23.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fl-24 ta’ Ottubru 2016 – DUEMMESGR SpA vs Associazione Cassa Nazionale di Previdenza e Assistenza in favore dei Ragionieri e Periti Commerciali (CNPR)

(Kawża C-536/16)

(2017/C 022/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DUEMMESGR SpA

Konvenuta: Associazione Cassa Nazionale di Previdenza e Assistenza in favore dei Ragionieri e Periti Commerciali (CNPR)

Domandi preliminari

1)

Jekk wieħed jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jimponu n-natura oneruża tal-assistenza fl-istabbiliment tal-proċess (soccorso istruttorio) bil-għan li din tiġi rregolarizzata, l-Artikolu 38(2a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tal-2006, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni […] huwa kuntrarju jew le għad-dritt Komunitarju meta jipprevedi l-ħlas ta’ “sanzjoni pekunjarja” ta’ ammont li għandu jiġi ffissat mill-awtorità kontraenti (“ammont li ma jistax ikun inqas minn wieħed f’elf jew iktar minn wieħed fil-mija tal-valur tal-kuntratt, u fi kwalunkwe każ li ma jistax ikun ogħla minn EUR 50 000 u li l-ħlas tiegħu huwa ggarantit mill-kawzjoni provviżorja”) fid-dawl tal-ammont eċċessivament għoli u tan-natura tas-sanzjoni li hija ffissata bil-quddiem, peress li dan ma jistax jiġi adattatskont is-sitwazzjoni konkreta li għandha tiġi rregolata, jiġifieri tal-gravità tal-irregolarità li għaliha wieħed jixtieq jirrimedja?

2)

Għall-kuntrarju, dan l-istess Artikolu 38(2a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tal-2006 (dejjem fi-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data msemmija iktar ’il fuq) jikser id-dritt Komunitarju sa fejn in-natura oneruża tal-assistenza fl-istabbiliment tal-proċess jista’ fih innifsu jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra l-prinċipji intiżi għall-ftuħ massimu tas-suq għall-kompetizzjoni li din is-sistema ta’ assistenza hija intiża li tikseb, billi l-liġi timponi lill-awtorità kontraenti li tipprovdi din l-assistenza fl-interess pubbliku li tilħaq dan l-għan ta’ kompetizzjoni?