30.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/13


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Grand Dukat tal-Lussemburgu

(Kawża C-152/16)

(2016/C 191/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: J. Hottiaux, aġent)

Konvenut: Il-Grand Dukat tal-Lussemburgu

Talbiet

tiddikjara li billi ma ħoloqx ir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-transport bit-triq tiegħu, u għaldaqstant, billi ma stabbilixxiex interkonnessjoni mar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra, il-Grand Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 16(1) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (1);

tikkundanna lill-Grand Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-transport bit-triq li ġew awtorizzati mill-awtorità kompetenti nazzjonali sabiex jeżerċitaw il-professjoni ta’ trasportatur bit-triq.

Issa, mir-risposta tal-Istat Lussemburgiż għall-ittra ta’ intimazzjoni jirriżulta ma ġiex stabbilit tali reġistru nazzjonali.

Konsegwentement, l-Istat Lussemburgiż ma jinsabx konformi mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1071/2009.

Skont l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1071/2009, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex ir-reġistri elettroniċi nazzjonali jkunu interkonnessi u aċċessibbli fl-Unjoni kollha.

Fl-assenza ta’ reġistru nazzjonali, ma hemm l-ebda dubju li l-amministrazzjoni Lussemburgiża ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex ir-reġistru nazzjonali tagħha, li ma jeżistix, jiġi interkonness mar-reġistri nazzjonali l-oħra.

Konsegwentement, l-Istat Lussemburgiż ma kkonformax ruħu mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1071/2009.


(1)  ĠU L 300, p. 51.