25.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/18


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2016 minn Dyson Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-11 ta’ Novembru 2015 fil-Kawża T-544/13: Dyson Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-44/16 P)

(2016/C 145/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Dyson Ltd (rappreżentanti: E. Batchelor, M. Healy, solicitors, F. Carlin, barrister, A. Patsa, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tannulla r-Regolament (1) ikkontestat fl-intier tiegħu; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Dyson inkonnessjoni ma’ dawn il-proċeduri u dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali

Dyson isostni illi l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi:

i.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-motiv imressaq minn Dyson bħala żball manifest minflok nuqqas ta’ kompetenza legali skont l-Artikolu 10 (1) tad-Direttiva 2010/30/EU (2);

ii.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod ħażin il-portata tas-setgħat iddelegati tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 (1) tad-Direttiva 2010/30/UE;

iii.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet ta’ difiża ta’ Dyson fir-rigward ta’ fatti li fuqhom Dyson ma kellhiex l-opportunità tagħti l-perspettiva tagħha.

iv.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali għawġet u/jew injorat evidenza rilevanti;

v.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja peress illi naqset illi tagħti r-raġunijiet għaliex: (i) ikklassifikat it-test legali applikabbli bħala żball manifest; (ii) ikkonkludiet li d-data ta’ Dyson kienet “estremament spekulattiva”; (iii) straħet fuq parti mhux speċifikata ta’ “studju ta’ impatt” mhux identifikat; u (iv) injorat l-evidenza ta’ riproduċibilita’ ta’ Dyson; u

vi.

Fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod ħażin it-test legali ta’ trattament ugwali.

Dyson titlob bir-rispett li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u tilqa’ t-talba mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 (ir-“Regolament ikkontestat”) peress li għandha biżżejjed informazzjoni quddiemha biex tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tal-kwistjonijiet imqajma fl-ewwel istanza.


(1)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners ĠU L 192, p. 1

(2)  Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija GU L 153, p. 1