Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-27 ta’ April 2017 – Bachman

(Kawża C-535/16) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 2(b) – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kunċett ta’ “konsumatur” – Persuna fiżika li kkonkludiet kuntratt ta’ novazzjoni ma’ stabbiliment ta’ kreditu sabiex tissodisfa l-obbligi ta’ rimbors ta’ krediti kkuntrattati minn kumpannija fil-konfront ta’ dan l-istabbiliment”

Protezzjoni tal-konsumaturi-Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi-Direttiva 93/13-Kunċett ta’ konsumatur-Persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt ta’ novazzjoni ma’ stabbiliment ta’ kreditu sabiex tissodisfa l-obbligi ta’ rimbors ta’ krediti kkuntrattati minn kumpannija fil-konfront ta’ dan l-istabbiliment-Inklużjoni-Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, premessa 10 u Artikolu 2(b))

(ara l-punti 32-38, 41 u d-dispożittiv)

Dispożittiv

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva ta-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll persuna fiżika li, wara novazzjoni, impenjat ruħha fil-konfront ta’ stabbiliment ta’ kreditu li tirrimborsa krediti inizjalment mogħtija lil kumpannija għall-finijiet tal-attività tagħha, jiġifieri investimenti fl-attività tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, meta l-persuna fiżika inkwistjoni ma għandhiex rabta manifesta ma’ din il-kumpannija, iżda aġixxiet b’dan il-mod għal finijiet li ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività professjonali tagħha, minħabba r-rabtiet tagħha mal-persuna li kienet tikkontrolla l-kumpannija li bbenefikat mill-krediti inizjali kif ukoll mal-persuni li ffirmaw kuntratti anċillari għall-kuntratti ta’ kreditu inizjali (kuntratti ta’ garanzija jew ta’ garanzija immobiljari/ipoteka).


( 1 ) ĠU C 38, 6.2.2017.