19.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/27


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Pollakka

(Kawża C-336/16)

(2016/C 343/39)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Hermann u E. Manhaeve, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Pollakka

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha stabbiliti taħt l-Artikolu 13(1) flimkien mal-Anness XI, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1), u l-Artikolu 22(3) flimkien mal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (1);

mill-2007 u mill-inqas mill-2013, il-valuri ta’ limitu ta’ kuljum tal-kwalità tal-arja inqabżu f’35 żona u l-valuri ta’ limitu annwali tal-kwalità tal-arja inqabżu f’9 żoni, għal dak li jirrigwarda l-PM10 u ma ġiet sottomessa l-ebda informazzjoni li tindika li s-sitwazzjoni tjiebet;

il-programmi ta’ kwalità tal-arja ma nkludewx miżuri xierqa sabiex iqassru l-iktar possibbli l-perijodu li matulu l-valuri ta’ limitu għall-PM10 fl-arja jinqabżu;

il-valur ta’ limitu ta’ kuljum miżjud bil-marġni tat-tolleranza mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żona 14.17 – il-belt ta’ Radom –, fiż-żona 14.18 – Pruszków-Żyrardów – u fiż-żona 16.15 – Kędzierzyn-Koźle – u mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-10 ta’ Ġunju 2011 fiż-żona 30.3 – Ostrów-Kępno – inqabżu; u

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, ġie traspost inkorrettament;

tikkundanna lir-Repubblika Pollakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-2007, il-valuri ta’ limitu ta’ kuljum u annwali għall-PM10 inqabżu rispettivament f’35 żona u f’9 żoni. Minkejja dan il-ksur tal-Artikolu 13(1) flimkien mal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE ir-Repubblika tal-Polonja baqgħet ma adottatx, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE, miżuri effettivi għall-implementazzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja sabiex dawn il-limiti jinqabżu għall-iqsar żmien possibbli.

L-ineffettività ta’ dawn il-miżuri rilevanti tirriżulta b’mod partikolari mit-tul ta’ żmien li fih il-valuri ta’ limitu nqabżu u min-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi valuri ta’ emissjoni għall-karburanti użati għall-ġenerazzjoni tat-tisħin għall-użu individwali u tal-istandards ta’ emissjoni għat-tagħmir għat-tisħin individwali.


(1)  ĠU L 152, p. 1.