet amministrattivi imposti fil-konfront tagħhom, minħabba t-tħaddim, mingħajr permess, ta’ magni tal-logħob.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 38a tal-Verwaltungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva) tal-1985 (BGBl. 10/1985) fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwim fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“VwGG”) hija fformulata kif ġej:

“(1)   Meta [l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija)] għandha quddiemha numru kbir ta’ appelli għal Reviżjoni jqajmu kwistjonijiet ta’ liġi simili jew fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li numru kbir ta’ appelli ta’ dan it-tip se jiġu ppreżentati quddiemha, [il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] tista’ tiddikjara b’digriet. Dan id-digriet għandu jinkludi:

1.

id-dispożizzjonijiet legali rilevanti f’dawn il-proċeduri;

2.

kwistjonijiet ta’ liġi għal soluzzjoni abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

3.

it-terminu ta’ appell għal Reviżjoni li [l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] taf.

Id-digrieti huma adottati mill-Awla kompetenti skont it-tqassim tar-responsabbiltajiet.

(2)   Jekk fost id-dispożizzjonijiet legali ċċitati fid-digrieti fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom tal-inqas jinkludu wkoll liġijiet, konvenzjonijiet internazzjonali ta’ natura politika jew li jemendaw jew jissupplimentaw liġijiet, jew konvenzjonijiet internazzjonali li jemendaw il-bażijiet konvenzjonali tal-Unjoni Ewropea, il-Kanċillier Federali jew Ministru President responsabbli, jew inkella l-awtorità kompetenti ċentrali tal-Istat federali jew tal-Land, għandhom jippubblikaw mingħajr dewmien l-imsemmija digrieti.

(3)   L-effetti li ġejjin jibdew fil-jum tal-pubblikazzjoni tad-digriet skont it-tifsira tal-paragrafu 1:

1.

f’każijiet fejn qorti amministrattiva għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali msemmija fid-digriet u tevalwa kwistjoni ta’ dritt li jinsab fih:

(a)

biss jistgħu jitwettqu atti u huma biss jistgħu jittieħdu ordnijiet jew deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu influwenzati mis-sentenza tal-[Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] jew ma jiddeċidux b’mod definittiv il-kwistjoni u ma jippermettux sospensjoni;

(b)

it-terminu għall-preżentata ta’ appell għal Reviżjoni ma jibdiex jirrikorri; terminu għall-preżentata ta’ appell għal Reviżjoni pendenti għandu jiġi interrott;

(c)

il-limitu ta’ żmien għal preżentata ta’ applikazzjoni għall-iffissar ta’ terminu kif ukoll il-limiti taż-żmien sabiex tingħata deċiżjoni skont il-leġiżlazzjoni Federali jew dik tal-Länder huma sospiżi;

2.

fil-proċeduri kollha fis-sens tal-paragrafu 1 [sub judice quddiem [il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] li mhumiex imsemmija fid-digriet skont il-paragrafu 1:

biss jistgħu jitwettqu atti u jistgħu jittieħdu ordnijiet jew deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu influwenzati mis-sentenza tal-[Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] jew ma jiddeċidux b’mod definittiv il-kwistjoni u ma jippermettux sospensjoni.

(4)   Fis-sentenza tagħha [l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] tagħmel is-sinteżi tal-analiżi legali tagħha f’waħda jew diversi regoli tad-dritt li għandhom jiġu ppubblikati mingħajr terminu skont il-paragrafu 2. Il-jum tal-pubblikazzjoni, terminu għall-preżentata ta’ appell għal Reviżjoni li twaqqaf jerġa’ jibda jirrikorri u l-effetti l-oħra tal-paragrafu 3 jaslu fi tmiemhom.”

4

L-Artikolu 42(4) tal-VwGG jipprovdi:

“[Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu anki jekk il-kawża hija fi stat li tiġi eżaminata u li d-deċiżjoni fuq il-mertu anki tikkontribwixxi għas-sempliċità, l-effiċjenza u l-istruttura tar-regolament tal-kawża. Fejn xieraq, hija għandha tiddetermina l-fatti rilevanti għal dan il-għan tista’ titlob it-tribunal administratif jikkompleta l-istruttorja tal-kawża.”

5

Skont l-Artikolu 63 tal-VwGG:

“(1)   Meta [l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) laqgħet appell għal Reviżjoni, il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi huma obbligati li jistabbilixxu mingħajr dewmien, fil-kawża inkwistjoni, is-sitwazzjoni legali korrispondenti fit-tfassil legali [tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)], b’kull mezz legali għad-dispożizzjoni tagħhom.

(2)   F’sentenza li biha [l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] stess tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, għandha wkoll tiġi identifikata l-qorti jew l-awtorità amministrattiva responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija suġġetta għar-regoli applikabbli barra minn hekk għal din il-qorti jew l-awtorità amministrattiva.”

6

L-Artikolu 86a(1) tal-Verfassungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali) tal-1953 (BGBl. 85/1953), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwim fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“VfGG”), jinqara kif ġej:

“(1)   Meta [l-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija)] għandha quddiemha numru kbir ta’ appelli li jqajmu kwistjonijiet legali simili jew fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li numru kbir ta’ appelli ta’ dan it-tip se jiġu ppreżentati quddiemha, [il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)] tista’ tiddikjarah b’digriet. Dan id-digriet għandu jinkludi:

1.

id-dispożizzjonijiet legali rilevanti f’dawn il-proċeduri;

2.

il-kwistjonijiet ta’ liġi għal soluzzjoni abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

3.

it-terminu tar-rikors li għandha l-konjizzjoni tagħha [il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)].

(2)   Jekk fost id-dispożizzjonijiet legali ċċitati fid-digrieti fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom tal-anqas jinkludu wkoll liġijiet, konvenzjonijiet internazzjonali ta’ natura politika jew li jemendaw jew jissupplimentaw liġijiet, jew konvenzjonijiet internazzjonali li jemendaw il-bażijiet konvenzjonali tal-Unjoni Ewropea, il-Kanċillier Federali jew Ministru President kompetenti, jew inkella l-awtorità kompetenti ċentrali tal-Istat federali jew tal-Land, għandhom jippubblikaw mingħajr dewmien l-imsemmija digrieti.

(3)   L-effetti li ġejjin jibdew fil-jum tal-pubblikazzjoni tad-digriet skont it-tifsira tal-paragrafu 1:

1.

f’każijiet fejn qorti amministrattiva għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali msemmija fid-digriet u tevalwa kwistjoni ta’ dritt li jinsab fih:

(a)

biss jistgħu jitwettqu atti u jistgħu jittieħdu ordnijiet jew deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu influwenzati mis-sentenza [tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)] jew ma jiddeċidux b’mod definittiv il-kwistjoni u ma jippermettux sospensjoni.

(b)

it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma jibdiex jgħodd; terminu għall-preżentata ta’ rikors pendenti għandu jiġi interrott;

2.

fil-proċeduri kollha fis-sens tal-paragrafu 1 sub judice quddiem [il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)] li mhumiex imsemmija fid-digriet skont il-paragrafu 1:

biss jistgħu jitwettqu atti u jistgħu jittieħdu ordnijiet jew deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu influwenzati mis-sentenza [tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)] jew ma jiddeċidux b’mod definittiv il-kwistjoni u ma jawtorizzawx sospensjoni.

(4)   Fis-sentenza tagħha [l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)] tagħmel is-sinteżi tal-analiżi legali tagħha f’waħda jew diversi regoli tad-dritt li għandhom jiġu ppubblikati mingħajr dewmien skont il-paragrafu 2. Il-jum tal-pubblikazzjoni, terminu għall-preżentata ta’ appell għal Reviżjoni li twaqqaf jerġa’ jibda jirrikorri u l-effetti l-oħra tal-paragrafu 3 jaslu fi tmiemhom.”

7

L-Artikolu 87 tal-VfGG jipprovdi:

“(1)   Is-sentenza għandha tindika jekk ir-rikorrent ġiex leż fi dritt kostituzzjonali permezz tas-sentenza appellata jew ġie leż fid-drittijiet tiegħu minħabba l-applikazzjoni ta’ regolament illegali, ta’ pubblikazzjoni illegali dwar il-pubblikazzjoni mill-ġdid ta’ liġi (ta’ ftehim internazzjonali), ta’ liġi antikostituzzjonali jew ta’ konvenzjoni internazzjonali illegali, u għandha, fejn xieraq, tannulla s-sentenza appellata.

(2)   Meta [l-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) laqgħet appell, il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi huma obbligati li jistabbilixxu mingħajr dewmien, fil-kawża inkwistjoni, is-sitwazzjoni legali korrispondenti fit-tfassil legali [tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)], b’kull mezz legali għad-dispożizzjoni tagħhom.

(3)   Jekk [il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)] tirrifjuta li teżamina appell jew tiċħad l-appell, għandha, jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata mill-appellant, u sakemm din it-talba tkun tressqet f’terminu ta’ ġimagħtejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni [tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)], iddikjara li l-appell huwa trasferit [lill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva)], skont l-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

L-uffiċjali ta’ birreriji, ta’ kafè jew ta’ stazzjonijiet tal-petrol, issuspettati li installaw fil-lokal tagħhom waħda jew diversi magni tal-logħob mingħajr l-awtorizzazzjoni amministrattiva meħtieġa mill-Glücksspielgesetz (il-Liġi dwar il-Logħob tal-Ażżard) (BGBl. 620/1989), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwim fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GSpG”) kienu s-suġġett ta’ verifiki mwettqa mill-uffiċjali tal-Pulizija Finanzjarja u tal-Pulizija Federali, li bħala r-riżultat tagħhom il-magni tal-ażżard użati f’din l-awtorizzazzjoni ġew maqbuda provviżorjament.

9

Dawn is-sekwestri provviżorji ġew ikkonfermati, ġew imposti multi lill-uffiċjali kkonċernati u l-magni tal-ażżard ġew ikkonfiskati.

10

Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkontestaw dawn il-miżuri quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija).

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kemm il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali), u l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), ikkonstataw, b’deċiżjonijiet tat-15 ta’ Ottubru u tal-16 ta’ Marzu 2016 rispettivament, li l-monopolju tal-logħob tal-ażżard stabbilit mill-GSpG ma kienx kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

12

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, bil-kontra, wara l-azzjonijiet mibdija mid-detenturi ta’ monopolju skont il-Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb 1984 (il-Liġi Federali Kontra l-Kompetizzjoni Żleali tal-1984) (BGBl. 448/1984), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, peress li fil-post tal-impriżi twettaq mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva logħob li jaqa’ taħt il-GSpG, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), fid-deċiżjoni tagħha tas-30 ta’ Marzu 2016, ikkonkludiet l-inkompatibbiltà tal-GSpG mad-dritt tal-Unjoni.

13

Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li, fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja, kif previst mill-Kostituzzjoni Awstrijaka, kull parti fil-proċedura quddiem it-Tribunal Amministrattiv tista’ tressaq il-każ quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti amministrattiva) ta’ appell kontra d-deċiżjoni ta’ din il-qorti, jew il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) ta’ rikors. Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kkonstatat diversi drabi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) ma għandhomx il-kwalità ta’ tribunal fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, minħabba, fir-rigward ta’ din l-aħħar qorti, id-daqs limitat ta’ meta jista’ jsir riferiment, u, f’dak li jirrigwarda mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), li huwa marbut mill-fatti miżmuma fl-ewwel istanza jew mill-evalwazzjoni tal-provi eżaminati fl-ewwel istanza jew inkella li ma osservax in concreto il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

14

Il-Qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li l-qorti tal-appell tiddeċiedi l-kawża quddiemha b’mod differenti minn kif għamlet il-qorti inferjuri, kemm fir-rigward tal-ġbir tal-evidenza u tal-evalwazzjoni tagħhom kif ukoll it-twettiq ta’ proċedura kontradittorja, b’mod partikolari taħt il-forma ta’ seduta pubblika. Kieku kien mod ieħor, riżultat konformi minn kull aspett mal-prinċipju ta’ smigħ xieraq kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex iggarantit.

15

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kuntest tal-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), tas-16 ta’ Marzu 2016, u għal dik tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali), mogħtija fit-15 ta’ Ottubru 2016, il-prinċipju ta’ smigħ xieraq ma ġiex osservat. Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) kellha tieħu f’idejha l-fatti kif stabbiliti mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Oberösterreich) u kienet tirrigwarda din il-bażi evalwazzjoni kuntrarja mingħajr il-miżura istruttorja stess, meta hija kellha l-possibbiltà skont l-Artikolu 42(4) VwGG. Fir-rigward tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali), huwa bbaża ruħu esklużivament fuq il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Oberösterreich) mingħajr ma jikseb evidenza stess jew mingħajr ma jirriżulta, għall-inqas dibattitu fuq il-mertu l-argumenti kuntrarji. Barra minn hekk, l-ebda seduta pubblika li saret f’dawn iż-żewġ kawżi.

16

Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Oberösterreich) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 47 tal-[Karta] moqri flimkien mal-Artikoli 56 et seq TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kawżi li jeħtieġu stħarriġ ta’ koerenza, regoli nazzjonali [bħall-Artikolu 86a(4) tal-Verfassungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali), l-Artikolu 38(a)(4) tal-Verwaltungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva), l-Artikolu 87(2) tal-[liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali] jew l-Artikolu 63(1) tal-[liġi dwar il-Qorti Amministrattiva], ma humiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fejn, bħala parti minn sistema globali li fil-prattika għandha l-effett li l-qrati supremi ma jwettqux eżami tal-fatti u lanqas evalwazzjoni tal-provi awtonomi u, f’diversi każijiet jillimitaw ruħhom, meta quddiemhom jitressqu diversi kawżi li konkretament iqajmu kwistjoni ġuridika analoga, li jiddeċiedu dwar il-mertu f’waħda biss minn dawn il-kawżi u li mal-ewwel jiċħdu f’dan ir-rigward il-kawżi l-oħra, jippermettu, jiġifieri ma jeskludux b’ċertezza, li deċiżjonijiet ġudizzjarji (fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jew l-Artikolu 47 tal-[Karta], b’mod partikolari meta jingħataw fir-rigward ta’ materji ċentrali tad-dritt tal-Unjoni, bħal b’mod partikolari l-aċċess għas-suq jew il-ftuħ tas-suq, jistgħu jiġu sussegwentement eliminati permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ grad superjuri li min-naħa tagħhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB jew mill-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma qabel iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

17

Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

18

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

19

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża t-tilwima li tkun tressqet quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall‑qorti nazzjonali titlob b’mod partikolari li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li tistaqsi jew li, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

“(a)

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

[…]

(c)

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

22

Barra minn hekk, mill-punt 22 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lil qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1), jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari għandha “tkun suffiċjentement kompleta u tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti b’mod li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll lill-partijiet interessati li għandhom id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet, li jifhmu tajjeb il-kuntest fattwali u d-dritt tal-kawża prinċipali”.

23

F’dan il-każ, din it-talba għal deċiżjoni preliminari manifestament ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

24

Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jiġi kkonstatat li jekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti li tidentifika s-suġġett tal-kawżi prinċipali, il-kuntest fattwali ta’ dawn il-kawżi hija kważi assenti.

25

Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura u, qabelxejn, dak li jgħid li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li din il-qorti titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta moqri flimkien mal-Artikoli 56 et seq TFUE.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha jindirizzaw lill-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE, bħall-Artikolu 51(2) tal-Karta, jippreċiża li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati (digriet tat-10 ta’ Novembru 2016, Pardue, C‑321/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:871, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn dan isegwi li għandha tinftiehem id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju bħala li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 et seq TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

28

Issa, f’dan il-każ, ebda element fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jesponi bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 et seq TFUE fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, ir-rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawżi prinċipali ma huwiex spjegat.

29

Ċertament, il-qorti tar-rinviju tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jikkontrollaw li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfaw b’mod koerenti l-għanijiet li hija ssegwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 49).

30

F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala konformi ma’ dan ir-rekwiżit ta’ koerenza, sa fejn, b’mod partikolari, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) u il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) sempliċement jirriproduċu l-fatti, u l-evalwazzjoni tagħhom kif stabbiliti mill-qrati inferjuri, u għaldaqstant, ma huma involuti l-ebda kontroll reali ta’ konsistenza, filwaqt li deċiżjonijiet meħuda mill-qrati inferjuri huma stabbiliti mill-ġurisprudenza magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) u l-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali).

31

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriloka s-setgħat, b’mod komplementari, bejn, minn naħa, il-qrati inferjuri, billi jinvestu fil-ħiliet li testendi għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tal-fatti u, min-naħa l-oħra, il-qrati superjuri u l-kompetenza tagħhom għandha tkun limitata biss għall-elementi tad-dritt jew kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet fundamentali, ma tissodisfax, minħabba dan il-fatt, b’mod konsistenti mal-għanijiet li hija tixtieq issegwi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard.

32

F’dak li jikkonċerna, barra minn hekk, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, relatata mal-indikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, jekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi il-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva u ta’ dik dwar il-Qorti Kostituzzjonali, hija ma tindikax b’mod ċar biżżejjed kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw fil-kawżi li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju u li huma s-suġġett ta’ din it-talba.

33

Konsegwentement, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li skontha għandha tiġi stabbilita rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, lanqas ma hija sodisfatta.

34

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 123).

35

Għal kwalunkwe skop utli, għandu jingħad ukoll li, jekk jidher li l-evalwazzjonijiet magħmula minn qorti nazzjonali ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, dan jirrikjedi li qorti nazzjonali differenti, li hija, fid-dritt intern, mingħajr kundizzjonijiet marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn din l-ewwel qorti, tħalli mhux applikata, bl-awtorità tagħha stess, regola tal-liġi nazzjonali li jimponilha li tikkonforma ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata minn din l-ewwel qorti (digriet tal-15 ta’ Ottubru 2015, Naderhirn (C‑581/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:707, punt 35).

36

Dan huwa b’mod partikolari l-każ fejn, minħabba tali regola tad-dritt nazzjonali applikabbli għaliha, qorti nazzjonali tkun prekluża milli tieħu debitament inkunsiderazzjoni, fl-ipproċessar ta’ kawżi pendenti quddiemha, minħabba li jirriżulta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali għandha titqies kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u tiżgura li s-supremazija ta’ dan tal-aħħar tiġi ggarantita kif xieraq, billi jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal dan il-għan (digriet tal-15 ta’ Ottubru 2015, Naderhirn (C‑581/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:707, punt 36).

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat, li skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2016, hija manifestament inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.