SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Rimi ta’ skart f’landfill – Direttiva 1999/31/CE – Landfills eżistenti – Artikolu 14 – Deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija jew le tal-operat – Artikolu 13 – Il-proċedura tal-għeluq – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑626/16,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Sanfrutos Cano u A. Tokár, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza C‑331/11”, EU:C:2013:271), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ir-Repubblika Slovakka ma kinitx osservat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”:

pagamenti ta’ penalità li jammontaw għal EUR 6 793.80 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-adozzjoni, mir-Repubblika Slovakka, tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑331/11, u dan mill-għoti tas-sentenza f’din il-kawża u sa l-adozzjoni, mir-Repubblika Slovakka, tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑331/11;

somma f’daqqa li tammonta għal EUR 743.60, bla ħsara għal somma minima totali ta’ EUR 939000, għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-adozzjoni, mir-Repubblika Slovakka, tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑331/11, u dan mill-għoti tas-sentenza f’dik il-kawża, jiġifieri l-25 ta’ April 2013:

sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, jew

sal-adozzjoni, mir-Repubblika Slovakka, tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑331/11, jekk din id-data tkun qabel l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża;

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-premessa 18 tad-Direttiva 1999/31 tistipula:

“Billi, minħabba l-elementi partikolari tal-metodu ta’ rimi ta’ skart f’ terraferma [landfill], huwa neċessarju li tiġi introdotta [proċedura] ta’ permess speċifiku għal kull klassi ta’ terraferma bi qbil mal-ħtiġijiet ta’ liċenżjar ġenerali li huma diġa stipulati fid-Direttiva [tal-Kunsill] 75/442/KEE [tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23)] u l-ħtiġijiet ġenerali tad-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE dwar kontroll u prevenzjoni ta’ tniġġiż integrat [tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 3, p. 80)] billi l-konformitá tas-sit tat-terraferma ma’ tali permess trid tiġi verifikata fil-kors ta’ spezzjoni mill-awtoritá kompetenti qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet ta’ rimi”.

3

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għal dak li huma l-karatteristiċi tekniċi ta’ terraferma [landfill], din id-Direttiva fiha, għal dawk it-terraferma li għalihom tapplika d-Direttiva [96/61], il-ħtiġijiet tekniċi rilevanti sabiex telabora f’termini konkreti l-ħtiġijiet ġenerali ta’ dik id-Direttiva. Il-ħtiġijiet rilevanti tad-Direttiva [96/61] jridu jiġu meqjusa biex jiġu milħuqa jekk il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva huma mħarsa.”

4

Skont l-Artikolu 7(g) tad-Direttiva 1999/31, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri sabiex l-applikazzjoni għal permess għall-operat ta’ landfill tkun tinkludi data dwar il-pjan propost għall-proċeduri tal-għeluq u ta’ ġestjoni wara l-għeluq.

5

Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kundizzjonijiet tal-permess”:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:

a)

l-awtoritá kompetenti ma toħroġġ permess għall-terraferma [landfill] sakemm tkun sodisfatta li:

i)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4) u (5), il-proġett tat-terraferma jaqbel mal-ħtiġijiet kollha rilevanti ta’ din id-Direttiva, inklużi l-Annessi;

ii)

l-amministrazzjoni tas-sit tat-terraferma tkun f’idejn persuna naturali li hija teknikament kompetenti li s-sit; taħriġ u żvilupp professjonali u tekniku għal ħaddiema u l-impjegati tat-terraferma ikunu provduti;

iii)

it-terraferma trid tiġi operata b’manjiera tali li miżuri neċessarji huma meħuda biex jiġu prevenuti inċidenti u jillimitaw il-konsegwenzi tagħhom;

iv)

dispożizzjonijiet adegwati, bil-mod ta’ sigurtá finanzjarja jew oħra ekwivalenti, fuq il-bażi ta’ modalitajiet li jiġu deċiżi milll-Istati Membri, saru jew se jsiru mill-applikant qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet tar-rifjut biex jiżgura li l-obligi (inklużi d-dispożizzjonijiet tal-kura ta’ wara [ġestjoni wara l-għeluq]) li jiġu skont il-permess maħruġ bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati u li l-proċeduri tal-għeluq meħtieġa skont l-Artikolu 13 ikunu segwiti. Is-sigurtá jew l-ekwivalenti tagħha trid tinżamm kemm jista’ jkun meħtieġ mill-operazzjoni ta’ manutenzjoni u kura ta’ wara tas-sit bi qbli ma l-Artikolu 13(d). L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw, fl-għażla tagħhom, li dan il-punt ma japplikax għat-terraferma għal skart inermi;

b)

il-proġett tat-terraferma huwa skont il-pjan jew pjanijiet ta’ amministrazzjoni tal-iskart rilevanti imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva [75/442];

ċ)

qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet tar-rifjut, l-awtorità kompetenti trid tispezzjona is-sit sabiex tiżgura li taqbel mal-kundizzjonijiet rilevanti tal-permess. Dan ma jnaqqas bl-ebda mod ir-responsabbiltà tal[-]operatur skond il-kundizzjonijiet tal-permess.”

6

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31, intitolat “Proċeduri ta’ l-għeluq u kura ta’ wara [ta’ ġestjoni wara l-għeluq]”:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex, bi qbil, fejn xieraq, mall-permess:

a)

terraferma [landfill] jew parti minnha trid tibda proċedura ta’ l-għeluq:

i)

meta l-kundizzjonijiet rilevanti imsemmija fil-permess jintlaħqu;

jew

ii)

skond l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritá kompetenti, wara talba ta’ l-operatur;

jew

iii)

b’deċiżjoni raġjonata [mmotivata] ta’ l-awtoritá kompetenti;

b)

terraferma jew parti minnha tista’ tiġi biss kunsiderata bħala magħluqa definittivament wara li l-awtoritá kompetenti tkun għamlet l-aħħar spezzjoni fuq is-sit, u tkun assessjat ir-rapporti kollha mogħtija mill-operatur u tkun ikkomunikat lill-operatur l-approvazzjoni tagħha għall-għeluq. Dan ma jnaqqas bl-ebda mod ir-responsabilitá tal-operatur skond il-kundizzjonijiet tal-permess;

ċ)

wara li terraferma tkun definittivament magħluqa, l-operatur għandu ikun responsabbli għall-manutenzjoni, fażi ta’ sorveljar u kontroll u tal-kura ta’ wara [ġestjoni wara l-għeluq] tagħha sakemm ikun meħtieġ mill-awtoritá kompetenti, bil-kunsiderazzjoni taż-żmien li matulu it-terraferma tista’ tkun ta’ periklu.

L-operatur irid jinnotifika lill-awtoritá kompetenti b’kull effett ħażin sinifikanti għall-ambjent li ġie skopert mill-proċeduri ta’ kontroll u skond id-deċiżjoni ta’ l-awtoritá kompetenti fuq in-natura u termini ta’ żmien tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu;

d)

sakemm l-awtoritá kompetenti tikkonsidra li t-terraferma x’aktarx tista’ tikkawża periklu għall-ambjent u mingħajr preġudizzju għall-leġilazzjoni Komunitarja u nazzjonali skond ir-responsabbilità tad-detentur ta’ l-iskart, l-operatur tas-sit irid ikun responsabbli għas-sorveljar u analizzar ta’ gass u lissija tat-terraferma mis-sit u r-reġim ta’ l-ilma tal-qiegħ fil-viċinanza tas-sit bi qbil ma l-Anness III.”

7

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, intitolat “Siti eżistenti ta’ terraferma [Landfills eżistenti]”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma [landfills] li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:

a)

f’perijodu ta’ sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-operatur ta’ terraferma irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

b)

skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definita fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi ta’ l-imsemmi pjan ta’ kundizzjonalment u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

ċ)

fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtortá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1).

[…]”

Is-sentenza C‑331/11

8

Fis-sentenza C‑331/11, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi tat permess għall-operat tal-landfill ta’ Žilina – Považský Chlmec (is-Slovakkja), mingħajr pjan ta’ kundizzjonament u fl-assenza ta’ deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat abbażi ta’ pjan ta’ kundizzjonament approvat, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31.

Il-proċedura prekontenzjuża abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9

Fil-kuntest ta’ kontroll tal-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2013, lir-Repubblika Slovakka tipprovdilha informazzjoni dwar il-miżuri adottati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza kif ukoll il-kalendarju ta’ adozzjoni ta’ eventwali miżuri addizzjonali.

10

Fir-risposta tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2013, ir-Repubblika Slovakka indikat li l-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent kienet bdiet, fil-31 ta’ Mejju 2013, proċedura ġdida għal emenda tal-permess integrat tal-landfill inkwistjoni. Hija indikat ukoll li kien beħsieba tibda l-għeluq tal-landfill u tiżgura l-monitoraġġ ta’ din il-landfill wara dan l-għeluq, u li d-deċiżjoni finali f’dan ir-rigward kellha tiġi adottata sa’ mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2013.

11

Fil-21 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Slovakka, fejn fakkritha li hija kienet għadha ma kkonformatx ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza C‑331/11, u stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn.

12

Fit-13 ta’ Jannar 2014, b’risposta għal dan l-invit, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni li, fil-21 ta’ Ottubru 2013, kienet ittieħdet deċiżjoni dwar l-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill inkwistjoni, iżda li l-proċedura dwar l-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-parti 2 c ta’ din il-landfill kienet ġiet sospiża minħabba tilwima dwar is-sitwazzjoni patrimonjali tal-artijiet li jikkostitwixxu din il-parti tal-landfill. F’kull każ, skont din ir-risposta, mis-7 ta’ Jannar 2014, it-twettiq ta’ attivitajiet fis-sit kien ipprojbit.

13

Fil-5 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika, min-naħa tar-Repubblika Slovakka, ta’ żewġ deċiżjonijiet meħuda fl-10 ta’ April 2014 mill-amministrazzjoni ċentrali tal-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent. Permezz tal-ewwel deċiżjoni, din annullat l-imsemmija deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2013 u mill-ġdid issuġġettat il-kwistjoni għal eżami. Permezz tat-tieni deċiżjoni tagħha, hija adottat miżuri provviżorji fejn l-operatur ġie ordnat jastjeni ruħu minn kull attività marbuta mar-rimi ta’ skart fis-sit.

14

Sena wara, fis-6 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Slovakka indikat lill-Kummissjoni li d-data prevista għall-għeluq tal-landfill inkwistjoni kienet issa stabbilta għal lejn nofs ix-xahar ta’ Diċembru 2015.

15

Fit-23 ta’ Diċembru 2015, dan l-Istat Membru nnotifika lill-Kummissjoni l-kalendarju aġġornat tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u stabbilixxa għax-xahar ta’ Mejju 2016 d-data tad-deċiżjoni dwar l-għeluq definittiv tal-landfill inkwistjoni.

16

Fis-26 ta’ Awwissu 2016, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni li, fil-15 ta’ Awwissu 2016, l-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent kienet, mill-ġdid, iddeċidiet li l-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill ma jibqgħux jintużaw kif ukoll li twaqqaf l-operat tas-sit inkwistjoni.

17

Din id-deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2016 ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni ċentrali tal-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent adottata fid-9 ta’ Novembru 2016.

18

Id-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Awwissu 2016 u tad-9 ta’ Novembru 2016 kienu s-suġġett ta’ rikors, iżda r-Repubblika Slovakka tindika li dan ir-rikors ma għandux l-effett li jissospendi l-imsemmija deċiżjonijiet.

19

Peress li qieset li r-Repubblika Slovakka ma kinitx adottat, fit-terminu meħtieġ, il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑331/11, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE.

20

Fl-14 ta’ Novembru 2017, wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, ir-Repubblika Slovakka pproduċiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja informazzjoni addizzjonali dwar l-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill inkwistjoni kif ukoll dwar proċedura leġiżlattiva li kienet għadha mhux konkluża.

21

Peress li qieset li din l-informazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li dan l-Istat Membru kien ikkonforma ruħu mas-sentenza C‑331/11, il-Kummissjoni żammet it-talbiet kollha li hija għamlet fir-rikors tagħha.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

L-argumenti tal-partijiet

22

Ir-Repubblika Slovakka tqis li r-rikors huwa inammissibbli fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil bejn is-sentenza C‑331/11, l-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 u r-rikors ippreżentat f’din il-kawża.

23

Dan l-Istat Membru effettivament isostni li, fir-rikors, il-Kummissjoni tikkritikah talli l-landfill inkwistjoni għadha ma ngħalqitx kompletament skont l-indikazzjonijiet tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31. Issa, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni ma kienx is-suġġett tas-sentenza C‑331/11 u l-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma kien ġie allegat fl-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013.

24

Il-Kummissjoni tqis li r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ qbil bejn is-sentenza C‑331/11 u r-rikors ippreżentat f’din il-kawża, għandu jitfakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi tat permess għall-operat tal-landfill inkwistjoni mingħajr pjan ta’ kundizzjonament u fl-assenza ta’ deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat abbażi ta’ pjan ta’ kundizzjonament approvat, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a) sa (ċ) tad-Direttiva 1999/31.

26

Issa, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, li, fil-punt (a) jimponi fuq l-operatur ta’ landfill eżistenti l-obbligu li jipprepara u li jippreżenta, għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, pjan ta’ kundizzjonament tas-sit ikkonċernat, fil-punt (b) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw, wara l-preżentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ kundizzjonament, deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat abbażi tal-imsemmi pjan u ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, dan il-punt (b) jipprovdi żewġ possibbiltajiet lill-Istati Membri. Fil-fatt, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tawtorizza t-tkomplija tal-operat, b’mod konformi mal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, jew inkella l-Istat Membru kkonċernat jadotta l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm, fl-aħjar żmien, b’mod konformi mal-Artikolu 7(g) u mal-Artikolu 13 tal-istess direttiva, l-għeluq tas-sit.

27

Għalhekk, l-obbligu li jibqgħu jiġu operati biss dawk il-landfills li josservaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/31 jimplika l-għeluq tal-landfills li ma kisbux il-permess li jkomplu bl-operati tagħhom (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑145/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:502, punt 30, u tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑454/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:117, punt 59).

28

Minn dan jirriżulta li, fil-każ fejn Stat Membru jimplimenta l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 billi jiddeċiedi li jagħlaqha u mhux li jagħtiha permess, huwa għandu l-obbligu li jirrispetta r-rekwiżiti tal-proċedura tal-għeluq previsti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

29

Għalhekk, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31 kellu jiġi osservat anki meta r-Repubblika Slovakka kellha l-intenzjoni li tagħlaq il-landfill inkwistjoni billi tadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li, billi bbażat ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-għan iddelimitat fis-sentenza C‑331/11.

30

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ qbil bejn l-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 u r-rikors ippreżentat fil-kuntest tal-kawża preżenti, għandu jitfakkar li, wara l-għoti tas-sentenza C‑331/11, ir-Repubblika Slovakka ma indikatx bi preċiżjoni lill-Kummissjoni jekk hija kinitx ser tagħżel it-tkomplija tal-operat tal-landfill inkwistjoni jew inkella l-għeluq tagħha.

31

Għalhekk, fl-ewwel fażi tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri qabel ma ntbagħtet l-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013, dan l-Istat Membru kien illimita ruħu li jinforma lill-Kummissjoni li l-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent kienet bdiet proċedura ġdida intiża għall-emendar tal-permess integrat tal-landfill u li fil-ġejjieni kien previst l-għeluq tagħha, u li għal dan il-għan kellha tittieħed deċiżjoni finali sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2013.

32

Issa, fil-21 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika Slovakka ma kinitx informat lill-Kummissjoni li kienet ittieħdet deċiżjoni f’dan ir-rigward, b’tali mod li f’dik id-data ma kienx possibbli li l-Kummissjoni tkun taf liema waħda miż-żewġ soluzzjonijiet, disponibbli għar-Repubblika Slovakka sabiex teżegwixxi s-sentenza C‑331/11, kienet ser tiġi finalment magħżula minn din tal-aħħar.

33

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma kinitx speċifikat b’mod aħjar, fl-ittra ta’ intimazzjoni, il-punti li fir-rigward tagħhom, skont din l-istituzzjoni, dan l-Istat Membru ma kienx ikkonforma ruħu mas-sentenza C‑331/11.

34

Kien biss fit-tieni fażi tal-proċedura prekontenzjuża abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, jiġifieri wara li kienet intbagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013, li r-Repubblika Slovakka pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar, suċċessivament, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ għeluq u ta’ riabilitazzjoni tal-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, u, fl-aħħar nett, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-awtorità amministrattiva kompetenti, u dwar il-konferma sussegwenti tagħha mill-amministrazzjoni ċentrali ta’ din l-awtorità. Bl-istess mod, kien fil-kuntest ta’ din it-tieni fażi tal-proċedura prekontenzjuża li l-imsemmi Stat Membru kkomunika d-data stabbilita għall-għeluq tal-landfill qabel ma informa lill-Kummissjoni bil-posponiment ta’ din id-data.

35

Peress li s-suġġett tal-kawża preżenti, hekk kif iddelimitat permezz tas-sentenza C‑331/11, ikopri wkoll l-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31 u peress li l-intenzjonijiet tar-Repubblika Slovakka dwar l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, li ġew mgħarrfa, biċ-ċarezza neċessarja, lill-Kummissjoni biss wara n-notifika tal-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013, jirrigwardaw speċifikament l-għeluq tal-landfill ikkonċernata, il-Kummissjoni hija ammissibbli li tinvoka, fir-rikors li hija ppreżentat f’din il-kawża, kemm l-imsemmi Artikolu 13 kif ukoll ir-rekwiżiti li huwa jipprevedi.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

36

Permezz tal-ewwel ilment tagħha l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Slovakka talli ma adottatx, b’mod konformi mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija jew l-għeluq tal-landfill inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li dan l-Istat Membru, li kien indikalha, fis-7 ta’ Ġunju 2013, fit-8 ta’ Lulju 2014, fis-6 ta’ Mejju 2015 u fit-23 ta’ Diċembru 2015, li kien beħsiebu jagħlaq definittivament din il-landfill, qatt ma ppreżenta tali deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward.

37

Fir-replika tagħha l-Kummissjoni tkompli tesponi li, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Slovakki ma approvaw ebda pjan ta’ kundizzjonament dwar il-landfill inkwistjoni u lanqas ma adottaw deċiżjoni definittiva li tawtorizza t-tkomplija tal-operat tagħha, kien hemm lok li din il-landfill tingħalaq b’mod konformi mal-Artikolu 7(g) u mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(b) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2016 li tikkonferma dik tal-15 ta’ Awwissu 2016 li l-operat tal-landfill inkwistjoni jitwaqqaf ma tikkostitwixxix deċiżjoni definittiva fis-sens tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, peress li fiha ma jsir riferiment għall ebda pjan ta’ kundizzjonament ta’ din il-landfill u li din id-deċiżjoni hija s-suġġett ta’ rikors.

38

B’risposta għal dan l-ilment, ir-Repubblika Slovakka ssostni li hija setgħet legalment tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza C‑331/11 b’żewġ modi differenti, jiġifieri jew billi toħroġ permess għall-operat tal-landfill inkwistjoni abbażi ta’ pjan ta’ kundizzjonament u ta’ deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat ta’ din il-landfill, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, billi ma tawtorizzax l-operat tagħha. Issa, ir-Repubblika Slovakka tindika li għażlet it-tieni waħda minn dawn l-għażliet, peress li hija ddeċidiet li ma tawtorizzax it-tkomplija tal-operat tal-imsemmija landfill u li tipproċedi għall-għeluq u għar-riabilitazzjoni tagħha.

39

Dan l-Istat Membru josserva li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 ma jeżiġix li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva dwar il-waqfien tal-operat ta’ landfill eżistenti tkun ippreċeduta mill-preżentazzjoni u mill-approvazzjoni ta’ pjan ta’ kundizzjonament. F’kull każ, jekk jitqies li pjan ta’ kundizzjonament kien neċessarju f’dan il-każ, għandu jiġi espost li tali pjan ġie approvat fil-15 ta’ Diċembru 2015 permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent.

40

Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka tiddikjara li ebda attività ta’ rimi ta’ skart ma kienet awtorizzata fil-landfill inkwistjoni wara s-7 ta’ Jannar 2014. Iktar minn hekk, fil-15 ta’ Awwissu 2016 kienet ġiet adottata deċiżjoni li tipprojbixxi t-tkomplija tal-operat ta’ din il-landfill u li tordna l-għeluq u r-riabilitazzjoni tagħha, bl-eċċezzjoni tal-parti 2 c, deċiżjoni li saret effettiva sa mill-iktar tard mid-9 ta’ Novembru 2016.

41

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Slovakka talli ma adottatx, b’mod konformi mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31, il-miżuri neċessarji għall-għeluq effettiv tal-landfill. Skont il-Kummissjoni, għalkemm dan l-Istat Membru kien indikalha li l-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent kellha tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-miżuri li jippermettu li jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-landfill wara l-għeluq tagħha, il-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru f’dan ir-rigward huma insuffiċjenti.

42

Il-Kummissjoni tosserva li, abbażi tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm, fl-aħjar żmien, b’mod konformi mal-Artikolu 7(g) u mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, l-għeluq tas-siti li ma kisbux permess għat-tkomplija tal-operat tagħhom.

43

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 13(b) tad-Direttiva 1999/31, landfill titqies bħala definittivament magħluqa biss meta l-awtorità kompetenti tkun wettqet spezzjoni finali fuq il-post, tkun evalwat ir-rapporti kollha sottomessi mill-operatur u tat lill-operatur il-permess tagħha għall-għeluq. Għalhekk, fil-kawża preżenti, il-proċedura globali ta’ għeluq definittiv tal-landfill inkwistjoni tista’ titqies bħala konkluża biss wara ċertifikazzjoni mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ġestjoni tal-iskart, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Slovakka li tittrasponi l-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31.

44

Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2016 ma tistax titqies bħala definittiva, peress li din hija s-suġġett ta’ rikors.

45

B’risposta għal dan l-ilment, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-kronoloġija tal-passi li għandhom jittieħdu għall-għeluq definittiv tal-landfill inkwistjoni turi b’mod ċar li l-għeluq effettiv ta’ din il-landfill oġġettivament jeżiġi perijodu ta’ żmien kunsiderevoli.

46

Għalhekk, minkejja sforzi kunsiderevoli approvati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, għadu ma kienx possibbli li l-imsemmija landfill tingħalaq kompletament u definittivament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Għandu jitfakkar li l-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11 kienet teżiġi li, b’mod konformi mal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, l-awtoritajiet kompetenti Slovakki jew jawtorizzaw it-tkomplija tal-operat tal-landfill inkwistjoni abbażi ta’ pjan ta’ kundizzjonament li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, jew inkella jordnaw il-waqfien tal-operat u jipproċedu għall-għeluq definittiv ta’ din il-landfill fl-osservanza tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

48

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-awtoritajiet Slovakki adottawx, fit-terminu previst, deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat ta’ din il-landfill jew inkella dwar l-għeluq tagħha u, jekk ikun il-każ, jekk il-miżuri adottati minn dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-għeluq effettiv għandhomx jitqiesu bħala suffiċjenti, fatti li l-Kummissjoni tikkontesta, rispettivament, fl-ewwel u fit-tieni lmenti tagħha.

49

Id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑388/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:548, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fil-kawża preżenti, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni fil-21 ta’ Novembru 2013, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri fil-21 ta’ Jannar 2014.

51

F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, hemm lok li jitfakkar li, fir-risposta tagħha tat-13 ta’ Jannar 2014 għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika Slovakka indikat li l-operat tal-attivitajiet fis-sit kontenzjuż kien ilu pprojbit sa mis-7 ta’ Jannar 2014 u li deċiżjoni ta’ għeluq u ta’ riabilitazzjoni dwar il-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill inkwistjoni kienet ġiet adottata fil-21 ta’ Ottubru 2013.

52

Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2013 ma hijiex ta’ natura li tinvalida l-fondatezza tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

53

Fil-fatt, minn naħa, ir-Repubblika Slovakka nnifisha tammetti li l-parti 2 c ta’ din il-landfill ma kinitx ikkonċernata mid-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2013, peress li l-proċedura dwar l-għeluq u r-riabilitazzjoni ta’ din il-parti kienu ġew sospiżi.

54

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2013 ordnat l-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill, din id-deċiżjoni ġiet annullata b’effett retroattiv, fl-10 ta’ April 2014, mill-amministrazzjoni ċentrali tal-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam tal-ambjent, peress li din kienet iddeċidiet li tissuġġetta l-kwistjoni għal eżami ġdid.

55

Minn dan jirriżulta li, fl-iskadenza tat-terminu preskritt fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri l-21 ta’ Jannar 2014, kienet għadha ma ġiet adottata ebda deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat tal-landfill inkwistjoni jew dwar l-għeluq ta’ din il-landfill, fis-sens tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

57

Fir-rigward tat-tieni lment, hemm lok li jitfakkar li, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, meta Stat Membru ma jawtorizzax it-tkomplija tal-operat ta’ landfill, dan għandu jipproċedi għall-għeluq definittiv b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex biżżejjed li jitwaqqaf ir-rimi f’landfill ta’ skart ġdid biex l-imsemmi obbligu jkun osservat, iżda l-Istat Membru huwa obbligat li jiżgura li jiġu eżegwiti x-xogħlijiet tal-għeluq neċessarji sabiex il-landfill inkwistjoni tkun konformi mad-Direttiva 1999/31 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑454/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:117, punti 6061).

59

F’dan il-każ, ir-Repubblika Slovakka ma ssostnix li, fil-21 ta’ Jannar 2014, il-proċedura tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31 kienet, fir-rigward tal-landfill inkwistjoni, ġiet magħluqa. Hija tillimita ruħha li tosserva li l-għeluq definittiv ta’ din il-landfill jeżiġi, fid-dawl tan-numru ta’ passi li għandhom jittieħdu, perijodu kunsiderevoli u li, minkejja l-isforzi kunsiderevoli approvati mill-awtoritajiet kompetenti, għadu ma kienx possibbli li l-imsemmija landfill tingħalaq kompletament u definittivament.

60

Madankollu, tali ġustifikazzjoni għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11 ma tistax tiġi aċċettata. Kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑388/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:548, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki t-tieni lment tal-Kummissjoni huwa fondat.

62

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

63

Wara li spjegat li nuqqas imtawwal ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrappreżenta, fih innifsu, ksur gravi tal-prinċipju ta’ legalità u ta’ ċertezza legali fi ħdan l-Unjoni, il-Kummissjoni titlob li r-Repubblika Slovakka tiġi kkundannata tħallas mhux biss pagamenti ta’ penalità iżda wkoll somma f’daqqa.

64

Għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE” [SEC(2005) 1658], kif aġġornata mill-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Awwissu 2015, intitolata “L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati l-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa u ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2015, C 257, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2005”).

Fuq il-pagamenti ta’ penalità

L-argumenti tal-partijiet

65

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-Komunikazzjoni tal-2005, id-determinazzjoni ta’ sanzjoni għandha tkun ibbażata fuq tliet kriterji fundamentali, jiġifieri l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni nnifisha.

66

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni tenfasizza, fl-ewwel lok, l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur, jiġifieri dawk li jidhru fid-Direttiva 1999/31, kif ukoll, fit-tieni lok, il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fuq l-interessi ġenerali u speċifiċi, bħal, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. F’dan ir-rigward, hija tosserva li din il-protezzjoni teħtieġ li l-iskart mormi f’landfill ma jkunx jinvolvi riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Għalhekk, għal dan il-għan, b’mod konformi mal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, huwa indispensabbli li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat jew l-għeluq tal-landfills eżistenti. Bl-istess mod, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jipprevedi rekwiżiti f’dak li jirrigwarda l-proċedura tal-għeluq u l-ġestjoni tas-siti wara l-għeluq. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tipproponi li madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li inkwistjoni hemm biss landfill waħda u li ż-żona ġeografika kkonċernata hija limitata għat-trufijiet tas-sit inkwistjoni kif ukoll il-fatt li r-rimi ta’ skart f’din il-landfill ilu sospiż sa mit-30 ta’ Diċembru 2013. Għandhom ukoll jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, il-miżuri li r-Repubblika Slovakka adottat biex teżegwixxi s-sentenza C‑331/11, anki jekk il-miżuri ma kinux suffiċjenti.

67

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni tqis li hemm lok li jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 2 fuq l-iskala ta’ 1 sa 20 stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-2005.

68

F’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li hija ddeċidiet li tibda din il-proċedura ħamsa u sittin xahar wara l-għoti tas-sentenza C‑331/11, u dan jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 3.

69

Fir-rigward tal-koeffiċjent relatat mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru li kontrih tressqu l-proċeduri, imsejjaħ fattur “n”, il-Kummissjoni tfakkar li l-Komunikazzjoni tal-2005 tistabbilixxih għal 1.69 fir-rigward tar-Repubblika Slovakka.

70

Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, b’applikazzjoni tal-formola msemmija b’din il-komunikazzjoni, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum xierqa għandhom jammontaw għal EUR 6 793.80.

71

F’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur ir-Repubblika Slovakka ssostni li wara s-7 ta’ Jannar 2014 ma kien awtorizzat ebda rimi ta’ skart fil-landfill inkwistjoni. Barra minn hekk, il-kwistjoni hija waħda kumplessa ħafna mill-perspettiva fattwali u ġuridika, u li t-trattament ta’ din il-kwistjoni ġarrab dewmien kunsiderevoli minħabba r-rikorsi ppreżentati kontra d-diversi deċiżjonijiet dwar l-imsemmija landfill u minħabba l-obbligu li titwettaq, qabel id-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2016, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

72

Fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Slovakka, wara li rtirat il-pożizzjoni tagħha li tgħid li l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti sostantivi li jirriżultaw mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31 huma inammissibbli fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11, issostni li, f’kull każ, ir-riperkussjonijiet ta’ eżekuzzjoni tardiva tas-sentenza C‑331/11 huma minimi, għaliex it-territorju kkonċernat huwa limitat u ma jmiss ma ebda fruntiera ta’ Stati Membri oħra. Bl-istess mod, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi suċċessivament imwettqa biex tiġi żgurata implimentazzjoni tas-sentenza C‑331/11, b’mod partikolari l-fatt li, fid-9 ta’ Novembru 2016, ġie deċiż li l-operat tal-landfill inkwistjoni jitwaqqaf u li din tingħalaq u tiġi riabilitata, bl-eċċezzjoni tal-parti 2 c tagħha. Ir-Repubblika Slovakka tenfasizza wkoll il-kooperazzjoni sħiħa tagħha mal-Kummissjoni matul il-fażi prekontenzjuża u ċ-ċirkustanza li hija għadha qatt ma ġiet ikkundannata fi kwistjoni simili.

73

Għalhekk, skont ir-Repubblika Slovakka, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għandu jkun iżgħar minn dak propost mill-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Dan huwa l-każ hawnhekk.

76

Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li sad-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni definittiva, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, fir-rigward tal-għeluq tal-parti 2 c tal-landfill inkwistjoni.

77

Huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet li l-proċedura tal-għeluq tal-landfill kienet għadha, sal-imsemmi eżami, ma ntemmitx b’mod konformi mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

78

Madankollu għandu jiġi osservat li, permezz tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ċentrali tal-awtorità amministrattiva kompetenti tad-9 ta’ Novembru 2016, li kkonfermat id-deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2016 ta’ din l-awtorità, ġiet tabilħaqq adottata deċiżjoni definittiva fir-rigward kemm tal-għeluq u tar-riabilitazzjoni tal-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill inkwistjoni kif ukoll tat-twaqqif tal-operat tas-sit.

79

Għalkemm il-Kummissjoni tikkontesta n-natura definittiva ta’ din id-deċiżjoni, billi tinvoka l-fatt li din kienet is-suġġett ta’ rikors, din l-istituzzjoni ma tikkontestax l-indikazzjonijiet tar-Repubblika Slovakka li jgħidu li tali rikors ma għandux l-effett li jissospendi l-imsemmija deċiżjoni.

80

Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, f’Unjoni rregolata mill-istat tad-dritt, li tiggarantixxi protezzjoni legali effettiva, deċiżjoni amministrattiva tista’ bħala prinċipju tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux iwaqqfu l-preżentata ta’ rikors.

81

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11 għandha titqies bħala li ma hijiex sħiħa, għaliex, sad-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, dwar l-għeluq tal-parti 2 c tal-landfill inkwistjoni u għaliex il-proċedura tal-għeluq tal-landfill kienet għadha ma ntemmitx b’mod konformi mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kundanna tar-Repubblika Slovakka għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ din is-sentenza.

82

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità, b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑167/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:684, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jissokta minn Stat Membru minkejja l-fatt li dan in-nuqqas stess ta’ twettiq ta’ obbligu diġà ġie kkonstatat fl-ewwel sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tiffissa l-pagamenti ta’ penalità fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tħeġġeġ lil dan l-Istat Membru jtemm in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 69)

84

Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 70).

85

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja n-natura lokalizzata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, in-nuqqas tar-Repubblika Slovakka li twettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31 jista’ jkollu effetti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

86

Madankollu, għandu qabel kollox jiġi osservat li, minbarra l-fatt li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna biss landfill waħda, bid-deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2016, ikkonfermata fid-9 ta’ Novembru 2016, ġie deċiż li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, il-partijiet 2 a u 2 b tagħha kellhom jingħalqu b’mod definittiv.

87

Sussegwentement, għalkemm il-proċedura tal-għeluq definittiv għadha ma ntemmitx b’mod konformi mal-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, peress li tali proċedura teżiġi, fil-kawża preżenti, xogħlijiet u miżuri kunsiderevoli, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-operat tas-sit kien twaqqaf fis-7 ta’ Jannar 2014.

88

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Slovakka kkooperat mal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża relatata ma din il-kawża.

89

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li minnu l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti.

90

Issa, f’dan il-każ, it-tul tal-ksur, mid-data tal-għoti tas-sentenza C‑331/11, huwa kunsiderevoli, jiġifieri ta’ ħames snin.

91

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Slovakka ma pproduċiet l-ebda element quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha.

92

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 5000 kuljum hija xierqa sabiex tinkiseb l-eżekuzzjoni tas-sentenza C‑331/11.

93

Għalhekk, ir-Repubblika Slovakka għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 5000 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑331/11, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sad-data tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

94

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Slovakka tħallas somma f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 743.60, li tirriżulta billi l-ammont b’rata fissa uniformi, stabbilit għal EUR 220, jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent tal-gravità ta’ 2 u bil-fattur “n” ta’ 1.69, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza C‑331/11 sad-data tal-għoti tas-sentenza preżenti jew sad-data tal-adozzjoni, mir-Repubblika Slovakka, tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza C‑331/11 jekk din id-data tiġi qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, bla ħsara għal somma f’daqqa minima totali ta’ mill-inqas EUR 939000.

95

Ir-Repubblika Slovakka ssottomettiet għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ elementi dwar id-diversi sanzjonijiet pekunjarji proposti mill-Kummissjoni f’din il-kawża, jiġifieri l-pagamenti ta’ penalità u s-somma f’daqqa. Is-sustanza ta’ dawn l-elementi ġiet riprodotta fil-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam inkwistjoni, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa huwa essenzjalment ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat għall-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta għal żmien twil wara l-għoti tas-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatat tali nuqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 59).

98

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ, jibqgħu suġġetti għall-elementi rilevanti kollha relatati kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-atitudni stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE.) F’dan ir-rigward, dan jikkonferixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni jew le ta’ tali sanzjoni u sabiex tiddetermina, jekk ikun meħtieġ, l-ammont tagħha (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 114).

99

F’dan il-każ, l-elementi li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat minn din is-sentenza, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li sat-terminu preskritt ma ġiet adottata ebda deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, dwar l-għeluq tal-landfill inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-għeluq definittiv ta’ din il-landfill b’mod konformi mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva għadu ma seħħx, jiġġustifikaw, peress li dawn l-elementi jirrappreżentaw perikolu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, u fid-dawl tal-ħtieġa li fil-ġejjieni tiġi pprevenuta b’mod effettiv ir-repetizzjoni ta’ ksur analogi tad-dritt tal-Unjoni, l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

100

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑167/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:684, punt 75).

101

Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm dawk tal-gravità tal-ksur ikkonstatat u tal-perijodu li matulu dan issokta mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat tali ksur (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 76).

102

Il-fatti tal-kawża preżenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 85 sa 91 tas-sentenza preżenti, relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur, kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni.

103

F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, minkejja l-isforzi suċċessivament imwettqa mill-awtoritajiet Slovakki biex tiġi żgurata implimentazzjoni tas-sentenza C‑331/11 u b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li, mis-7 ta’ Jannar 2014, l-operat tal-landfill inkwistjoni twaqqaf, madankollu d-deċiżjoni definittiva dwar l-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-partijiet 2 a u 2 b tal-landfill kif ukoll il-waqfien tal-operat tagħhom ġiet adottata biss fil-15 ta’ Awwissu 2016, u kkonfermata fid-9 ta’ Novembru 2016, jiġifieri iktar minn tliet snin wara l-għoti tal-imsemmija sentenza, u dan kollu mingħajr ma l-proċedura tal-għeluq tal-imsemmija landfill ma kienet intemmet sad-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tal-parti 2 c, sal-imsemmi eżami, kienet għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni definittiva dwar l-għeluq tagħha u l-proċedura tal-għeluq kienet għadha saħansitra lanqas bdiet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur inkwistjoni dam għaddej għal perijodu sinjifikattiv.

104

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minkejja n-natura lokalizzata tal-ksur u l-kooperazzjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża relatata ma din il-proċedura, l-effetti li n-nuqqas ta’ dan l-Istat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31 jista’ jkollu fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

105

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti jekk l-ammont tas-somma f’daqs li r-Repubblika Slovakka għandha tħallas jiġi stabbilit għal EUR 1000000.

106

Konsegwentement, ir-Repubblika Slovakka għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni s-somma f’daqqa ta’ EUR 1000000.

Fuq l-ispejjeż

107

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal- Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Slovakka tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx il-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:271), ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 1 jkun għadu għaddej fil-ġurnata tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Slovakka hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 5000 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:271), b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:271).

 

3)

Ir-Repubblika Slovakka hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somma f’daqqa ta’ EUR 1000000.

 

4)

Ir-Repubblika Slovakka hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.