3.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/31


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Diċembru 2017 – Deutscher Naturschutzring, Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände e.V. vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-683/16)

(2017/C 104/45)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Deutscher Naturschutzring, Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände e.V.

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri adottati minn Stat Membru, applikabbli għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2), li jkollhom effetti fuq il-bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra u li jipprojbixxu kompletament, fiż-żoni Natura 2000, is-sajd marittimu professjonali permezz ta’ rkaptu rmunkat u xbieki fissi (“għeżula u xbieki tat-tħabbil”)?

B’mod partikolari:

a)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni” jinkludi t-tekniki ta’ sajd imsemmija fl-ewwel domanda?

b)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra” jinkludi wkoll il-bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru ieħor bil-bandiera tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja?

c)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “jilħqu l-objettivi [għanijiet] tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni” jinkludi wkoll il-miżuri adottati mill-Istat Membru li sempliċement jinkoraġixxu l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija?

2)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri adottati minn Stat Membru, applikabbli għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (3)?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal waħda mid-domandi preliminari preċedenti jew għat-tnejn li huma:

Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd, prevista fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tipprekludi l-adozzjoni minn Stat Membru tal-miżuri msemmija?


(1)  ĠU 2013, L 354, p. 22.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

(3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357.