11.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 251/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Portugall) fis-27 ta’ April 2016 – José Rui Garrett Pontes Pedroso vs Netjets Management Limited

(Kawża C-242/16)

(2016/C 251/17)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal de Justiça

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: José Rui Garrett Pontes Pedroso

Konvenuta: Netjets Management Limited

Domandi preliminari

1)

Fil-kuntest fattwali tal-kawża inkwistjoni – il-ħaddiem huwa pilota tal-avjazzjoni ċivili u l-attività mwettqa minnu, fil-qafas tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, jinkludi l-ispazju tal-ajru Ewropew kollu –, id-determinazzjoin tal-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” u/jew tal-“aħħar post fejn kien jagħmel hekk”, fis-sens al-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (1), tat-22 ta’ Diċembru 2000, tinsab ippreġudikata?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, jiġifieri, jekk din id-determinazzjoni ma tirriżultax li tiġi ppreġudikata:

i)

Il-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-imsemmija regola tad-dritt Komunitarju, għandha jew tista’ tiġi interpretata fis-sens li huwa l-post tal-ajruport fejn il-mezz tal-ajru huwa stazzjonat li għandu jiġi mtajjar mill-ħaddiem, li jagħti bidu għall-vjaġġ li bih jibda jwettaq il-funzjonijiet tiegħu?

U/jew għandu/jista’ jiġi interpretat fis-sens li jikkorrispondi għall-post li l-partijiet jistabbilixxu bħala gateway airport (ajruport tad-dħul), li minnu l-ħaddiem ġie ttrasportat lejn l-ajruport fejn kien stazzjonat il-mezz tal-ajru li kellu jtajjar, u li lejh sussegwentement daħal lura?

U/jew għandu/jista’ jkun il-post fejn saret ir-reġistrazzjoni tal-mezzi tal-ajru mtajjra mill-ħaddiem?

U/jew għandu/jista’ jkun il-post minn fejn il-ħaddiem irċieva l-istruzzjonijiet, il-komunikazzjonijiet u l-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tat-titjir, l-aspetti varji tar-relazzjoni professjonali tiegħu mal-konvenuta u l-proċedura li temmet ir-relazzjoni?

ii)

L-“aħħar post fejn kien jagħmel hekk”, fis-sens tal-imsemmija regola tad-dritt Komunitarju, għandha jew tista’ tiġi interpretata fis-sens li huwa l-post tal-ajruport fejn il-mezz tal-ajru huwa stazzjonat li l-ħaddiem tajjar għall-aħħar darba qabel ma ġie tterminat il-kuntratt tax-xogħol tiegħu?

Jew preċedentement għandu/jista’ jiġi interpretat fis-sens li jikkorrispondi għal dak li l-partijiet jistabbilixxu bħala gateway airport (ajruport tad-dħul), li minnu l-ħaddiem ġie ttrasportat, għall-aħħar darba qabel it-trasferiment tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, lejn l-ajruport fejn kien stazzjonat il-mezz tal-ajru li kellu jtajjar, u li lejh sussegwentement daħal lura?

3)

Fil-kuntest fattwali tal-kawża inkwistjoni, l-espressjoni “post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat” fis-sens tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, jista’ jiġi interpretat fis-sens ta’ “ċentru operattiv” tal-impriża li titniżżel bħala l-persuna li timpjega fil-kuntratt tax-xogħol magħmul mal-ħaddiem, fejn iseħħ il-proċess ta’ reklutaġġ tal-piloti (permezz tar-riċeviment u tal-ipproċessar tal-kandidaturi rispettivi) u fejn dawn jirċievu t-taħriġ inizjali u komplimentari, anki meta l-imsemmi “ċentru operattiv” jopera u jkun ibbażat f’impriża oħra, ġuridikament awtonoma mill-ewwel impriża, minkejja li t-tnejn jappartjenu għall-istess grupp ekonomiku?

4)

Fil-kuntest fattwali tal-kawża inkwistjoni, l-espressjonijiet “ċentru amministrattiv” jew “post prinċipali tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, jistgħu jiġu interpretati fis-sens ta’ “ċentru operattiv” tal-impriża li titniżżel bħala l-persuna li timpjega fil-kuntratt tax-xogħol magħmul mal-ħaddiem, minn fejn l-operazzjonjiet min-naħa tagħha huma kkontrollati (mill-verifika tal-manutenzjoni, tal-operazzjonijiet ta’ titjir u tal-programmazzjoni tat-titjiriet; l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-attivitajiet ta’ titjir tal-mezzi tal-ajru u saħansitra l-operazzjonijiet tal-art u catering) u li minnha l-istruzzjonijiet kollha huma diretti lill-piloti, minn fejn dawn jirċievu t-taħriġ inizjali u komplimentari, huma ġestiti l-kwistjonijiet tar-riżorsi umani u jitmexxew il-laqgħat dixxiplinari jew ilmenti, anki meta l-imsemmi “ċentru operattiv” jopera u jkun ibbażat f’impriża oħra, ġuridikament awtonoma mill-ewwel impriża, minkejja li t-tnejn jappartjenu għall-istess grupp ekonomiku?

5)

Fid-dawl tal-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, li fih huwa previst li fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ konsum u ta’ xogħol, huwa opportun li tiġi protetta l-iktar parti debboli permezz ta’ regoli ta’ kompetenza iżjed favorevoli għall-interessi tagħha milli għar-regola ġenerali, l-imsemmi Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, għandu jiġi interpretat b’mod iktar favorevoli għall-ħaddiem?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).