24.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/14


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2016 minn Global Steel Wire, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/16 u T-438/12 sa T-441/12, Moreda-Riviere Trefilerias et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-457/16 P)

(2016/C 392/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Global Steel Wire, S.A. (rappreżentanti: F. González Díaz, A. Tresandi Blanco, V. Romero Algarra, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/16, u b’mod partikolari, fil-Kawża T-429/10, Global Steel Wire vs Il-Kummissjoni

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll ta’ dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka t-tlettax-il aggravju li ġejjin:

Dwar l-attribuzzjoni tal-ksur, sa fejn tikkonċerna l-indizji supplimentari:

1.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-allegata eżistenza ta’ rabtiet strutturali bejn TQ u GSW qabel l-1996 u wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti relatati ma’ dawk responsabbli għall-ksur matul it-tul tiegħu.

2.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, bi ksur tal-obbligi tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u applikat kriterju ġuridiku żbaljat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-setgħat tal-amministratur uniku, bħala indizju ġuridikament rilevanti tal-eżistenza ta’ unità ekonomika waħda.

3.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-qasam tal-klassifikazzjoni ġuridika, u żnaturat il-fatti relatati mal-perċezzjoni tal-kompetituri.

4.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-qasam tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti relatati mas-sovrapożizzjoni tal-persunal.

5.

Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti dwar it-tqassim tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ ta’ AP bejn GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar.

6.

Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti relatati mal-laqgħa allegata.

Fuq l-attribuzzjoni tal-ksur, f’dak li jirrigwarda s-suċċessjoni ta’ impriżi.

7.

Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-suċċessjoni ta’ impriżi.

8.

It-tmien nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta qieset li kemm GSW kif ukoll MRT huma responsabbli għall-aġir ta’ Trenzas u Cables.

Fuq l-attribuzzjoni tal-ksur, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti u tal-provi prodotti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti

9.

Id-disa’ nett, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-kondotta ta’ TQ lil GSW għat-tul kollu tal-ksur.

10.

L-għaxar nett, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza effettiva ta’ influwenza determinanti; wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi prodotti mill-appellanti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-impriżi miżmuma minnha u kisret l-obbligi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju.

Fuq l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva:

11.

Il-ħdax nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fi ksur tad-drittijiet meta qieset li, sa fejn il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità kontributtiva tal-appellanti fuq fatti prodotti u magħrufa minn din tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet irrispettat id-dritt għal smigħ tal-appellanti.

12.

It-tnax nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata possibbiltà li l-appellanti tikseb finanzjament estern, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi billi ma eżerċitatx skont id-dritt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju, wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-fatti u tal-provi fir-rigward tal-possibbiltà li l-appellanti tikseb finanzjament estern.

13.

It-tlettax nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata possibbiltà li l-appellanti tirrikorri għall-azzjonisti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, kisret l-obbilgu tagħha li twettaq stħarriġ b’ġurisdizzjoni sħiħa, meta qieset li l-appellanti ma kinitx tat lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa d-daqs tal-assi netti tal-azzjonisti tagħha u, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom ir-rapporti ta’ Deloitte invokati mill-appellanti ma għandhomx valur probatorju.