31.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 402/20


Appell ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2016 minn Pénzügyi Ismeretterjesztő és Érdek-képviseleti Egyesület (PITEE) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-20 ta’ Lulju 2016 fil-Kawża T-674/15, Pénzügyi Ismeretterjesztő és Érdek-képviseleti Egyesület (PITEE) vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-464/16 P)

(2016/C 402/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Pénzügyi Ismeretterjesztő és Érdek-képviseleti Egyesület (PITEE) (rappreżentant: D. Lazar, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Lulju 2016 fil-Kawża T-674/15;

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru (Ares (2015)4207700) u tal-14 ta’ Awwissu 2015 (Ares (2015)3532556), li jirrifjutaw lill-appellanti aċċess għal dokumenti;

tordna lill-Kummissjoni tagħmel aċċessibbli għall-appellanti d-dokumenti kollha tal-Gvern Ungeriż marbuta mal-Każ Pilot tal-UE 6874/14/JUST (CHAP (2015)00353 u CHAP (2015)00555), indipendentement minn jekk humiex diġà disponibbli jew jekk ser isirux disponibbli biss fil-ġejjieni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-aggravji prinċipali mressqa kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali huma kif ġej:

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti fis-sens tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex awtorizzata taġixxi hija nnifisha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda għandha tuża s-servizzi ta’ terz (1).

Barra minn hekk, avukati li għandhom funzjonijiet ta’ ġestjoni fil-korpi ta’ tmexxija ta’ persuna ġuridika ma jistgħux jiddefendu l-interessi ta’ dawn il-persuni quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea (2).

Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tikser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex ċar liema huwa l-għan leġittimu segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-interpretazzjoni tagħha tal-Istatut. Barra minn hekk, ma huwiex ċar b’liema interpretazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-rappreżentant legali għandu jkun terz indipendenti. Fi kwalunkwe każ, l-Istatut ma jinkludix din l-espressjoni.

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li kull parti u kull persuna ġuridika hija libera li tagħżel ir-rappreżentant legali tagħha.


(1)  Digriet tal-5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C–174/96 P, EU:C:1996:473, punt 11; digriet tal-21 ta’ Novembru 2007, Correia de Matos vs Il-Parlament, C–502/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:696, punt 11; digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni, C–74/10 P u C–75/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:557, punt 54.

(2)  Digriet tat-8 ta’ Diċembru 1999, Euro-Lex vs UASI (EU-Lex), T–79/99, EU:T:1999:312, punt 29; digriet tat-13 ta’ Jannar 2005, Suivida vs Il-Kummissjoni, T–184/04, EU:T:2005:7, punt 10; digriet tat-30 ta’ Novembru 2012, Activa Preferentes vs Il-Kunsill, T–437/12, mhux ippubblikat, EU:T:2012:638, punt 7.