30.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/25


Appell ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2016 minn H. Lundbeck A/S, Lundbeck Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-8 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-472/13, H. Lundbeck A/S, Lundbeck Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-591/16 P)

(2017/C 030/30)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: H. Lundbeck A/S, Lundbeck Ltd (rappreżentanti: R. Subiotto QC, Barrister, T. Kuhn, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA)

Talbiet

Tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza;

Tannulla d-Deċiżjoni sa fejn din tapplika għall-appellanti jew, sussidjarjament, tannulla l-multi imposti fuq l-appellanti skont id-Deċiżjoni jew, iktar sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multi imposti fuq l-appellanti skont id-deċiżjoni;

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u għal spejjeż oħra tal-appellanti fir-rigward ta’ dawn il-proċeduru u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali;

Jekk meħtieġ, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi bi qbil mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

Tadotta kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-Ftehimiet kellhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li Ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan anki jekk jaqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck tal. Tali ftehim ma jistax jitqies, min-natura tiegħu stess, bħala ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, peress li jinkludi restrizzjonijiet paragunabbli għal dawk li d-detentur tal-privattiva seta’ jikseb permezz ta’ deċiżjonijiet tal-qorti li jinfurzaw il-privattivi tiegħu. Sempliċi ħlas ma jistax ibiddel ftehim li altrimenti huwa leġittimu u mingħajr problemi, bħal ftehim ta’ soluzzjoni dwar privattivi, fi ftehim li jikkawża restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Bħala riżultat, il-Ftehim GUK UK, li ġie meqjus mill-Qorti Ġenerali bħala li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck tal, ma kellux jitqies bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan. L-istess konklużjoni tgħodd għall-ħames ’il Ftehimiet l-oħra, minħabba li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkwalifikathom bħala li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tapplika t-test ġuridiku korrett biex tevalwa jekk ħamsa mis-sitt Ftehimiet kinux jinkludu restrizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck. Il-Qorti Ġenerali messha evalwat jekk kienx hemm “qbil tal-intenzjonijiet” [meeting of minds] skont it-tifsira tal-Artikolu 101 TFUE bejn Lundbeck u kull waħda mill-kumpanniji tal-grupp Generics dwar il-fatt li l-Ftehim(iet) rilevanti kollha, bl-eċċezzjoni tal-Ftehim GUK UK, kienu jimponu restrizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck. Applikazzjoni ta’ dan it-test twassal għall-konklużjoni legali inevitabbli li l-Ftehimiet kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck.

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, anki li kieku l-klassifikazzjoni legali tal-Qorti Ġenerali li ħamsa, jew inqas, mis-sitt Ftehimiet kienu jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck kienet korretta, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Ftehimiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fil-kuntest ekonomiku u legali tagħhom, il-Ftehimiet ma kinux, min-natura tagħhom stess, ta’ ħsara għall-kompetizzjoni u ma humiex paragunabbli għal ftehimiet dwar tqassim tas-suq, u l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li naqset milli tevalwa l-kontrofattwali.

Permezz tar-raba’ agravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi, u pprovdiet motivazzjoni kontradittorji meta kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li Lundbeck u Generics kienu kompetituri attwali jew potenzjali fiż-żmien tal-Ftehimiet, irrispettivament minn jekk il-prodotti ta’ Generics kinux jiksru l-privattivi ta’ Lundbeck. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li injorat l-eżistenza ta’ ostakli legali, jiġifieri l-privattivi ta’ Lundbeck, li kienu jostakolaw id-dħul fis-suq ta’ Generics bil-prodotti citalopram li kienu jiksru l-privattiva. It-tieni nett, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li Lundbeck kellha dubji dwar il-validità tal-privattivi tagħha hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, bi żball manifest fl-evalwazzjoni tal-provi u b’motivazzjoni kontradittorja. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li provi datati wara l-konklużjoni tal-Ftehimiet, iżda li madankollu f’ħafna każijiet kienu datati qabel l-iskadenza tal-Ftehimiet, ma jistagħux ikunu deċiżivi fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-kumpanniji tal-grupp Generics kinux kompetituri potenzjali ta’ Lundbeck. Dawn id-dokumenti jinkludu evidenza xjentifika li il-kumpanniji tal-grupp Generics jew il-produtturi tagħhom ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi kisru l-privattivi ta’ Lundbeck, ordnijiet preliminari jew forom oħra ta’ miżuri provviżorji mill-qrati nazzjonali favur Lundbeck kontra l-prodotti citalopram bbażati fuq l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi użati minn uħud mill-kumpanniji tal-grupp Generics, u konferma tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (iktar ’il quddiem l-“EPO”) dwar il-validità tal-privattiva dwar il-kristallizzazzjoni ta’ Lundbeck dwar l-aspetti rilevanti kollha, li fir-rigward tas-saħħa tagħha l-Kummissjoni kellha dubji. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tagħti motivazzjoni meta kkonstatat li kull waħda mill-kumpanniji tal-grupp Generics kellhom possibiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq mingħajr ma evalwat b’mod xieraq jekk dawn setgħux jagħmlu dan bi citalopram li ma jiksirx il-privattiva.

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat l-impożizzjoni ta’ multi fuq Lundbeck mill-Kummissjoni. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat ħażin l-istandard għall-ħtija. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li Lundbeck ma setgħetx ma kinitx konxja tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nonretroattività meta kkonfermat l-impożizzjoni ta’ multa li kienet iktar milli multa simbolika.

Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa meta kkonfermat il-kalkolu tal-Kummissjoni tal-multi imposti fuq l-appellanti. Il-valur tal-bejgħ li fuqu huma bbażati l-multi jinkludi l-bejgħ ta’ Lundbeck f’ċerti Stati Membri taż-ŻEE fejn il-kumpanniji tal-grupp Generics kienu effettivament preklużi milli jidħlu għaliex kisbu awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem “ATS”) biss wara l-iskadenza tal-Ftehim jew, fir-rigward tal-Awstrija, minħabba li l-privattiva dwar il-molekuli citalopram ta’ Lundbeck kienet għadha fis-seħħ għal parti sinjifikattiva tat-termini tal-Ftehimiet. Barra minn hekk, il-każ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ perċentwali minħabba l-gravità iktar baxxa, b’mod partikolari peress li l-Ftehimiet ma humiex paragunabbli ma’ kartelli u l-portata ġeografika effettiva tagħhom kienet ferm iktar limitata mill-ambitu ġeografiku litterali tagħhom.