6.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/19


Appell ippreżentat fid-9 Diċembru 2016 minn Greenpeace Energy eG mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-26 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-382/15, Greenpeace Energy eG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-640/16 P)

(2017/C 038/25)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Greenpeace Energy eG (rappreżentanti: D. Fouquet, S. Michaels, J. Nysten, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-382/15, Greenpeace Energy eG, sa fejn dan jaffettwa lill-appellanti,

tibgħat l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali,

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi l-ispejjeż legali u tal-ivvjaġġar.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq is-segwenti ħames aggravji:

1.

Il-Qorti Ġenerali donnha tqis li t-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE teħtieġ li l-atti regolatorji li huma kontestabbli taħt din id-dispożizzjoni għandu jkollhom applikazzjoni ġenerali. Tali pożizzjoni legali għandha, madankollu, titqies li hija żball ta’ liġi, speċjalment fid-dawl tal-kliem u kif ukoll tal-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, inter alia l-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea.

2.

Il-Qorti Ġenerali donnha tassumi li r-rekwiżit li atti legali li ma jeħtiġux miżuri ta’ implementazzjoni għandhom jikkonċernaw direttament lil individwu għandu żewġ kriterji separati li huma suġġetti għal eżami separat. F’dan il-każ, madankollu, din l-inferenza għandha tiġi miċħuda peress li, minn naħa, l-ebda miżuri ta’ implementazzjoni ulterjuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, la bl-intervent tar-Renju Unit u lanqas bl-intervent tal-Kummissjoni Ewropea, ma huma meħtieġa u, min-naħa l-oħra, effetti immedjati fuq is-suq iseħħu mal-għoti tal-għajnuna, jiġifieri, effetti fuq il-kompetizzjoni jaffettwaw immedjatament lill-appellanti.

3.

Il-Qorti Ġenerali tikkritika lill-appellanti sa fejn din ma sostnietx suffiċjentement il-fatt li hija direttament u individwalment ikkonċernata. Madankollu, hija b’hekk evalwat ħażin l-informazzjoni pprovduta jew għamlet evalwazzjoni inadegwata tagħha.

4.

Il-Qorti Ġenerali donnha tqis li l-possibbiltà ta’ individwalizzazzjoni taħt it-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFEU wara l-ġurisprudenza fil-kawża ta’ Plaumann hija diġà miċħuda, ladarba hemm impriżi oħra li huma affettwati mill-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-għoti tal-għajnuna bħall-appellanti. Fid-dawl tal-ġurisprudenza, madankollu, partikolarment fil-Kawża Case C-309/89 Codorniu, jidher li din hija interpretazzjoni legalment inkorretta u kif ukoll restrittiva. Barra minn hekk, l-appellanti tirreferi għas-sottomissjonijiet tagħha dwar il-fatti fid-dikjarazzjoni tat-talba tagħha, li juru b’mod ċar possibbiltà suffiċjenti ta’ individwalizzazzjoni li iżda jidher ċar li ma ġewx evalwati jew ma ġewx adegwatament evalwati mill-Qorti Ġenerali.

5.

Il-Qorti Ġenerali donnha tassumi li protezzjoni legali effettiva kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza għajnuna tista’ tingħata permezz tal-qrati nazzjonali. Dan ikun ifisser li l-leġiżlatura tal-Unjoni, bl-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu rimedji suffiċjenti (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE), trid tħalli l-istħarriġ ta’ atti individwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħall-Kummissjoni Ewropea, f’idejn il-qrati tal-Istati Membri. Madankollu, din il-perspettiva ma tistax tiġi segwita, la fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-atti tal-Unjoni u r-rimedji eżistenti u lanqas, b’mod partikolari, fit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat, u għandha għaldaqstant titqies li hija żball ta’ liġi.