20.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 53/23


għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fil-15 ta’ Diċembru 2016 – Khadija Jafari, Zainab Jafari

(Kawża C-646/16)

(2017/C 053/30)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti fuq punt ta’ liġi: Khadija Jafari, Zainab Jafari

Parti oħra fil-kawża: Bundesamt für Fremdenwesen u Asyl

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 2(m), l-Artikolu 12 u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (1), magħruf bħala r-Regolament Dublin III, għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni strumenti legali oħra marbuta mar-Regolament Dublin III, jew dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw tifsira awtonoma?

2.

Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati b’mod indipendenti minn strumenti legali oħra:

(a)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, ikkaratterizzati mill-fatt li mmaterjalizzaw fi żmien li fih l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati prinċipalment involuti kienu qegħdin jaffrontaw numru eċċezzjonalment għoli ta’ persuni li kienu qegħdin jitolbu jitħallew jgħaddu mit-territorju tagħhom, id-dħul fit-territorju, ittollerat de facto minn Stat Membru għall-finijiet biss tat-tranżitu minn dan l-Istat Membru u tat-tressiq ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, għandu jitqies daqslikieku huwa “viża” fis-sens tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dulbin III?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a):

(b)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, il-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni għandu jitqies li jwassal sabiex il-“viża” ma tibqax valida?

(c)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, għandu jitqies li l-“viża” tibqa’ valida meta l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx għadu seħħ jew il-“viża” ma tibqax valida, irrispettivament mill-assenza ta’ ħruġ mit-territorju, hekk kif l-applikant jabbanduna definittivament kull ħsieb li jmur fi Stat Membru ieħor?

(d)

Il-fatt li l-applikant jabbanduna kull ħsieb li jmur fl-Istat Membru inizjalment magħżul bħala destinazzjoni jwassal sabiex jitqies li hemm frodi wara l-ħruġ tal-“viża”, fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li l-Istat Membru li jkun ħareġ il-“viża” ma jkunx responsabbli?

Jekk tingħata risposta negattiva għad-domanda 2(a):

(e)

L-espressjoni “qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz”, li tinsab fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandha tinftiehem fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi speċjali deskritti tal-kawżi prinċipali, għandu jitqies li ma kienx hemm qsim irregolari tal-fruntiera esterna?

3.

Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni strumenti legali oħra:

(a)

Sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemm “qsim irregolari” tal-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jitqies b’mod partikolari jekk id-dħul fit-territorju jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (2), dispożizzjoni din li tapplika għall-kawżi prinċipali minħabba d-data tad-dħul fit-territorju?

Jekk tingħata risposta negattiva għad-domanda 3(a):

(b)

Liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu partikolarment inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ikunx hemm “qsim irregolari” tal-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(a):

(c)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, ikkaratterizzati mill-fatt li mmaterjalizzaw fi żmien li fih l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati prinċipalment involuti kienu qegħdin jaffrontaw numru eċċezzjonalment għoli ta’ persuni li kienu qegħdin jitolbu jitħallew jgħaddu mit-territorju tagħhom, id-dħul fit-territorju, ittollerat de facto, mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi individwali, minn Stat Membru, għall-finijiet biss tat-tranżitu minn dan l-Istat Membru u tat-tressiq ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, għandu jitqies daqslikieku huwa awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju fis-sens tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a) u 3(c):

(d)

L-awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju taħt l-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen twassal sabiex ikollu jitqies li hemm awtorizzazzjoni ekwivalenti għal viża fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u, għaldaqstant, “viża” li tissodisfa l-Artikolu 2(m) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li jkollhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin III billi jittieħed inkunsiderazzjoni ukoll l-Artikolu 12 tiegħu?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a), 3(c) u 3(d):

(e)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, il-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni għandu jitqies li jwassal sabiex il-“viża” ma tibqax valida?

(f)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, għandu jitqies li l-“viża” tibqa’ valida meta l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx għadu seħħ jew il-“viża” ma tibqax valida, irrispettivament mill-assenza ta’ ħruġ mit-territorju, hekk kif l-applikant jabbanduna definittivament kull ħsieb li jmur fi Stat Membru ieħor?

(g)

Il-fatt li l-applikant jabbanduna kull ħsieb li jmur fl-Istat Membru inizjalment magħżul bħala destinazzjoni jwassal sabiex jitqies li hemm frodi wara l-ħruġ tal-“viża”, fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li l-Istat Membru li jkun ħareġ il-“viża” ma jkunx responsabbli?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a) u 3(c) iżda domanda negattiva għad-domanda 3(d):

(h)

L-espressjoni “qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz”, li tinsab fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandha tinftiehem fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi speċjali deskritti fil-kawżi prinċipali, għandu jitqies li l-qsim tal-fruntiera, li jiġi kklassifikat bħala awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju fis-sens tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ma għandux jitqies li huwa qsim irregolari tal-fruntiera esterna?


(1)  ĠU L 180, p. 31.

(2)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1).