30.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/39


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2016 minn Xellia Pharmaceuticals ApS, Alpharma, LLC, li kienet Zoetis Products LLC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-8 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-471/13, Xellia Pharmaceuticals ApS, Alpharma vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-611/16 P)

(2017/C 030/43)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Xellia Pharmaceuticals ApS, Alpharma, LLC, li kienet Zoetis Products LLC (rappreżentant: D.W. Hull, Solicitor)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha jew parzjalment;

tannulla d-Deċiżjoni fl-intier tagħha jew parzjalment;

tikkanċella l-multa jew tnaqqasha sostanzjalment;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża bi qbil mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jinvokaw disa’ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali.

1)

Il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tevalwa jekk Alpharma kinitx kompetitur potenzjali fil-kuntest fejn il-prodotti tagħha kienu jiksru l-privattivi ta’ Lundbeck. Fl-assenza ta’ evidenza li turi li l-privattivi ta’ Lundbeck kienu dgħajfa, il-privattivi għandhom jiġu preżunti validi u d-dħul bi prodott li jikkawża ksur għandu jiġi preżunt illegali.

2)

Minkejja li rrikonoxxiet li Alpharma skopriet biss ftit qabel it-tranżazzjoni li l-privattiva ta’ Lundbeck kienet ser tingħata u li l-prodotti tagħha kienu jiksru l-privattivi ta’ Lundbeck, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk il-Kummissjoni kinitx tat prova li d-dħul minn Alpharma baqa’ strateġija ekonomikament vijabbli fid-dawl ta’ dawn il-barrieri addizzjonali għad-dħul. Minflok, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq evidenza li ma hijiex iċċitata fid-Deċiżjoni u b’mod żbaljat qalbet l-oneru tal-prova għal fuq l-appellanti sabiex tikkonfuta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li Alpharma kienet kompetitur potenzjali.

3)

Il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tevalwa jekk il-Ftehim ta’ tranżazzjoni kienx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, peress li hija naqset milli tevalwa jekk il-Kummissjoni kinitx uriet li kien suffiċjentement probabbli li l-Ftehim ta’ tranżazzjoni jkollu effetti negattivi, u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni ma kellha ebda esperjenza preċedenti f’dan it-tip ta’ ftehim dwar il-privattivi.

4)

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovat l-allegazzjoni tagħha li r-restrizzjoni fil-Ftehim ta’ tranżazzjoni kienet tmur lil hin mill-iskop tal-privattivi ta’ Lundbeck.

5)

Il-Qorti Ġenerali applikat ir-rekwiżit ġuridiku żbaljat meta evalwat jekk it-tul tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienx eċċessiv u kienx jikser id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

6)

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tindirizza d-Deċiżjoni lil Zoetis (issa Alpharma LLC), iżda mhux lil Merck Generics Holding GmbH, minkejja li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi xi bażi fid-Deċiżjoni sabiex tiddistingwi bejn is-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

7)

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-qagħda tad-dritt kienet suffiċjentement ċara fiż-żmien tal-Ftehim ta’ tranżazzjoni tant li l-appellanti setgħu jivverifikaw b’mod inekwivoku x’kienu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu passi abbażi ta’ dan.

8)

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat id-Deċiżjoni minkejja li b’mod ċar il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-allegat ksur meta stabbilixxiet il-multa, hekk kif meħtieġ taħt l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (1).

9)

Il-Qorti Ġenerali applikat ir-rekwiżit ġuridiku żbaljat meta ddeterminat is-sena rilevanti għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % fuq il-livell tal-multa imposta fuq A.L. Industrier.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.