19.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 475/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Guimarães (il-Portugall) fit-3 ta’ Ottubru 2016 – Isabel Maria Pinheiro Vieira Rodrigues vs José Manuel Proença Salvador et

(Kawża C-514/16)

(2016/C 475/18)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal da Relação de Guimarães

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Isabel Maria Pinheiro Vieira Rodrigues

Konvenuti: José Manuel Proença Salvador, Crédito Agrícola Seguros – Companhia de Seguros de Ramos Reais, SA, Jorge Oliveira Pinto

Domandi preliminari

1)

L-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE (1), tal-24 ta’ April 1972, fir-rigward tal-użu ta’ vetturi li normalment ikunu bbażati fit-territorju ta’ kull Stat Membru għandu japplika għall-użu ta’ vetturi, fi kwalunkwe post, pubbliku jew privat, biss f’każijiet meta jkunu f’moviment jew anki meta jkunu weqfin, iżda bil-mutur tagħhom mixgħul?

2)

L-imsemmi kunċett ta’ użu ta’ vetturi, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, jinkludi trattur agrikolu, wieqaf f’mogħdija ċatta ta’ ħamrija, ta’ għalqa, li jkun qed jintuża, normalment, fit-twettiq ta’ xogħlijiet agrikoli (tbexxix ta’ erbiċida f’għalqa tad-dwieli), bil-mutur mixgħul, sabiex iħaddem il-pompa tat-tank li jinkludi l-erbiċida u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, b’riżultat ta’ ċaqlieq ta’ art ikkawżat mill-fatturi segwenti kkunsidrati flimkien:

il-piż tat-trattur,

il-vibrazzjoni kkawżata mill-mutur tat-trattur u mill-pompa ta’ ħruġ tal-bexxiexa, imwaħħla fuq il-parti ta’ wara tal-imsemmi trattur,

ix-xita qawwija li niżlet,

l-imsemmi trattur waqa’ b’riżultat li weġġa’ erba’ ħaddiema li kienu qed iwettqu dak ix-xogħol f’artijiet iktar l-isfel, u kawża l-mewt ta’ ħaddiema li kienet qed iżżomm il-pajp li bih kien qed isir il-bexx?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għaż-żewġ domandi preċedenti, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 4(4) tad-Digriet Liġi Nru 291/2007 tal-21 ta’ Awwissu 2007) li eskludiet l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-imsemmi Artikolu 3(1) għas-sitwazzjonijiet fejn il-vetturi jintużaw għal funzjonijiet sempliċement agrikoli jew industrijali?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10).