30.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Ottubru 2016 – Ralf-Achim Vetter, Susanne Glang-Vetter, Anna Louisa Vetter, Carolin Marie Vetter vs Germanwings GmbH

(Kawża C-521/16)

(2017/C 030/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Hannover

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ralf-Achim Vetter, Susanne Glang-Vetter, Anna Louisa Vetter, Carolin Marie Vetter

Konvenuta: Germanwings GmbH

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ natura evitabbli jipprevedi biss li jkun hemm ċirkustanzi straordinarji jew li dan il-kunċett jipprevedi wkoll il-konsegwenzi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jiġifieri l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil?

2)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-kunċett ta’ natura evitabbli jipprevedi d-dewmien: meta ċ-ċirkustanzi straordinarji jaffettwaw l-ajruplan li jwettaq it-titjira preċedenti għal dik inkwistjoni, it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira għandu jkun meħtieġ li jsib ajruplan ieħor meta jseħħu ċirkustanzi straordinarji jew jista’ jistenna sakemm ikun ċert li dawn iċ-ċirkustanzi se jwasslu għal dewmien twil tat-titjira sussegwenti?

3)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-kunċett ta’ natura evitabbli jipprevedi d-dewmien: is-sub-chartering ta’ ajruplan jikkostitwixxi miżura mhux raġonevoli meta l-ispiża tammonta għal madwar it-triplu ta’ dik tat-titjira kif prevista?


(1)  Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).