30.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fl-14 ta’ Marzu 2016 – UAB “Vakarų Baltijos laivų statykla” vs Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-151/16)

(2016/C 191/16)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti:“Vakarų Baltijos laivų statykla”

Konvenuta: Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003 (1), li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, kif l-aħħar emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE, tad-29 ta’ April 2004 (2), għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li d-dazji tas-sisa ma jistgħux jinġabru fuq il-proviżjon ta’ prodotti ta’ enerġija f’ċirkustanzi fejn, bħal f’dan il-każ, dawn il-prodotti huma pprovduti bħala karburant lil bastiment sabiex jintużaw għal skopijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra tal-[Unjoni Ewropea] bil-għan, li ma jinvolvix remunerazzjoni diretta, li dan il-bastiment ibaħħar bil-mezzi tiegħu stess mill-post fejn ġie mibni għal port fi Stat Membru ieħor sabiex jimbarka l-ewwel merkanzija kummerċjali tiegħu?

2)

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jipprekludi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, bħal dawk applikabbli f’dan il-każ, li jipprekludu l-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali previst f’din id-dispożizzjoni fil-każ fejn il-proviżjon tal-prodotti ta’ enerġija sar bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru, anki jekk dan il-proviżjon jissodisfa l-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tad-Diretttiva 2003/96?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 21.