20.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 86/14 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Portugall) fid-29 ta’ Diċembru 2016 – Imofloresmira – Investimentos Imobiliários S.A. vs Autoridade Tributária e Aduaneira
(Kawża C-672/16)
(2017/C 086/17)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Imofloresmira – Investimentos Imobiliários S.A.
Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira
Domandi preliminari
1) |
Fil-każ fejn proprjetà immobbli, li minkejja li tinsab vakanti għal perijodu ta’ sentejn jew iktar, qed tiġi kkummerċjalizzata, jiġifieri, hija disponibbli fis-suq tal-kiri jew għall-provvista ta’ servizzi tat-tip “office centre”, fejn huwa paċifiku li l-proprjetarju kkonċernat għandu l-intenzjoni li jikri l-proprjetà suġġett għall-VAT, u qed iwettaq dak li hu neċessarju biex din l-intenzjoni tiġi kkonkretizzata, id-definizzjoni bħala “nuqqas ta’ użu effettiv tal-proprjetà immobbli għall-finijiet tal-impriża” u/jew “nuqqas ta’ użu effettiv tal-proprjetà immobbli fi tranżazzjonijiet intaxxati”, skont kif inhu pprovdut fl-Artikolu 26(1) tal-Kodiċi tal-VAT (Código do IVA) u tal-Artikolu 10(1)(b) tal-Iskema ta’ rinunzja għall-eżenzjoni tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet relatati ma’ proprjetà immobbli (Regime de Renúncia à Isençãdo Iva nas Operações relativas a Bens Imóveis) approvata bid-Digriet Liġi Nru 21/2007, tad-29 ta’ Jannar, fir-redazzjonijiet preċedenti tiegħu, hija konformi mal-Artikoli 167, 168, 184, 185 u 187 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, u, konsegwentement, it-tnaqqis inizjalment imwettaq għandu jiġi aġġustat inkwantu kien ogħla minn dak li kellu dritt għalih il-persuna suġġetta għat-taxxa? |
2) |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, fid-dawl ta’ interpretazzjoni korretta tal-Artikoli 137, 167, 168, 184, 185 u 187 tad-Direttiva 2006/112/KE […], dan l-aġġustament jista’ jiġi impost f’darba waħda biss, għall-perijodu kollu li jkun għadu ma ddekorriex, hekk kif tistabbilixxi l-leġiżlazzjoni Portugiża fl-Artikolu 10(1)(b) u (c) tal-Iskema ta’ rinunzja għall-eżenzjoni tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet relatati ma’ proprjetà immobbli approvata bid-Digriet Liġi Nru 21/2007, tad-29 ta’ Jannar, fir-redazzjoni preċedenti tiegħu, fil-każijiet fejn il-proprjetà immobbli tinsab vakanti għal perijodu ta’ iktar minn sentejn, iżda dejjem fi stat ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-kiri (bil-possibbiltà ta’ rinunzja) u/jew għall-provvista ta’ servizzi (taxxabbli), b’tali mod li l-proprjetà immobbli tiġi affetwata fis-snin sussegwenti għall-attivitajiet intaxxati li jagħtu d-dritt għat-tnaqqis? |
3) |
L-Artikolu 2(c) moqri flimkien mal-Artikolu 10(1)(b) tal-Iskema ta’ rinunzja għall-eżenzjoni tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet relatati ma’ proprjetà immobbli approvata bid-Digriet Liġi Nru 21/2007, tad-29 ta’ Jannar, huma konformi mal-Artikoli 137, 167, 168 u 184 tad-Direttiva 2006/112/KE […], għad-determinazzjoni tal-impossibbiltà għal persuna suġġetta għall-VAT li tirrinunzja għall-eżenzjoni tal-VAT meta tidħol f’kuntratti ġodda ta’ kiri wara li jkun sar aġġustament ta’ darba tal-VAT, u sabiex tiġi kompromessa l-iskema sussegwenti ta’ tnaqqis matul il-perijodu ta’ aġġustament? |
(1) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).