SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

31 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 7(1) – Implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel in-notifika lill-Kummissjoni Ewropea u qabel id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni – Projbizzjoni – Portata – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni’ – Xoljiment ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ terz minn waħda mill-impriżi li huma partijiet fil-konċentrazzjoni”

Fil-Kawża C-633/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sø- og Handelsretten (il-Qorti Marittima u Kummerċjali, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Ernst & Young P/S

vs

Konkurrencerådet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ernst & Young P/S, minn G. Holtsø u J. Plum, advokater,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn J. Pinborg, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u T. Vecchi, bħala aġenti, assistiti minn H. Peytz, advokat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Ernst & Young P/S quddiem is-Sø- og Handelsretten (il-Qorti Marittima u Kummerċjali, id-Danimarka) kontra deċiżjoni tal-Konkurrencerådet (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, id-Danimarka) li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkonstata li, minn naħa, Ernst & Young, Ernst & Young Europe LLP, Ernst & Young Godkendt Revisionsaktieselskab, Ernst & Young Global Limited u EYGS LLP (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji EY”) u, min-naħa l-oħra, KPMG Statsautoriseret Revisionspartnerselskab, Komplementarselskabet af 1. januar 2009 Statsautoriseret Revisionsaktieselskab u KPMG Ejendomme Flintholm K/S (iktar ’il quddiem, flimkien, il-kumpanniji “KPMG DK”) kienu kisru l-projbizzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni tagħha mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ sospensjoni”), konformement mal-Artikolu 12c(5) tal-konkurrencelov (il-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 6, 20 u 34 tar-Regolament Nru 139/2004 huma fformulati kif ġej:

“(5)

[…] [G]ħandu jkun assigurat li l-proċess ta’ riorganizzazzjoni ma jwassalx għal ħsara fil-kompetizzjoni li ddum tinħass; il-liġi Komunitarja għandha, għaldaqstant, tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

(6)

Għaldaqstant, hemm il-bżonn ta’ strument legali speċifiku li jippermetti li jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skond l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità. Dan l-istrument għandu jkun l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet. […].

[…]

(20)

Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. Barra minn hekk, huwa xieraq li jkunu meqjusa bħala konċentrazzjoni waħda dawk it-transazzjonijiet li jkunu marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b’kundizzjoni jew jieħdu l-forma ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli liema transazzjonijiet isiru f’perjodu ta’ żmien raġjonevolment qasir.

[…]

(34)

Sabiex ikun assigurat kontroll effettiv, impriżi ma għandhomx ikunu obbligati li jagħtu notifika minn qabel dwar konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja wara li jikkonkludu ftehim, wara li jħabbru offerta pubblika għal jew akkwist f’interess li għandu kontroll fl-impriża. […] L-implimentazzjoni tal-konċentrazzjonijiet għandha tkun sospiża sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali. Madankollu, fejn ikun xieraq u fuq talba ta’ l-impriżi konċernati, għandu jkun possibbli li jsiru derogi minn din is-sospensjoni. […]”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ konċentrazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

(a)

l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

(b)

l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

2.   Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

dritt ta’ proprjetà fuq jew dritt ta’ użu mill-assi kollha jew minn parti mill-assi ta’ impriża;

(b)

drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, l-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet ta’ l-organi ta’ impriża.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet u riferenza qabel in-notifika fuq talba tal-partijiet li jagħmlu n-notifika”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Konċentrazzjoni[jiet] b’dimensjoni Komunitarja definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll.”

6

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja kif definit f’Artikolu 1, jew konċentrazzjoni li għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4(5), ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikoli 6(1)(b), 8 (1) jew 8 (2), jew a bażi ta’ preżunzjoni skond l-Artikolu 10(6).

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux ifixkel l-implimentazzjoni ta’ offerta pubblika jew ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli inklużi dawk li jistgħu jinbidlu f’titoli oħra u li tħallew jiġu negozjati f’suq bħal ma huwa borża u li permezz tagħhom kien akkwistat il-kontroll, fis-sens ta’ l-Artikolu 3, minn diversi bejjiegħa. Dan sakemm:

(a)

il-konċentrazzjoni tkun notifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4; u

(b)

minn jakkwista ma jeżerċitax id-drittijiet tal-vot marbuta mat-titoli konċernati jew jagħmel hekk biss sabiex iżomm il-valur totali ta’ l-investimenti tiegħu u dan a bażi ta’ deroga mogħtija mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 3.

3.   Il‑Kummissjoni tista’, wara li ssirilha talba, toħroġ deroga mill-obbligi imposti fil-paragrafi 1 jew 2. It-talba biex tingħata deroga għandha tinkludi l-argumenti u r-raġunijiet ta’ min jagħmilha. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar din it-talba, l-Kummissjoni għandha tqis, fost l-oħrajn, l-effetti tas-sospensjoni fuq waħda jew aktar minn waħda mill-impriżi konċernati fir-rigward tal-konċentrazzjoni jew fuq parti terz u t-theddida lill-kompetizzjoni li tipperżenta l-konċentrazzjoni. Din id-deroga tista ssir b’kundizzjonijiet u obbligi sabiex ikunu assigurati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. L-applikazzjoni għal deroga tista’ ssir u d-deroga tista’ tingħata f’kull stadju, kemm qabel in-notifika u anki wara t-transazzjoni.”

7

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 [tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)], (KEE) Nru 1017/68 […], (KEE) Nru 4056/86 […] u (KEE) Nru 3975/87 […] ma għandhomx japplikaw, minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti.”

Id-dritt Daniż

8

L-Artikolu 12c tal-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni jipprovdi:

“1.   L-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur għandha tiddeċiedi jekk konċentrazzjoni tistax tiġi approvata jew ipprojbita.

[…]

5.   Konċentrazzjoni li hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma għandhiex tiġi implimentata qabel ma tkun ġiet innotifikata jew sakemm ma tkunx ġiet approvata mill-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur taħt il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq.

[…]

6.   L-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur tista’ tagħti deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 u tista’ tissuġġetta din id-deroga għal kundizzjonijiet u għal obbligi maħsuba sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.”

9

Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Artikolu 12c tal-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet Daniżi dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet huma bbażati fuq dawk tar-Regolament Nru 139/2004 u għandhom jiġu interpretati konformement magħhom, fir-rigward tad-definizzjoni u tal-portata kemm tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” u kemm tal-obbligu ta’ sospensjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fit-18 ta’ Novembru 2013, il-kumpanniji KPMG DK ikkonkludew ftehim ta’ konċentrazzjoni mal-kumpanniji EY (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ konċentrazzjoni”).

11

F’dak iż-żmien, il-kumpanniji KPMG DK u EY kienu uffiċini ta’ awditjar li kienu jipprovdu servizzi ta’ awditjar statutorju jew ta’ awditjar indipendenti u ta’ kontabbiltà fid-Danimarka.

12

Fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ konċentrazzjoni, il-kumpanniji KPMG DK kienu membri ta’ netwerk internazzjonali ta’ uffiċini ta’ awdituri indipendenti bl-isem ta’ KPMG International Cooperative (iktar ’il quddiem “KPMG International”). Peress li l-kumpanniji KPMG DK ma kinux integrati strutturalment fin-netwerk KPMG International, fil-15 ta’ Frar 2010 kien ġie konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpanniji KPMG DK u KMPG International (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kooperazzjoni”). Skont dan il-ftehim, il-kumpanniji KPMG DK kellhom id-dritt esklużiv li jagħmlu parti minn KPMG International fid-Danimarka u li jużaw it-trade marks ta’ KPMG International għall-attivitajiet kummerċjali tagħhom f’dan l-Istat Membru.

13

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni kien jinkludi wkoll klawżoli dwar it-tqassim tal-klijenti, dwar l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi lill-klijenti ta’ Stati oħra u dwar kumpens annwali għall-parteċipazzjoni fin-netwerk. Barra minn hekk, dan il-ftehim kien jipprevedi li l-uffiċini ta’ awditjar parteċipanti ma setgħux jikkonkludu bejniethom kuntratti kummerċjali bħalma huma soċjetajiet jew impriżi konġunti. Dan il-ftehim kien jistabbilixxi wkoll kooperazzjoni volontarja u integrata bejn l-uffiċini ta’ awditjar parteċipanti, li kienu jaħdmu fuq il-bażi ta’ standards u ta’ proċeduri komuni u li, fir-rigward tal-klijenti, kienu jippreżentaw ruħhom bħala netwerk globali, minkejja li kull wieħed minnhom kien impriża awtonoma u indipendenti mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni.

14

Skont it-termini tal-ftehim ta’ konċentrazzjoni, sa mill-iffirmar tiegħu, il-kumpanniji KPMG DK kellhom jiddikjaraw li, fid-dawl ta’ konċentrazzjoni mal-kumpanniji EY, huma kienu ser jirtiraw minn KPMG International sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2014. Skont il-ftehim ta’ kooperazzjoni, ir-rinunzja għal dan il-ftehim minn waħda mill-partijiet kellha ssir b’avviż minn qabel ta’ minn tal-inqas sitt xhur qabel l-għeluq tas-sena fiskali ta’ KPMG International.

15

Huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kellhiex dimensjoni Komunitarja, fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, li kellha tkun is-suġġett ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti Daniżi u li l-implimentazzjoni tagħha kienet suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dawn l-awtoritajiet.

16

Wara li ffirmaw il-ftehim ta’ konċentrazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2013, il-kumpanniji KPMG DK irrunzjaw, fl-istess jum, għall-ftehim ta’ kooperazzjoni b’effett mit-30 ta’ Settembru 2014. Ir-rinunzja għall-ftehim ta’ kooperazzjoni ma kinitx suġġetta, fiha nfisha, għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

17

Il-konklużjoni tal-ftehim ta’ konċentrazzjoni saret pubblika fid-19 ta’ Novembru 2013.

18

Fl-20 ta’ Novembru 2013, KMPG International għamlet pubblika l-intenzjoni tagħha li żżomm preżenza fis-suq Daniż u, għal dan il-għan, fil-21 ta’ Novembru 2013, ħolqot attività ġdida ta’ awditjar u ta’ verifika tal-kontijiet fid-Danimarka, u dan minkejja li l-ftehim ta’ kooperazzjoni kien għadu fis-seħħ.

19

Diversi klijenti tal-kumpanniji KPMG DK iddeċidew li jibdlu l-awdituri statutorji jew l-awdituri indipendenti, fejn iddeċidew li jew jużaw is-servizzi ta’ KPMG International jew ta’ operaturi oħra.

20

Il-kumpanniji KPMG DK u EY implimentaw il-proċedura ta’ notifika minn qabel hekk kif il-ftehim ta’ konċentrazzjoni sar pubbliku u l-ewwel kuntatti mal-awtoritajiet Daniżi kienu saru sa mill-21 ta’ Novembru 2013.

21

Fit-13 ta’ Diċembru 2013 l-operazzjoni kienet ġiet innotifikata lill-Konkurrence‑ og Forbrugerstyrelsen (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur, id-Danimarka) u l-konċentrazzjoni ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tat-28 ta’ Mejju 2014, li kienet suġġetta għal numru ta’ impenji li kellhom jittieħdu mill-partijiet. Wara din l-awtorizzazzjoni, il-kumpanniji KPMG DK u KPMG International qablu li jtemmu l-ftehim ta’ kooperazzjoni b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2014.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonstata li l-kumpanniji KPMG DK, billi rrinunzjaw għall-ftehim ta’ kooperazzjoni, fit-18 ta’ Novembru 2013, konformement mal-ftehim ta’ konċentrazzjoni, jiġifieri qabel ma l-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma kien awtorizza l-konċentrazzjoni, kienu naqsu milli josservaw il-projbizzjoni, prevista fil-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel din l-awtorizzazzjoni.

23

Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jibbaża d-deċiżjoni kontenzjuża fuq evalwazzjoni tal-fatti kollha, li minnha jirriżulta li r-rinunzja għall-ftehim ta’ kooperazzjoni hija, b’mod partikolari, marbuta speċifikament mal-konċentrazzjoni, hija irreveresibbli u tista’ tipproduċi effetti fuq is-suq matul il-perijodu bejn din ir-rinunzja stess u l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni. B’mod partikolari, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni qies li ma kienx meħtieġ li jiġi stabbilit li l-imsemmija rinunzja kienet ikkawżat effetti li mmaterjalizzaw ruħhom fis-suq sa fejn il-fatt li setgħet tipproduċi dawn l-effetti huwa biżżejjed.

24

Ernst & Young, fl-1 ta’ Ġunju 2015, ippreżentat quddiem is-Sø- og Handelsretten (il-Qorti Marittima u Kummerċjali) rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża fejn ikkontestat, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni lill-portata tal-projbizzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni, kif ukoll ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża u l-impatt li allegatament kellha r-rinunzja għall-ftehim ta’ kooperazzjoni fuq is-suq.

25

Barra minn hekk, Ernst & Young enfasizzat li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali kien ser ikollha effett fuq il-kwistjoni ta’ eventwali sanzjoni kriminali, sa fejn l-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur, fil-11 ta’ Ġunju 2015, kienet ressqet il-każ quddiem l-iStatsanklageren for Særlig Økonomisk og International Kriminalitet (il-Prosekutur tal-Istat għall-Kriminalità Ekonomika u Internazzjonali Gravi, id-Danimarka) sabiex l-aġir tal-kumpanniji EY jiġi evalwat minn perspettiva kriminali.

26

Peress li r-regoli Daniżi dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet huma bbażati fuq ir-Regolament Nru 139/2004 u peress li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, irrefera, essenzjalment, għall-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u għall-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju qieset li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kienet qiegħda tagħti lok għal xi dubji.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sø- og Handelsretten (il-Qorti Marittima u Kummerċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Skont liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk aġir jew miżuri adottati minn impriża humiex koperti mill-projbizzjoni imposta bl-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 139/2004] (il-projbizzjoni ta’ implementazzjoni minn qabel [l-awtorizzazzjoni]), u miżura ta’ implementazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-imsemmija miżura, totalment jew parzjalment, fattwalment jew legalment, tikkostitwixxi element ta’ bidla fil-kontroll jew tal-amalgamazzjoni tal-attivitajiet li jkomplu jiġu eżerċitati mill-impriżi parteċipanti u li – sakemm il-livelli minimi kwantitattivi jintlaħqu – tagħti lok għall-obbligu ta’ notifika?

(2)

Ix-xoljiment ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni koperta mill-projbizzjoni imposta bl-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 139/2004] u skont liema kriterji għandu, għalhekk, jiġi evalwat?

(3)

Fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda hija rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk ix-xoljiment effettivament ipproduċiex effetti sinjifikattivi, mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, fuq is-suq?

(4)

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, qed jintalab li jiġi speċifikat skont liema kriterji u skont liema livell ta’ probabbiltà għandu jiġi evalwat, f’dan il-każ, jekk ix-xoljiment ipproduċiex tali effetti fuq is-suq, b’mod partikolari kemm jista’ jkun sinjifikattiv il-fatt li tali effetti jistgħu jkunu imputabbli għal kawżi oħra?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

28

Il‑Kummissjoni espremiet numru ta’ dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali u minħabba li l-liġi applikabbli ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Unjoni, iżda huma biss ix-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-liġi li jispeċifikaw li din il-liġi għandha tiġi interpretata fid-dawl tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz ta’ dan l-artikolu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, iddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li kienu jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni iżda li fihom l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu saru applikabbli bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li, għas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet purament interni, kienet tikkonforma ruħha mas-soluzzjonijiet mogħtija fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’tali każijiet, hemm interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri fl-interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom ikunu maħsuba li japplikaw (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fir-rigward tat-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju tal-Liġi Taljana dwar il-Kompetizzjoni li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C-280/06, EU:C:2007:775, punti 2324), il-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni ma tagħmilx riferiment dirett għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ntalbet l-interpretazzjoni tagħhom.

32

Bl-istess mod, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ungeriża dwar il-Kompetizzjoni li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C-32/11, EU:C:2013:160, punt 21), il-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni ma tirriproduċix b’mod dirett id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 139/2004.

33

Madankollu, minn naħa, mill-atti fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li x-xogħlijiet preparatorji tal-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni juru li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Daniż kienet li jarmonizza d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma’ dak tal-Unjoni, sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma essenzjalment ibbażati fuq ir-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, l-Artikolu 12c(5) tal-Liġi Daniża dwar il-Kompetizzjoni jintroduċi projbizzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ kull operazzjoni ta’ konċentrazzjoni qabel ma din tiġi nnotifikata lil jew awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti, projbizzjoni li essenzjalment hija identifika għal dik prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

34

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju, fl-evalwazzjoni tagħha tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża pendenti quddiemha u, b’mod partikolari, tax-xogħlijiet preparatorji tal-liġi nazzjonali applikabbli li l-interpretazzjoni tagħha taqa’ fil-kompitu tal-qorti tar-rinviju, qieset li d-dritt Daniż għandu jiġi interpretat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

36

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni tkun implimentata biss permezz ta’ operazzjoni li, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata. B’mod partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk ir-rinunzja għal ftehim ta’ kooperazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies li timplika l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni u jekk, f’dan ir-rigward, hijiex rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk tali rinunzja kellhiex effetti fuq is-suq.

37

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi biss li konċentrazzjoni la tista’ tiġi implimentata qabel ma tiġi nnotifikata u lanqas qabel ma tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

38

B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fil-preżenza tagħhom konċentrazzjoni titqies li hija implimentata u, b’mod partikolari, ma tispeċifikax jekk l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni tistax isseħħ b’riżultat ta’ operazzjoni li ma tikkontribwixxix għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata.

39

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7 ma tippermettix, waħedha, li tiġi speċifikata l-portata tal-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu.

40

Issa, meta l-interpretazzjoni letterali ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippermettix li tiġi evalwata l-portata preċiża tagħha, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fuq il-bażi kemm tal-għan tagħha u kemm tal-istruttura ġenerali tagħha (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C-248/16, EU:C:2017:643, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 139/2004, mill-premessa 5 tiegħu jirriżulta b’mod partikolari li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jiġi żgurat li r-ristrutturazzjonijiet tal-impriżi ma jikkawżawx dannu dejjiemi għall-kompetizzjoni. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni għandu jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għall-konċentrazzjonijiet li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu. Għal dan il-għan, skont il-premessa 6 tiegħu, l-imsemmi regolament għandu jippermetti kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha fid-dawl tal-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C-248/16, EU:C:2017:643, punt 21).

42

Huwa speċifikament sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan il-kontroll li, kif jirriżulta mill-premessa 34 tar-Regolament Nru 139/2004, l-impriżi huma obbligati jinnotifikaw minn qabel il-konċentrazzjonijiet tagħhom u li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet għandha tiġi sospiża sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

43

Issa, għandu jiġi osservat li, għal dan il-għan, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, filwaqt li jipprojbixxi l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, jillimita din il-projbizzjoni għall-konċentrazzjonijiet biss, kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tal-istess regolament, u jeskludi bl-istess mod li tiġi pprojbita kull operazzjoni li ma tistax titqies li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

44

Minn dan isegwi li, sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni li tinsab fl-imsemmi Artikolu 3.

45

Issa, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, konċentrazzjoni għandha titqies li hija implimentata meta bidla dejjiema fil-kontroll tirriżulta mill-amalgamazzjoni ta’ żewġ impriżi jew iktar jew ta’ żewġ partijiet jew iktar ta’ tali impriżi, jew mill-akkwist, minn persuna waħda jew iktar li jkollha diġà l-kontroll ta’ minn tal-inqas impriża waħda jew minn impriża waħda jew iktar, tal-kontroll dirett jew indirett ta’ impriża waħda jew iktar oħra kollha jew ta’ partijiet ta’ impriża waħda jew iktar oħra, bil-kundizzjoni li l-kontroll jirriżulta mill-possibbiltà, mogħtija permezz ta’ drittijiet, ta’ kuntratti jew ta’ mezzi oħra, li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-attività ta’ impriża.

46

Minn dan isegwi li l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7, isseħħ hekk kif il-partijiet f’konċentrazzjoni jimplimentaw operazzjonijiet li jikkontribwixxu għal bidla dejjiema fil-kontroll fuq l-impriża kkonċernata.

47

B’hekk, il-fatt li kull implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess artikolu jissodisfa r-rekwiżit li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, jekk il-partijiet f’konċentrazzjoni jkunu pprojbiti milli jimplimentaw konċentrazzjoni permezz ta’ operazzjoni waħda, iżda jkunu jistgħu jaslu għall-istess riżultat permezz ta’ operazzjonijiet parzjali suċċessivi, dan inaqqas l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 u b’hekk idaħħal f’perikolu n-natura preliminari tal-kontroll previst minn dan ir-regolament kif ukoll il-kisba tal-għanijiet tiegħu.

48

Huwa f’dan l-istess dawl li l-premessa 20 tal-imsemmi regolament tipprevedi li għandhom jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni waħda l-operazzjonijiet li jkunu marbuta mill-qrib sa fejn ikunu s-suġġett ta’ rabta kundizzjonata jew jieħdu l-forma ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet f’titoli mwettqa fi żmien raġonevolment qasir.

49

Madankollu, meta tali operazzjonijiet, għalkemm imwettqa fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni, ma jkunux neċessarji sabiex ikun hemm bidla fil-kontroll ta’ impriża kkonċernata minn din il-konċentrazzjoni, dawn l-operazzjonijiet ma humiex koperti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, dawn l-operazzjonijiet, għalkemm jistgħu jkunu anċillari jew preparatorji għall-konċentrazzjoni, ma għandhomx rabta funzjonali diretta mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni, b’tali mod li l-implimentazzjoni tagħhom ma tistax, bħala prinċipju, tippreġudika l-effettività tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

50

Il-fatt li tali operazzjonijiet jista’ jkollhom effetti fuq is-suq ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jiġġustifika interpretazzjoni differenti tal-imsemmi Artikolu 7. Fil-fatt, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ operazzjoni fuq is-suq tikkonċerna l-eżami fil-mertu tal-konċentrazzjoni. Issa, l-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 japplika irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk il-konċentrazzjoni hijiex kompatibbli jew le mas-suq komuni, sa fejn l-għan tiegħu huwa speċifikament li jiżgura kontroll effettiv min-naħa tal-Kummissjoni tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni kollha.

51

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li operazzjoni li ma jkollha ebda effett fuq is-suq tista’ xorta waħda tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata u li, għaldaqstant, timplimenta, minn tal-inqas parzjalment, il-konċentrazzjoni.

52

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 7(1) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-implimentazzjoni mill-partijiet fil-konċentrazzjoni ta’ kull operazzjoni li tikkontribwixxi għall-bidla dejjiema fil-kontroll fuq waħda mill-impriżi kkonċernati minn din il-konċentrazzjoni.

53

Tali interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 7 hija konformi wkoll mal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004.

54

Għalkemm huwa minnu li, skont il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, il-kontroll preventiv tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni stabbilit permezz ta’ dan ir-regolament jikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jkollhom effett fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, dan bl-ebda mod ma jfisser li kull aġir tal-impriżi li ma jkollux tali effetti huwa eskluż mill-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C-248/16, EU:C:2017:643, punt 30).

55

Fil-fatt, l-imsemmi regolament, l-istess, b’mod partikolari, bħar-Regolament Nru 1/2003, jagħmel parti minn corpus leġiżlattiv intiż li jimplimenta l-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni ma tkunx is-suġġett ta’ distorsjoni fis-suq intern tal-Unjoni (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 31).

56

Kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dan ir-regolament biss huwa applikabbli għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tiegħu, li għalihom ir-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex, bħala prinċipju, applikabbli (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C-248/16, EU:C:2017:643, punt 32).

57

Mill-banda l-oħra, dan ir-regolament tal-aħħar jibqa’ applikabbli għall-aġir tal-impriżi li, mingħajr ma jikkostitwixxi operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, jista’ xorta waħda jwassal għal koordinazzjoni bejniethom li tmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u li, għalhekk, huwa suġġett għall-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C-248/16, EU:C:2017:643, punt 33).

58

Għaldaqstant, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 jiġi estiż għal operazzjonijiet li ma jikkontribwixxux għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, dan ma jwassalx biss, kif josserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament bi ksur tal-Artikolu 1 tiegħu, iżda wkoll sabiex jiġi llimitat, b’mod korrispondenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, li għalhekk ma jibqax applikabbli għal tali operazzjonijiet, u dan minkejja li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jagħtu lok għal koordinazzjoni bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni tkun implimentata biss permezz ta’ operazzjoni li, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata.

60

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rinunzja għal ftehim ta’ kooperazzjoni, f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies li timplika l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, għandu jiġi osservat li, skont iċ-ċirkustanzi deskritti fit-talba għal deċiżjoni preliminari u li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, anki jekk din ir-rinunzja hija s-suġġett ta’ rabta kundizzjonata mal-konċentrazzjoni inkwistjoni u jista’ jkollha natura anċillari jew preparatorja għaliha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, minkejja l-effetti li seta’ kellha fuq is-suq, din ir-rinunzja, bħala tali, ma tikkontribwixxix għall-bidla fil-kontroll dejjiemi tal-impriża kkonċernata.

61

Fil-fatt, minbarra l-fatt li din hija operazzjoni li tikkonċerna biss parti waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni u terz, jiġifieri KPMG International, permezz ta’ din ir-rinunzja, il-kumpanniji EY ma kisbux il-possibbiltà li jeżerċitaw xi tip ta’ influwenza fuq il-kumpanniji KPMG DK li, kif jirriżulta mill-punti 12 u 13 ta’ din is-sentenza, kienu, mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, indipendenti kemm qabel u kemm wara l-imsemmija rinunzja.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda hija li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni tkun implimentata biss permezz ta’ operazzjoni li, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata. Ir-rinunzja għal ftehim ta’ kooperazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, ma tistax titqies li timplika l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, u dan irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk din ir-rinunzja kellhiex effetti fuq is-suq.

Fuq ir-raba’ domanda

63

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet), għandu jiġi interpretat fis-sens li konċentrazzjoni tkun implimentata biss permezz ta’ operazzjoni li, kompletament jew parzjalment, fil-fatt jew fid-dritt, tikkontribwixxi għall-bidla fil-kontroll tal-impriża kkonċernata. Ir-rinunzja għal ftehim ta’ kooperazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, ma tistax titqies li timplika l-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni, u dan irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk din ir-rinunzja kellhiex effetti fuq is-suq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.