13.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/16


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2016 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-Kawżi magħquda T-353/14 u T-17/15, L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-621/16 P)

(2017/C 046/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Pignataro-Nolin u G. Gattinara, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Taljana, Ir-Repubblika tal-Litwanja

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

fil-każ li tqis li l-kawża tinsab fi stat li tiġi deċiża, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Litwanja tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq erba’ aggravji: (1) żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tan-natura legali tar-“Regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet miftuħa” u żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li wasslu għal motivazzjoni żbaljata; (2) żball ta’ liġi u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal; (3) żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni (li barra minn hekk hija kontradittorja) tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-interpretazzjoni tal-kriterji dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali; (4) żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5).

1.

L-ewwel aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tan-natura legali tar-“Regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet miftuħa” (ĠU 2014 C 60 A, p. 1), peress li, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija Regoli jistabbilixxu obbligi ġodda u speċifiċi fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura tal-kompetizzjoni, obbligi li ma humiex mibdula mill-avviżi kkontestati. Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li l-EPSO ma għandux is-setgħa regolatorja li jistabbilixxi regoli ġenerali u astratti dwar is-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet organizzati minnu. Skont il-Kummissjoni, l-EPSO għandu tali setgħa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni wkoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn, fl-aħħar tal-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nfisha meta tqis li l-EPSO xorta waħda għandu s-setgħa li jevalwa l-ħtiġijiet, anki dawk lingwistiċi, tad-diversi istituzzjonijiet meta jorganizza d-diversi kompetizzjonijiet. Fit-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod żbaljat, li r-Regoli huma sempliċi atti intiżi li jiddikjaraw il-kriterji għall-għażla tat-tieni lingwa fil-proċeduri ta’ kompetizzjoni organizzati mill-EPSO, meta, għall-kuntrarju, l-imsemmija Regola jistabbilixxu, b’effett vinkolanti, il-kriterji li jiġġustifikaw tali għażla. Fir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat in-natura u l-kontenut tal-avviżi kkontestati fis-sens li, fir-rigward tas-sistema lingwistika, l-avviżi kienu sors ta’ obbligi ġodda u speċifiċi, b’tali mod li b’hekk wettqet ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni; f’dan is-sens, skont il-Kummissjoni, l-avviżi kkontestati kienu atti li l-kontenut tagħhom sempliċement jikkonferma dak li huwa stabbilit fir-Regoli ġenerali.

2.

It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li limitazzjoni fl-għażla tat-tieni lingwa ma hijiex neċessarjament diskriminazzjoni, iżda tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ għan ġenerali, bħalma huwa l-interess tas-servizz fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fit-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni peress li, fl-istħarriġ ta’ ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni fir-rigward tal-għażla tat-tieni lingwa, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni biss l-avviżi ta’ kompetizzjoni, meta kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni wkoll ir-Regoli ġenerali u l-kontenut tagħhom.

3.

It-tielet aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi, mingħajr ma tinterpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, li r-rekwiżiti dwar il-kapaċità lingwistika ma kinux jagħmlu parti mill-kompetenza tal-kandidati fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet b’mod żbaljat il-parametru tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha stess, li kellu jkun limitat għal evalwazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ trattament arbitrarju. Fit-tieni parti, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenza tagħha meta evalwat fil-mertu l-għażla li ma jiġux introdotti wkoll, minbarra t-tliet lingwi indikati fl-avviżi ta’ kompetizzjoni (l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż), lingwi oħra, u b’hekk qiegħdet lilha nfisha minflok l-amministrazzjoni.

4.

Fir-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58 meta qieset li l-komunikazzjonijiet bejn l-EPSO u l-kandidati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe possibbiltà li tiġi llimitata l-għażla tat-tieni lingwa. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà li tiġi introdotta tali limitazzjoni tirriżulta, skont il-Kummissjoni, mill-Artikolu 1d(5) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalih huma suġġetti wkoll il-kandidati fi proċedura ta’ kompetizzjoni.