20.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 222/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) fit-18 ta’ April 2016 – C. King vs The Sash Window Workshop Ltd, Richard Dollar

(Kawża C-214/16)

(2016/C 222/08)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: C. King

Konvenuti: The Sash Window Workshop Ltd, Richard Dollar

Domandi preliminari

1.

Fil-każ ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal leave annwali bi ħlas skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (1), huwa kompatibbli mad-dritt tal-UE, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, il-fatt li l-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jstabbilixxi jekk huwiex intitolat li jitħallas?

2.

Fil-każ li l-ħaddiem ma jiħux il-leave annwali kollu jew parti minnu li għalih huwa intitolat fis-sena ta’ leave meta kwalunkwe dritt għandu jiġi eżerċitat, f’ċirkustanzi fejn huwa ma jagħmilx dan biss minħabba l-fatt li l-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li huwa jieħu, il-ħaddiem jista’ jsostni li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave bi ħlas b’mod li d-dritt jiġi rrimandat sakemm huwa jkollu l-possibbiltà li jeżerċitah?

3.

Fil-każ li d-dritt jiġi rrimandat, dan isir għal żmien indefinit jew hemm perijodu limitat għall-eżerċizzju tad-dritt rimandat b’analoġija mal-limitazzjonijiet imposti meta l-ħaddiem ma jkunx jista’ jeżerċita d-dritt għal-leave fis-sena tal-leave rilevanti minħabba mard?

4.

Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni statutorja jew kuntrattwali li tispeċifika perijodu tal-leave rimandat, il-qorti hija obbligata li timponi limitu għall-perijodu tal-leave rimandat sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tar-Regolamenti ma tfixkilx l-għan tal-Artikolu 7?

5.

Jekk iva, iż-żmien ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena tal-vaganzi li fiha akkumula l-leave huwa kompatibbli mad-dritt tal-Artikolu 7?


(1)  Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).