Kawża C‑685/16

EV

vs

Finanzamt Lippstadt

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Münster)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 63 sa 65 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Tnaqqis fuq il-profitti taxxabbli – Ishma miżmuma minn kumpannija omm f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha t-tmexxija tagħha u s-sede tagħha fi Stat terz – Dividendi ddistribwiti lill-kumpannija omm – Possibbiltà ta’ tnaqqis tat-taxxa suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti mit-tnaqqis fuq il-profitti li ġejjin minn ishma miżmuma f’kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata bid-dritt nazzjonali mhux eżentata”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑20 ta’ Settembru 2018

  1. Libertà ta’ stabbiliment–Moviment liberu tal-kapital–Kamp ta’ applikazzjoni–Leġiżlazzjoni fiskali–Taxxa fuq il-kumpanniji–Taxxa fuq id-dividendi–Trattament fiskali ta’ dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti f’pajjiż terz–Trattament fiskali bbażat fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li ma għandhiex l-għan li tapplika esklużivament fil-każ ta’ influwenza deċiżiva eżerċitata mill-kumpanija li tirċievi d-dħul fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi–Inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment–Applikabbilà tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital

    (Artikoli 49 TFUE, 63 TFUE, 64 TFUE u 65 TFUE)

  2. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti–Restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li sejjer jew li ġej minn pajjiż terz–Restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li jinvolvi investimenti diretti li kienu jeżistu fil‑31 ta’ Diċembru 1993–Kunċett ta’ investiment dirett–Parteċipazzjoni ta’ korp dominanti sa 100 % f’sottosussidjarja residenti fi Stat terz–Inklużjoni–Kunċett ta’ restrizzjoni li kienet teżisti fil‑31 ta’ Diċembru 1993–Leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati wara din id-data li jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali kemm fuq il-livell personali kif ukoll materjali–Modifika tal-kuntest leġiżlattiv globali–Esklużjoni

    (Artikolu 64(1) TFUE)

  3. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti–Restrizzjonijiet–Leġiżlazzjoni fiskali–Taxxa fuq il-kumpanniji–Taxxa fuq id-dividendi–Tnaqqis fuq il-profitti taxxabbli–Ishma miżmuma minn kumpannija omm f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha t-tmexxija tagħha u s-sede tagħha fi Stat terz–Dividendi ddistribwiti lill-kumpannija prinċipali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà tat-tnaqqis fuq l-imsemmija profitti għal kundizzjonijiet iktar stretti mit-tnaqqis fuq il-profitti li ġejjin minn ishma miżmuma f’kumpannija b’kapital azzjonarju ta’ dritt nazzjonali mhux eżentata–Inammissibbiltà–Ġustifikazzjoni–Assenza

    (Artikoli 63 TFUE, 64 TFUE u 65 TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 38‑41, 43‑46)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 72, 75, 77‑79, 82)

  3.  L-Artikoli 63 sa 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta tnaqqis fuq il-profitti li ġejjin minn ishma miżmuma f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha t-tmexxija tagħha u s-sede tagħha fi Stat terz għal kundizzjonijiet iktar stretti mit-tnaqqis fuq il-profitti li ġejjin minn ishma miżmuma f’kumpannija b’kapital azzjonarju ta’ dritt nazzjonali mhux eżentata.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Min-naħa l-oħra, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 28, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 49).

    Issa, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tiġi evitata taxxa doppja billi tawtorizza t-tnaqqis mill-bażi tat-taxxa fuq il-profitti tal-impriżi d-dividendi li ġejjin minn ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju waħda jew iktar, is-sitwazzjoni tal-kumpannija li tirċievi dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti hija paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija li tirċievi dħul minn ishma minn kumpanniji mhux residenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 62, u tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 113).

    F’dan il-kuntest, hemm lok jitfakkar li, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali titqies li hija intiża li tevita l-frodi u l-abbużi, l-għan speċifiku tagħha għandu jkun li jostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, li l-għan tagħhom huwa l-benefiċċju indebitu minn vantaġġ fiskali (sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2012, SIAT, C‑318/10, EU:C:2012:415, punt 40, u tas‑7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Għaldaqstant, preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u ta’ abbuż ma tistax tiġġustifika miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat u s-sempliċi fatt li l-kumpannija distributriċi tad-dividendi jkollha s-sede tagħha fi Stat terz lanqas ma jista’ jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ frodi fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, A, C‑48/11, EU:C:2012:485, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    (ara l-punti 88, 89, 92, 95, 96, 100 u d-dispożittiv)