SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Settembru 2021]

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-prodotti mediċinali kontra d-dipressjoni (citalopram) – Ftehimiet ta’ ftehim bonarju ta’ tilwimiet dwar privattivi ta’ proċess konklużi bejn manifattur ta’ prodott mediċinali oriġinali proprjetarju ta’ dawn il-privattivi u manifatturo ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi – Artikolu 101 TFUE – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni minħabba l-għan – Klassifikazzjoni – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Drittijiet tad-difiża – Terminu raġonevoli – Telf ta’ dokumenti permezz tal-mogħdija taż-żmien – Dmir ġenerali ta’ prudenza – Regolament (KE) Nru 1/2003 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) – Ammont massimu tal-multa – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sena kummerċjali qabel dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea – L-aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali”

Fil-Kawża C‑611/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑25 ta’ Novembru 2016

Xellia Pharmaceuticals ApS, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka),

Alpharma LLC, li kienet Zoetis Products LLC, LLC, stabbilita f’Parsippany, New Jersey (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn D. W. Hull, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Settembru 2021] Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras, T. Vecchi, B. Mongin u C. Vollrath, bħala aġenti, assistiti minn B. Rayment, barrister,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u L-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentata inizjalment minn D. Guðmundsdóttir u Z. Lavery u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, QC, sussegwentement minn D. Guðmundsdóttir u Z. Lavery, bħal aġenti, assistiti minn J. Holmes, QC,

intervenjent fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), S. Rodin, K. Jürimäe u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità, C. Strömholm, amministratiċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2019,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Xellia Pharmaceuticals ApS u Alpharma LLC jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (T‑471/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:460), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, minn naħa, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 3803 finali, tad‑19 ta’ Ġunju 2013, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101[TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/39226 – Lundbeck) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha minn din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Taħt l-intestatura “Investigazzjonijiet f’setturi ta’ l-ekonomija u f’tipi ta’ ftehim”, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 KE u [102 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprevedi:

“Fejn it-tendenza tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, ir-riġiditità tal-prezzijiet jew ta’ ċirkostanzi oħra jissuġġerixxu li il-kompetizzjoni tista’ tkun restretta jew distorta fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tmexxi l-inkjesta fis-settur partikolari tal-ekonomija jew f’tip partikolari ta’ ftehim madwar setturi varji. F’kors ta’ din l-inkjesta, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża kunċernata biex tipprovdi l-infromazzjoni neċessarja biex tagħti effet lill-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarja tagħha għal dak il-għan.”

3

L-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Deċiżjoni adottata skond paragrafu 1 ma tistax tiġi maħruġa qabel ma jkun hemm awtorizzazzjoni mil-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ l-Istat Membru kunċernat. L-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ħa tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentikà u li l-miżuri ta’ infurzar maħsuba la huma arbitrarji u lanqas ikunu eċċessivi wara li kkunsidraw b’mod partikolari għas-serjetà tal-ksur suspettat, għall-importanza tal-provi mfitxjia, għal-involviment ta’ l-impriża kunċernata u probabilta’ raġunevoli li l-kotba tal-kummerċ u rekords relatati mar-raġuni ta’ l-ispezzjoni jinżammu fuq il-post li għalih inġabet l-awtorizzazzjoni mitluba. L-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew mill-awtorita’ tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, għall-ispjegazzjonijiet dettaljati fuq dawk l-elementi li huma neċessarji biex iħallu l-kontrol tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ infurzar maħsuba.

Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ ma tistaqsix in-neċessità ta’ l-ispezzjoni u lanqas tiddemanda li tiġi provduta bl-informazzjoni tal-file tal-Kummissjoni. Id-dritt legali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa tkun suġġetta għar-reviżjoni biss mil-Qorti tal-Ġustizzja.”

4

L-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE]; jew

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]”

Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006

5

Il-punti 19 sa 22 sa 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”), jistabbilixxu:

“19.

L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20.

L-evalwazzjoni tal-gravità ser issir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami.

21.

Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser ikun iffissat għal livell li jista’ jilħaq it-30 %.

22.

Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implementazzjoni jew le tal-ksur.

[…]

37.

Għalkemm dawn il-[l]inji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2008 li tiftaħ investigazzjoni dwar is-settur farmaċewtiku

6

Il-premessi 3 sa 5 kif ukoll il-premessa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Jannar 2008, li tiftaħ investigazzjoni fis-settur farmaċewtiku skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (Każ Nru COMP/D2/39.514) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2008 li tiftaħ investigazzjoni fis-settur farmaċewtiku”), huma fformulati kif ġej:

“(3)

Ċerti ċirkustanzi relatati mal-kompetizzjoni eżerċitata mill-prodotti mediċinali innovattivi u ġeneriċi inġenerali jagħtu x’wieħed jaħseb li l-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku fl-Ewropa tista’ tiġi ristretta jew distorta, bħal, pereżempju, tnaqqis fl-innovazzjoni fid-dawl tan-numru ta’ prodotti mediċinali ġodda fis-suq, kif ukoll tal-każijiet ta’ dħul tardiv fis-suq ta’ fornituri ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

(4)

Elementi jindikaw l-eżistenza ta’ prattiki kummerċjali min-naħa ta’ fornituri farmaċewtiċi, inkluż, b’mod partikolari, il-ksib ta’ privattivi jew l-eżerċizzju tagħhom, li jistgħu jservu mhux sabiex jipproteġu l-innovazzjoni, iżda sabiex jostakolaw il-kompetizzjoni provenjenti mill-prodotti mediċinali innovattivi u/jew ġeneriċi; ta’ proċeduri kontenzjużi li jista’ jkollhom natura abbużiva, kif ukoll ta’ ftehimiet li jista’ jkollhom natura kollużiva.

(5)

Dawn il-prattiki jistgħu jagħtu lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni meta jipproteġu b’mod inġust lill-fornituri ta’ prodotti mediċinali li jistabbilixxu l-kompetizzjoni li joriġinaw minn prodotti mediċinali innovattivi jew ġeneriċi, pereżempju minħabba l-estensjoni, de facto, tal-protezzjoni mogħtija minn privattiva permezz ta’ aġir unilaterali jew ta’ ftehimiet. Dawn il-prattiki jistgħu jillimitaw l-għażla tal-konsumaturi, inaqqsu l-inċentivi ekonomiċi sabiex jinvestu fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u jippreġudikaw il-baġit tas-saħħa tas-settur pubbliku u privat.

[…]

(8)

Sa fejn l-investigazzjoni tas-settur farmaċewtiku turi l-eżistenza possibbli ta’ ftehimiet jew ta’ prattiki antikompetittivi jew ta’ abbużi minn pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jirregolarizzaw il-kompetizzjoni fis-settur, b’mod partikolari billi jibdew investigazzjonijiet fir-rigward ta’ entitajiet individwali li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet skont l-Artikolu [101 TFUE] u/jew l-Artikolu [102 TFUE]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża

7

Dan l-appell jaqa’ fil-kuntest ta’ sitt appelli konnessi diretti kontra sitt sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara rikorsi għal annullament ippreżentati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri, minbarra dan l-appell, dak ippreżentat fil-Kawża C‑586/16 P (Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni) kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni (T‑460/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:453), dak ippreżentat fil-Kawża C‑588/16 P (Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni, (T‑469/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:454), dak ippreżentat fil-Kawża C‑591/16 P (Lundbeck vs Il‑Kummissjoni) kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (T‑472/13, EU:T:2016:449), dak ippreżentat fil-Kawża C‑601/16 P (Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni) kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni (T‑467/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:450), kif ukoll dik ippreżentata fil-Kawża C‑614/16 P (Merck vs Il‑Kummissjoni) kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Merck vs Il‑Kummissjoni (T‑470/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:452).

8

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 38 tas-sentenza appellata bit-termini segwenti:

“Kumpanniji inkwistjoni fil-kawża preżenti

1

H. Lundbeck A/S (iktar ’il quddiem ‘Lundbeck’) hija kumpannija rregolata mid-dritt Daniż li tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji speċjalizzat fir-riċerka, fl-iżvilupp, fil-produzzjoni, fil-kummerċjalizzazzjoni, fil-bejgħ u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi għat-trattament ta’ patoloġiji li jaffettwaw is-sistema nervuża ċentrali, fosthom id-depressjoni.

2

Lundbeck hija laboratorju ta’ oriġini, jiġifieri, impriża li tikkonċentra l-attività tagħha fuq ir-riċerka ta’ prodotti mediċinali ġodda u fuq il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

3

Alpharma Inc. kienet kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan attiva fuq livell mondjali fis-settur farmaċewtiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti mediċinali ġeneriċi. Sa Diċembru 2008, hija kienet ikkontrollata mill-kumpannija rregolata mid-dritt Norveġiż A.L. Industrier AS. Sussegwentement, hija kienet inxtrat minn impriża farmaċewtika tar-Renju Unit li, min-naħa tagħha, inxtrat minn impriża farmaċewtika mill-Istati Uniti. Fil-kuntest ta’ dawn ir-ristrutturazzjonijiet, Alpharma Inc. saret, inizjalment, f’April 2010, Alpharma, LLC, u mbagħad, fil‑15 ta’ April 2013, Zoetis Products LLC (iktar ’il quddiem ‘Zoetis’), fl-aħħar, fis-6 ta’ Lulju 2015, mill-ġdid Alpharma LLC.

4

Alpharma Inc. kienet tikkontrolla 100 % lil Alpharma ApS, kumpannija rregolata mid-dritt Daniż, li kellha diversi sussidjarji fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (iktar ’il quddiem, globalment, ‘il-grupp Alpharma’). Wara diversi ristrutturazzjonijiet ta’ kumpanniji, fil‑31 ta’ Marzu 2008, Alpharma ApS saret Axellia Pharmaceuticals ApS, li mill-2010 bdiet tissejjaħ Xellia Pharmaceuticals ApS […]

Il-prodott ikkonċernat u l-privattivi fuqu

5

Il-prodott ikkonċernat minn din il-kawża huwa l-prodott mediċinali kontra d-depressjoni li jinkludi l-ingredjent farmaċewtika attiva (iktar ’il quddiem l-‘IFA’) msejjaħ citalopram.

6

Fl-1977, Lundbeck ippreżentat, fid-Danimarka, applikazzjoni għal privattiva dwar l-IFA citalopram kif ukoll dwar iż-żewġ proċessi ta’ alkylation u ta’ cyanation użati sabiex jiġi prodott l-imsemmi IFA. Privattivi li jkopru dan l-IFA u dawn il-proċessi […] inħarġu fid-Danimarka u f’diversi pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent bejn l-1977 u l-1985.

7

Fir-rigward taż-ŻEE, il-protezzjoni li tirriżulta [minn dawn il-privattivi] kif ukoll, skont il-każ, miċ-ċertifikati komplementari ta’ protezzjoni (iktar ’il quddiem iċ-‘ĊKP’), previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92, tat‑18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200), skadiet bejn l-1994 (għall-Ġermanja) u l-2003 (għall-Awstrija). B’mod partikolari, fir-rigward tar-Renju Unit, il-privattivi oriġinali skadew f’Jannar 2002.

8

Matul is-snin, Lundbeck żviluppat proċessi oħra iktar effikaċi sabiex tipproduċi s-citalopram, li għalihom applikat għal, u ħafna drabi kisbet, privattivi f’diversi pajjiżi taż-ŻEE kif ukoll mingħand l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali(WIPO) u mingħand l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO).

9

L-ewwel, fit-13 ta’ Marzu 2000, Lundbeck ippreżentat applikazzjoni għal privattiva quddiem l-awtoritajiet Daniżi fir-rigward ta’ proċess ta’ produzzjoni tas-citalopram li kien jipprevedi metodu ta’ purifikazzjoni tal-imluħa użati permezz ta’ kristalizzazzjoni. Applikazzjonijiet analogi kienu ġew ippreżentati f’pajjiżi oħra taż-ŻEE kif ukoll quddiem il-WIPO u l-EPO. Lundbeck kisbet privattivi li jipproteġu l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni (iktar ’il quddiem il-‘privattiva dwar il-kristallizzazzjoni’) f’diversi Stati Membri matul l-ewwel nofs tal-2002, b’mod partikolari fit‑30 ta’ Jannar 2002 fir-rigward tar-Renju Unit u fil‑11 ta’ Frar fir-rigward tad-Danimarka. L-EPO ħareġ privattiva dwar il-kristallizzazzjoni fl‑4 ta’ Settembru 2002. Barra minn hekk, fil-Pajjiżi l-Baxxi, Lundbeck kienet diġà kisbet, fis-6 ta’ Novembru 2000, mudell ta’ utilità fir-rigward ta’ dan il-proċess[…], jiġifieri privattiva valida għal sitt snin mogħtija mingħajr eżami.

10

It-tieni, fit‑12 ta’ Marzu 2001, Lundbeck ippreżentat applikazzjoni għal privattiva quddiem l-awtoritajiet tar-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] dwar proċess ta’ produzzjoni tas-citalopram li kien jipprevedi metodu ta’ purifikazzjoni tal-imluħa użati permezz ta’ distillazzjoni f’film. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ħarġu favur Lundbeck privattiva li tkopri l-imsemmi metodu ta’ distillazzjoni f’film fit‑3 ta’ Ottubru 2001 (iktar ’il quddiem il-‘privattiva dwar id-distillazzjoni f’film’). Madankollu, din il-privattiva ġiet irrevokata fit‑23 ta’ Ġunju 2004 minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni fil-konfront ta’ privattiva oħra ta’ Lundbeck.

11

Fl-aħħar nett, Lundbeck kellha l-intenzjoni li tniedi prodott mediċinali kontra d-depressjoni ġdid, is-Cipralex, ibbażat fuq l-IFA msejjaħ escitalopram (jew S-citalopram), lejn l-aħħar tal-2002 jew il-bidu tal-2003. Dan il-prodott mediċinali ġdid kien indirizzat lejn l-istess pazjenti bħal dawk li setgħu jiġu ttrattati permezz tal-prodott mediċinali protett bi privattiva Cipramil ta’ Lundbeck, ibbażat fuq l-IFA citalopram. L-IFA escitalopram kien protett permezz ta’ privattivi li kienu validi, minn tal-inqas, sal-2012.

Ftehim konkluż minn Lundbeck mal-grupp Alpharma u elementi oħra tal-kuntest

12

Matul l-2002, Lundbeck ikkonkludiet sitt ftehimiet dwar is-citalopram (iktar ’il quddiem il-‘ftehimiet kontenzjużi’) ma’ impriżi attivi fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi (iktar ’il quddiem il-‘[manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi’], fosthom il-grupp Alpharma.

13

Il-ftehim rilevanti f’dan il-każ (iktar ’il quddiem il-‘ftehim kontenzjuż’) ġie konkluż bejn Lundbeck u Alpharma ApS fit‑22 ta’ Frar 2002, għal perijodu minn din id-data sal‑30 ta’ Ġunju 2003 (iktar’ il quddiem il-‘perijodu rilevanti’).

14

Qabel il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, f’Jannar 2002, Alpharma kienet xtrat mingħand Alfred E. Tiefenbacher GmbH & Co. (iktar ’il quddiem ‘Tiefenbacher’) stokk ta’ pilloli ta’ citalopram ġeneriku, prodotti mill-IFA tal-kumpannija Indjana Cipla, u kienet ordnat iktar.

15

Fir-rigward tal-preambolu tal-ftehim Alpharma (iktar ’il quddiem il-‘preambolu’), għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li:

l-ewwel premessa tfakkar li “Lundbeck hija l-proprjetarju ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jinkludu, b’mod partikolari, privattivi dwar il-produzzjoni […] tal-IFA tas-‘Citalopram’ [(miktuba b’‘c’ kapitali fit-test kollu tal-ftehim], li jinkludu l-privattivi riprodotti fl-Anness A ta’ dan il-ftehim […];

it-tieni premessa tindika li Lundbeck tipproduċi u tbigħ prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-‘Citalopram’ fl-Istati Membri kollha kif ukoll fin-Norveġja u fl-Isvizzera, u dawn il-pajjiżi huma ddefiniti, flimkien, bħala t-“Territorju”;

it-tielet u r-raba’ premessa jsemmu l-fatt li Alpharma pproduċiet jew xtrat prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-‘Citalopram’ fit-‘Territorju’, u dan mingħajr il-kunsens ta’ Lundbeck;

il-ħames u s-sitt premessa jsemmu l-fatt li l-prodotti ta’ Alpharma kienu suġġetti minn Lundbeck għal testijiet fil-laboratorju li r-riżultati tagħhom taw lil Lundbeck raġunijiet sostanzjali sabiex temmen li l-metodi ta’ produzzjoni użati sabiex jinħolqudawn il-prodotti kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha;

is-seba’ premessa tfakkar li, fil‑31 ta’ Jannar 2002, Lundbeck ressqet kawża quddiem qorti tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-‘kawża dwar ksur Alpharma’) sabiex tikseb ordni ‘kontra l-bejgħ minn Alpharma ta’ prodotti li jinkludu s-Citalopramminħabba vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Lundbeck’;

it-tmien premessa tindika li Alpharma tirrikonoxxi li l-konstatazzjonijiet ta’ Lundbeck huma korretti u timpenja ruħha li ma tqegħidx fis-suq ‘tali prodotti’;

id-disa’ u l-għaxar premessa jispeċifikaw li Lundbeck:

‘taqbel li tħallas [lill-grupp] Alpharma kumpens sabiex tkun tista’ tevita tilwima fil-qasam tal-privattivi’ li l-eżitu tagħha ma jistax jiġi previst b’ċertezza assoluta u li ser tkun tirrikjedi ħafna riżorsi f’termini ta’ flus u ħin;

‘taqbel, [sabiex] issolvi t-tilwima, li tixtri mingħand [il-grupp] Alpharma l-istokk kollu tagħha ta’ prodotti li jinkludu s-Citalopram u li tħallas [lilu] kumpens għal dawn il-prodotti’.

16

Fir-rigward tat-test prinċipali [tal-ftehim kontenzjuż,] għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li:

il-punt 1.1 [tal-ftehim kontenzjuż] jipprevedi li l-grupp Alpharma u s-‘Sussidjarji’ tagħha qegħdin ‘jannullaw, iwaqqfu u jastjenu minn kwalunkwe importazzjoni, […] produzzjoni […] jew bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-Citalopram fit-Territorju […] matul il-[perijodu rilevanti]’ u li Lundbeck qiegħda tirtira l-kawża dwar l-azzjoni ta’ ksur RU;

dan l-istess punt jippreċiża li ma japplikax għal-‘kull prodott li fih l-escitalopram’;

il-punt 1.2 jipprevedi li, ‘[f]il-każ ta’ kwalunkwe ksur tal-obbligu stabbilit [fil-punt 1.1 tal-ftehim kontenzjuż] jew fuq talba minn Lundbeck, [il-grupp] Alpharma […] ser jissuġġetta ruħu b’mod volontarju għal ordni provviżorja min-naħa ta’ kwalunkwe qorti kompetenti fi kwalunkwe pajjiż tat-Territorju’ u li Lundbeck tista’ tikseb tali ordni mingħajr ma tiddepożita garanzija;

il-punt 1.3 jispeċifika li, bħala kumpens għall-obbligi previsti f’dan il-ftehim u sabiex jiġu evitati l-ispejjeż u t-tul ta’ kawża, Lundbeck għandha tħallas lil Alpharma s-somma ta’ dollari tal-Istati Uniti (USD) 12-il miljun, li 11-il miljun minnhom jirrigwardaw il-prodotti ta’ Alpharma li jinkludu s-‘Citalopram’, u dan fi tliet pagamenti ta’ 4 miljun kull wieħed, li għandhom jitħallsu rispettivament fil‑31 ta’ Marzu 2002, fil‑31 ta’ Diċembru 2002 u fit‑30 ta’ Ġunju 2003;

il-punt 2.2 jistabbilixxi li, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2002, Alpharma għandha tikkunsinna lil Lundbeck l-istokk kollu tagħha ta’ prodotti li jinkludu s-‘Citalopram’ li hija jkollha fil-pussess tagħha f’dik id-data, jiġifieri d-9.4 miljun pillola li diġà jinsabu fil-pussess tagħha mal-konklużjoni tal-ftehim kotenzjuż u s-16-il miljun pillola li hija kienet ordnat.

17

L-Anness A [tal-ftehim kontenzjuż] jinkludi lista ta’ 28 talba għal drittijiet tal-proprjetà intellettwali mressqa minn Lundbeck qabel l-iffirmar ta’ [dan il-ftehim], li disgħa minnhom kienu diġà ntlaqgħu fl-imsemmija data. Dawn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kienu jikkonċernaw il-proċessi sabiex jiġi prodott l-IFA citalopram koperti mill-privattivi dwar il-kristallizzazzjoni u [l-privattiva] dwar id-distillazzjoni f’film.

18

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, fit‑2 ta’ Mejju 2002, qorti tar-Renju Unit tat digriet ibbażat fuq kunsens li kien jipprevedi li l-proċedura fl-azzjoni dwar ksur Alpharma [kellha] tiġi sospiża minħabba l-konklużjoni ta’ ftehim bejn Lundbeck u, b’mod partikolari, il-grupp Alpharma, li skontha dan tal-aħħar “[kien] annulla, waqqaf u astjena minn kwalunkwe importazzjoni, […] produzzjoni […] jew bejgħ, [fl-Istati Membri], fin-Norveġja u fl-Isvizzera (‘it-Territorji Rilevanti’), ta’ prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-citalopram immanifatturat bl-użu tal-proċessi koperti mill-privattivi dwar il-kristallizzazzjoni u dwar id-distillazzjoni f’film mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit] jew minn kwalunkwe privattivaekwivalenti oħra miksuba jew mitluba fit-Territorji Rilevanti sat‑30 ta’ Ġunju 2003 […].

Passi tal-Kummissjoni fis-settur farmaċewtiku u l-proċedura amministrattiva

19

F’Ottubru 2003, il-Kummissjoni […] iet informata mill-Konkurrence- og Forbrugerstyrelsen (KFST, Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi Daniża) dwar l-eżistenza tal-ftehimiet inkwistjoni.

20

Peress li l-parti l-kbira ta’ dawn il-ftehimiet kienu jikkonċernaw iż-ŻEE kollha jew, fi kwalunkwe każ, Stati Membri oħra minbarra r-Renju tad-Danimarka, ġie miftiehem li l-Kummissjoni kellha teżamina l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-kompetizzjoni filwaqt li l-KFST ma kellhiex tkompli tistħarreġ din il-kwistjoni.

21

Bejn l-2003 u l-2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament [Nru 1/2003], għand Lundbeck u għand kumpanniji oħra attivi fis-settur farmaċewtiku. Hija bagħtet ukoll, lil Lundbeck u lil kumpannija oħra, talbiet għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament.

22

Fil‑15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni dwar is-settur farmaċewtiku konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003 (Każ COMP/D2/39514). L-uniku artikolu ta’ din id-deċiżjoni kien jippreċiża li l-investigazzjoni li kellha titwettaq kellha tikkonċerna l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti mediċinali innovattivi u ġeneriċi għall-użu mill-bniedem.

23

Fit‑8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li kellha bħala suġġett sinteżi tar-rapport ta’ investigazzjoni tagħha dwar is-settur farmaċewtiku. Din il-komunikazzjoni kienet tinkludi, f’’anness tekniku’, il-verżjoni sħiħa tal-imsemmi rapport ta’ investigazzjoni, bħala ‘anness tekniku’ fil-forma ta’ dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, disponibbli biss [bil-lingwa Ingliża].

24

Fis‑7 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura formali fil-konfront ta’ Lundbeck.

25

Matul l-2010 u matul l-ewwel semestru tal- 2011, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Lundbeck u, b’mod partikolari, lill-kumpanniji l-oħra li kienu partijiet fil-ftehimiet inkwistjoni, fosthom il-grupp Alpharma.

26

Fl‑24 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni bdiet proċedura fil-konfront tal-[manifatturit tal-prodotti mediċinali] ġeneriċi li kienu partijiet fil-ftehimiet inkwistjoni u bagħtitilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll lil Lundbeck.

[…]”

30

Fid‑19 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kontenzjuża].

Id-deċiżjoni [kontenzjuża]

31

Permezz tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni qieset li l-ftehim kontenzjuż, bħal barra minn hekk il-ftehimiet l-oħra inkwistjoni, kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)], imwettaq minn Lundbeck kif ukoll minn Alpharma ApS, Alpharma Inc. u A.L. Industrier (Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

32

Kif jirriżulta mis-sunt li jinsab fil-premessa 1087 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-elementi segwenti:

fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż, Lundbeck u Alpharma kienu kompetituri minn tal-inqas potenzjali f’diversi pajjiżi taż-ŻEE;

bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, Lundbeck wettqet trasferiment ta’ valur sostanzjali favur il-grupp Alpharma;

dan it-trasferiment ta’ valur kien marbut mal-aċċettazzjoni mill-grupp Alpharma ta’ limitazzjonijiet fir-rigward tad-dħul fis-suq tiegħu tal-imsemmi ftehim, b’mod partikolari mal-impenn tal-grupp Alpharma li ma tbigħ ebda citalopram ġeneriku fiż-ŻEE matul il-perijodu rilevanti;

dan it-trasferiment ta’ valur kien jikkorrispondi essenzjalment għall-profitti li l-grupp Alpharma seta’ jtikseb li kieku daħal fis-suq b’suċċess;

Lundbeck ma setgħetx tikseb tali limitazzjonijiet bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-privattivi dwar il-kristallizzazzjoni u [tal-privattiva] dwar id-distillazzjoni f’film (iktar ’il quddiem il-“privattivi l-ġodda u [ta’ proċess] ta’ Lunbeck”), peress li l-obbligi imposti fuq Alpharma skont il-ftehim kontenzjuż kienu jmorru lil hinn mid-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju ta’ privattivi ta’ proċess;

il-ftehim konrenzjuż ma kien jipprevedi ebda impenn min-naħa ta’ Lundbeck li tastjeni milli tressaq kawżi dwar ksur kontra l-grupp Alpharma fil-każ li din tal-aħħar tidħol fis-suq bis-citalopram ġeneriku wara l-iskadenza tal-ftehim kontenzjuż.

33

Il-Kummissjoni imponiet ukoll multi fuq il-partijiet kollha fil-ftehimiet kontenzjużi. Għal dan il-għan, hija użat il-[Linji gwida tal-2006 dwar il-kalkolu tal-multi]. Għalkemm, fir-rigward ta’ Lundbeck, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija ġenerali deskritta f’[dawn il-linji gwida], ibbażata fuq il-valur tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat imwettaq minn din l-impriża (premessi 1316 sa 1358 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-partijiet l-oħra fil-ftehimiet inkwistjoni, jiġifieri l-[manifatturi ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi, hija użat il-possibbiltà, prevista fil-[punt] 37 tagħhom, li ma timxix ma’ din il-metodoloġija, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ fir-rigward ta’ dawn il-partijiet (premessa 1359 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

34

B’hekk, fir-rigward tal-partijiet fil-ftehimiet inkwistjoni minbarra Lundbeck, fosthom il-grupp Alpharma, il-Kummissjoni qieset li, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa u sabiex tiżgura li din il-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, kien hemm lok li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-somom li Lundbeck kienet ittrasferitilhom bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet, u dan mingħajr ma tintroduċi distinzjoni bejn il-ksur fuq il-bażi tan-natura jew tal-portata ġeografika tal-ksur, jew skont il-prtijiet tas-suq tal-impriżi kkonċernati, fatturi li ssemmew biss għal finijiet ta’ kompletezza (premessa 1361 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

35

Fir-rigward tal-grupp Alpharma, il-Kummissjoni qieset li s-somom li Lundbeck kienet ħallsitha kienu jammontaw għal USD 11.1 miljun, ekwivalenti għal EUR 11.7 miljun, skont ir-rata tal-kambju medja għall-2002. Dan l-ammont kien kompost, minn naħa, minn USD 10.1 miljun għax-xiri tal-istokk ta’ citalopram tal-grupp Alpharma, fid-dawl ta’ tnaqqis ta’ USD 900000 applikat għall-parti mħallsa minn Lundbeck fil‑31 ta’ Diċembru 2002 (ara r-raba’ inċiż tal-punt 16 [tas-sentenza appellata]) minħabba li n-numru ta’ pilloli riċevuti kien inqas mil-livell miftiehem, u, min-naħa l-oħra, ta’ USD 1 miljun minħabba spejjeż ta’ litigazzjoni evitati permezz tal-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż (premessi 545, 547, 1071, 1374 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1867 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

36

Fid-dawl tat-tul totali tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni tat, madankollu, tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multi imposti fuq id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni [kontenzjuża] (premessi 1349 u 1380 tad-deċiżjoni[kontenzjuża]).

37

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni applikat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jgħid li, għal kull impriża li tipparteċipa fi ksur, il-multa ma setgħetx taqbeż l10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha miksub matul is-sena kummerċjali preċedenti, b’mod separat, lil [Xellia Pharmaceuticals], lil Zoetis u lil A.L. Industrier, sa fejn dawn il-kumpanniji ma kinux għadhom jifformaw parti mill-istess impriża meta ġiet adottata d-deċiżjoni [kontenzjuża] (premessa 1384 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]. Fir-rigward ta’ A.L. Industrier, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ miksub fl-2011, u mhux dak tal-2012, sa fejn hija kkunsidrat li d-data tal-2012 ma kinitx tikkonċerna sena ta’ attivitajiet ekonomiċi normali (premessi 1386 u 1387 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

38

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 10530000in solidum fuq [Xellia Pharmaceuticals] u Zoetis, filwaqt li r-responsabbiltà in solidum ta’ A.L. Industrier kienet limitata għal ammont ta’ EUR 43216) (premessa 1396 u l-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

9

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Awwissu 2013, Xellia Pharmaceuticals (iktar ’il quddiem “Xellia”) u Zoetis, li saret Alpharma LCC, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża u għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom mill-Kummissjoni.

10

Insostenn tar-rikors tagħhom, Xellia u Zoetis qajmu tmien motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata tal-ftehim kontenzjuż, it-tieni, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-grupp Alpharma bħala kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck, it-tielet, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, ir-raba’, fuq żball ta’ liġi dwar il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali restrizzjoni minkejja li l-portata ta’ dan il-ftehim tirrifletti s-setgħa li teskludi inerenti fil-privattivi tal-proċess il-ġdid ta’ Lundbeck, il-ħames, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, is-sitt, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba li Zoetis hija destinatarju tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-seba’, fuq żbalji li jaffettwaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuqhom u, it-tmien, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mal-limitu massimu tal-parti tal-ammont tal-multa li A.L. Industrier hija kodebitur tagħha.

11

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Novembru 2016, Xellia u Alpharma LLC (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) ippreżentaw dan l-appell.

13

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Lulju 2017, ir-Renju Unit talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni f’din il-kawża kif ukoll fil-Kawżi C‑586/16 P (Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni), C‑588/16 P (Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni), C‑601/16 P (Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni) u C‑614/16 P (Merck vs Il‑Kummissjoni), imsemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza. Permezz ta’ digrieti tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑586/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:831), tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:829), tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:826), tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (C‑611/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:825) u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Merck vs Il‑Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:828), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dawn it-talbiet. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2017, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:532), dan tal-aħħar irriżerva, fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, f’dawn il-kawżi kollha, trattament kunfidenzjali, b’mod partikolari, għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li verżjoni mhux kunfidenzjali biss tagħha ġiet innotifikata lir-Renju Unit.

14

Fis‑27 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-kawża hija assenjata lir-Raba’ Awla li għandha tiddeċiedi wara seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal din il-kawża u għall-Kawżi C‑586/16 P (Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni], C‑588/16 P (Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni), C‑591/16 P (Lundbeck vs Il‑Kummissjoni), C‑601/16 P (Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni) u C‑614/16 P (Merck vs Il‑Kummissjoni) kif ukoll bil-benefiċċju tat-talbiet.

15

Abbażi tal-Artikolu 61(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, fid-29 ta’ Novembru 2018, bagħtet lill-partijiet fil-proċedura f’din il-kawża serje ta’ mistoqsijiet bil-miktub għal tweġibiet bil-fomm matul is-seduta kif ukoll pjan provviżorju tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali li jispeċifikaw preċiżament l-iżvolġiment tagħha. Wara l-osservazzjonijiet ta’ dawn il-partijiet, intbagħtulhom pjan definittiv tas-seduta fit‑22 ta’ Jannar 2019.

16

Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal din il-kawża u għall-kawżi msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza nżammet fl‑24 ta’ Jannar 2019.

17

Fis‑6 ta’ Frar 2020, l-Avukata Ġenerali, fuq il-bażi tal-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura, bagħtet lill-partijiet fil-proċeduri f’din il-kawża mistoqsija għal tweġiba bil-miktub, li biha stednithom jieħdu pożizzjoni dwar l-eventwali influwenza tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), dwar il-motivi mqajma f’din il-kawża relatati mal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Lundbeck u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kif ukoll mal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet konklużi bejn Lundbeck u dawn tal-aħħar bħala “restrizzjonijiet minħabba l-għan”. It-tweġibiet għal din il-mistoqsija waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Marzu 2020.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-għoti tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19

Bl-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla kompletament jew parzjalment is-sentenza appellata;

tannulla kompletament jew parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża;

tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala fl-intier tiegħu infondat u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell fl-intier tiegħu.

Fuq l-appell

22

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw disa’ aggravji.

23

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ validità tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Lundbeck u l-grupp Alpharma u t-tieni aggravju huwa bbażat fuq inverżjoni tal-oneru tal-prova kif ukoll fuq it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-imsemmija analiżi, ta’ elementi li ma jinsabux fid-deċiżjoni kontenzjuża.

24

It-tielet u r-raba’ aggravju huma bbażati, rispettivament, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-ftehim kontenzjuż bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” u fuq l-assenza ta’ eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni ppruvatx l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-portata tar-restrizzjonijiet previsti fil-ftehim kontenzjuż fir-rigward tal-grupp Alpharma.

25

Il-ħames sad-disa’ aggravju huma bbażati, rispettivament, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, it-tieni, fuq it-trattament diskriminatorju mġarrab minn Alpharma LLC, it-tielet, fuq l-inċertezza tal-kuntest ġuridiku li kellha teskludi l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-grupp Alpharma, ir-raba’, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq il-grupp Alpharma permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, u, il-ħames, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali skorrett sabiex tiddetermina s-sena kummerċjali rilevanti għall-finijiet li tiddetermina l-ammont massimu tal-multa jista’ jiġi impost fuq A.L. Industrier.

26

Għandhom jiġu eżaminati, qabel kollox u flimkien, l-ewwel u t-tieni aggravju, imbagħad, ukoll flimkien, it-tielet u r-raba’ aggravju, u fl-aħħar nett, suċċessivament, il-ħames sad-disa’ aggravju.

Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

Sunt tal-punti rilevanti tas-sentenza appellata.

27

Permezz tat-tieni motiv tagħhom imqajjem fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-grupp Alpharma bħala kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck.

28

Il-Qorti Ġenerali eżaminat dan il-motiv fil-punti 49 sa 156 tas-sentenza appellata.

29

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali għamlet sinteżi tal-analiżi dwar il-kompetizzjoni potenzjali mwettqa fid-deċiżjoni kontenzjuża, li fil-kuntest tagħha hija rrilevat dan li ġej fil-punti 51 sa 58 tas-sentenza appellata:

“51

Fil-premessi 615 sa 620 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni indirizzat il-karatteristiċi partikolari tas-settur farmaċewtiku u għamlet distinzjoni bejn żewġ fażijiet li matulhom il-kompetizzjoni potenzjali setgħet tiġi espressa f’dan is-settur.

52

L-ewwel fażi tista’ tibda diversi snin qabel l-iskadenza tal-privattiva dwar IFA, meta l-[produtturi ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi li jkunu jixtiequ jintroduċu verżjoni ġenerika tal-prodott mediċinali kkonċernat jibdew jiżviluppaw proċessi ta’produzzjoni vijabbli li jwasslu għal prodott li jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji. Sussegwentement, fit-tieni fażi, sabiex tipprepara għad-dħul effettiv tagħha fis-suq, ikun meħtieġ li [manifattur ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi jikseb awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem ‘ATS’) b’applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodott imediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), jakkwista pilloli mingħand wieħed jew diversi [produtturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi] jew jipproduċihom huwa stess, ifittex distributuri jew jistabbilixx n-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha stess, jiġifieri jwettaq sensiela ta’ passi preliminari li mingħajrhom qatt ma jkun hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq.

[…]

54

Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ fażijiet tal-kompetizzjoni potenzjali, il-[manifatturi tal-prodotti mediċinali] ġeneriċi ħafna drabi jħabbtu wiċċhom ma’ kwistjonijiet ta’ dritt tal-privattivi u tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, b’mod ġenerali [huma] jsibu mezz sabiex jevitaw kwalunkwe ksur ta’ privattivi eżistenti, bħalma huma l-privattivi ta’ proċess. Fil-fatt, [huma] għandhom diversi għażliet f’dan ir-rigward, […]

[…]

58

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eżami tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn Lundbeck u l-grupp Alpharma fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż, il-Kummissjoni, fil-premessi 1016 sa 1039 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], osservat, b’mod partikolari, li l-imsemmi grupp:

kien diġà kkonkluda ftehim ma’ Tiefenbacher, li kien jippermettilu jixtri s-citalopram ġeneriku prodott mill-kumpanniji Indjani Cipla jew Matrix u li uża l-ATS li Tiefenbacher kellha diġà;

kien kiseb ATS fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Finlandja, fid-Danimarka kif ukoll fl-Isvezja u stenna li jirċievi malajr ukoll fir-Renju Unit;

kellu fl-istokk 9.4 miljun pillola ta’ citalopram ġeneriku, prodotti skont il-proċess ta’ Cipla, u kien ordna iktar 16 miljun minnhom;

kien ippubblika lista ta’ prezzijiet fir-Renju Unit;

kien lest li jidħol fis-suq f’diversi pajjiżi taż-ŻEE f’terminu ta’ bejn ġimagħtejn u sitt ġimgħat;

kien wasal għall-konklużjoni li l-proċess użat minn Cipla sabiex tipproduċi s-citalopram kien jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-privattiva [ta’ Lundbeck li tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit], iżda qies li kellu possibbiltajiet raġonevoli li jkun jista’ jevita ordni li timblokka d-dħul tagħha fis-suq u li jikseb l-annullament tal-imsemmija privattiva;

kellu l-possibbiltà li jgħaddi għas-citalopram prodott minn Matrix, li kien juża proċess li ma kienx ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur tal-privattivi [ta’ proċess] ġodda ta’ Lundbeck.”

30

Fir-rigward tal-possibbiltà għall-grupp Alpharma li jidħol fis-suq, il-Qorti Ġenerali evalwat żewġ rimedji possibbli.

31

Fir-rigward tal-ewwel waħda, jiġifieri d-dħul fis-suq permezz ta’ pilloli mmanifatturati skont il-proċess użat minn Cipla sabiex tipproduċi s-citalopram (iktar ’il quddiem il “proċess ta’ Cipla”) li l-grupp Alpharma kien diġà rċieva jew ordna, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-kontenut ta’ posta elettronika ta’ direttur ġenerali ta’ dan il-grupp tad‑19 ta’ Frar 2002 (iktar ’il quddiem il-“posta elettronika tad‑19 ta’ Frar 2002”), imsemmija fil-punt 1027 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, b’mod partikolari, kienet tirreferi għal talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck, li kellhom possibbiltajiet raġonevoli ta’ suċċess u semmiet il-possibbiltà li jintuża s-citalopram prodott skont il-proċess użat minn Matrix, li hija kkunsidrat li ma kienx problematiku fir-rigward tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck. Fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li l-grupp Alpharma stess ammetta li kien iqis li kellu possibbiltajiet raġonevoli li jikseb l-annullament tal-privattiva ta’ Lundbeck li tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit.

32

Fil-punti 91 u 92 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-grupp Alpharma kien ħa diversi passi u għamel investimenti kbar sabiex jidħol fis-suq, li hija identifikat.

33

Fil-punt 108 ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li minn posta elettronika interna tal-grupp Alpharma, tal‑14 ta’ Frar 2002, u mill-posta elettronika tad‑19 ta’ Frar 2002 jirriżulta li dan il-grupp, filwaqt li kien jaf bir-riskji li d-dħul fis-suq seta’ jinvolvi, ma kienx neċessarjament jabbanduna l-pjanijiet tiegħu li kieku ma setax jikkonkludi ma’ Lundbeck ftehim suffiċjentement vantaġġuż.

34

Fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, għalkemm il-ksib minn Lundbeck, fit-30 ta’ Jannar 2002, tal-privattiva li tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit issorpenda l-grupp Alpharma, sa fejn dan kien jistenna li t-talba ta’ Lundbeck tiġi miċħuda, dan il-grupp kien kompla jikkunsidra li, minkejja l-eżistenza ta’ ċerti riskji, kellu possibbiltajiet raġonevoli li jikseb l-annullament ta’ din il-privattiva u li, fid-dawl b’mod partikolari tal-passi u tal-investimenti diġà mwettqa, id-dħul fis-suq kien jikkostitwixxi għażla oħra barra l-konklużjoni ta’ ftehim suffiċjentement vantaġġjuża ma’ Lundbeck.

35

Fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki skont Lundbeck, il-grupp Alpharma kellu possibbiltà reali u konkreta li jidħol fis-suq.

36

Fl-aħħar nett, fil-punt 136 tal-imsemmija sentenza, hija ddeċidiet li l-fatt li l-proċess ta’ Cipla kien probabbilment jikkostitwixxi ksur tal-privattiva ta’ Lundbeck li tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit ma kienx jikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq ta’ daqs tali li ma setax jitqies li huwa kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck.

37

Fir-rigward tat-tieni possibbiltà ta’ dħul fis-suq, permezz tas-citalopram prodott skont il-proċess użat minn Matrix, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 139, 143 u 154 rispettivament tas-sentenza appellata, li l-kuntratt konkluż bejn Tiefenbacher u l-grupp Alpharma kien jippermetti lil din tal-aħħar tikseb is-citalopram prodott skont il-proċessi użati minn Cipla u Matrix, li l-grupp Alpharma kien iqis li l-proċess li Matrix kien juża dak iż-żmien sabiex tipproduċi s-citalopram seta’ jippermettilha tidħol fis-suq mingħajr ma tikser il-privattiva ta’ Lundbeck li tipproteġi l-proċess bl-użu tal-kristallizzazzjoni sa fejn jikkonċerna r-Renju Unit u li, għalhekk, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż, anki l-bidla għas-citalopram prodott skont l-proċess ta’ Matrix ikkostitwixxa għall-grupp Alpharma possibbiltà reali u konkreta li jidħol fis-suq.

38

Konsegwentement, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-grupp Alpharma kellu mill-inqas żewġ possibbiltajiet reali u konkreti li jidħol fis-suq u li minħabba dawn il-possibbiltajiet huwa kien jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq Lundbeck.

39

Fl-aħħar nett, bi tweġiba għar-raba’ motiv imqajjem mir-rikorrenti insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” minkejja li l-portata tal-ftehim kontenzjuż tirrifletti s-setgħa ta’ esklużjoni inerenti fil-privattivi [odda ta’ proċess ta’ Lundbeck, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punt 339 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“339

[…] fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 315 u 316 [tas-sentenza appellata], għandu jiġi osservat li l-preżunzjoni ta’ validità li minnha tibbenefika kull privattiva ma tistax tkun ekwivalenti għal preżunzjoni ta’ illegalità tal-prodotti kollha mqiegħda fis-suq li l-proprjetarju ta’ privattiva jqis li jiksruha. Fil-fatt, kif tfakkar il-Kummissjoni, f’dan il-każ, kienet Lundbeck li kellha turi, quddiem il-qrati nazzjonali, fil-każ ta’ dħul ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq, li dawn kienu jiksru xi waħda jew oħra mill-privattivi ta’ proċess tagħha, peress li dħul ‘b’riskju’ min-naħa ta’ [manifattur ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi ma huwiex illegali fih innifsu. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ tali kawża, kien possibbli għall-konvenut li jikkontesta l-validità tal-privattiva li Lundbeck invokata, permezz ta’ kontrotalba. Tali kawżi huma fil-fatt frekwenti fil-qasam tal-privattivi u jwasslu, f’diversi każijiet, għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva ta’ proċess invokata, kif il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 76 tad-deċiżjoni [kontenzjuża].”

L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, dirett b’mod partikolari kontra l-punti 54 u 339 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali sa fejn din ikkonkludiet li l-grupp Alpharma kien kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck minkejja provi li juru b’mod ċar li l-prodotti ta’ dan il-grupp kienu jiksru l-privattivi ta’ proċess ġodda ta’ Lundbeck li l-validità tagħhom kellha tiġi preżunta.

41

Skont l-appellanti, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura ruħha li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet provi li juru b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-privattivi ta’ proċess il-ġodda ta’ Lundbeck kienu dgħajfa, u fin-nuqqas ta’ dawn il-privattivi kellhom jiġu preżunti validi u d-dħul tal-prodotti li jikkostitwixxu ksur illegali. Issa, billi ma pproċedietx b’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju bażiku tal-preżunzjoni ta’ validità tal-privattivi u injorat il-fatt li privattiva tirrikonoxxi lill-proprjetarju tagħha dritt ta’ esklużività u mhux sempliċement dritt li jinvoka din l-esklużività fil-qorti. B’dan il-mod, hija “firdet” l-evalwazzjoni tiegħu mwettqa skont l-Artikolu 101 TFUE mill-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-privattivi.

42

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-kwalità ta’ kompetitur tiddependi mill-validità tal-privattiva kkonċernata, li hija inċerta sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, filwaqt li jsostnu li l-preżunzjoni ta’ validità tal-privattivi hija imposta fuq id-dritt tal-kompetizzjoni u tobbliga lill-Kummissjoni li tixtieq tistabbilixxi l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni sabiex turi d-dgħufija tal-privattiva kkonċernata. Barra minn hekk, huma jżidu li, jekk il-preżunzjoni ta’ validità tal-privattivi ma tiġix irrikonoxxuta, kull ftehim bonarju jkun dejjem restrittiv għall-kompetizzjoni.

43

F’dan il-każ, il-prova mill-Kummissjoni tad-dgħufija tal-privattiva ta’ Lundbeck li tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit ma ġietx eżaminata mill-Qorti Ġenerali u ma tistax tiġi stabbilita b’sempliċi riferiment għal posta elettronika ta’ membru eżekuttiv tal-grupp Alpharma jew ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Lundbeck. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkunsidra, kif jirriżulta mill-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-privattivi ta’ proċess huma iktar vulnerabbli mit-tipi l-oħra ta’ privattivi.

44

Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat il-provi kontemporanji li skonthom iż-żewġ partijiet fil-ftehim kontenzjuż kienu jqisu li l-prodotti tal-grupp Alpharma kienu jikkostitwixxu ksur tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck.

45

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma vverifikatx jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovat li, fid-data tal-ftehim kontenzjuż, il-grupp Alpharma kellux effettivament possibbiltajiet reali li jidħol fis-suq bil-pilloli li kienu jikkostitwixxu ksur li kien xtara, u b’hekk jaqleb l-oneru tal-prova.

46

Konformement mas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 114), meta parti tipprepara ruħha li tidħol fis-suq u tiltaqa’ ma’ ostakolu mhux previst — f’dan il-każ in-natura ta’ ksur tal-prodotti tagħha — hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li, minkejja dan l-ostakolu, id-dħul fis-suq jibqa’ minkejja kollox strateġija ekonomikament vijabbli. B’hekk, l-appellanti jsostnu li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata tipprova li l-probabbiltà li l-grupp Alpharma ma jirbaħx fil-kuntest ta’ azzjoni kontenzjuża dwar il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck kienet relattivament dgħajfa sabiex id-dħul fis-suq jibqa’ strateġija ekonomikament vijabbli. Issa, il-Kummissjoni ma pproduċietx din il-prova u sempliċement indikat li ma kienx ċert li Lundbeck tista’ tuża l-privattivi ta’ proċess il-ġodda tagħha sabiex twaqqaf id-dħul tal-grupp Alpharma fis-suq, kif jirriżulta mill-premessa 1039 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

47

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova billi imponiet fuq l-appellanti li jipprovaw li l-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck kienu jipprekludu d-dħul fis-suq milli jikkostitwixxu strateġija ekonomikament vijabbli, prova iktar diffiċli li tiġi prodotta peress li l-Kummissjoni stenniet sitta sa seba’ snin sabiex tinnotifika l-ilmenti tagħha lill-grupp Alpharma.

48

Barra minn hekk, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq provi li ma jinsabux fid-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma ppermettiet lir-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tagħhom u, għaldaqstant, kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

49

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

Sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ dan il-prinċipju previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, aġir ta’ impriżi għandu mhux biss juri k-eżistenza ta’ kollużjoni bejniethom – jiġifieri ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew prattiki miftiehma –, iżda din il-kollużjoni għandha wkoll taffettwa b’mod negattiv u sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 31).

51

Dan l-aħħar rekwiżit jippreżupponi, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali konklużi bejn impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, li l-imsemmija kollużjoni sseħħ bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni jekk mhux reali tal-inqas potenzjali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics, (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 32).

52

Sabiex jiġi evalwat jekk impriża li ma hijiex f’suq tinsabx f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ impriża waħda jew iktar diġà preżenti f’dan is-suq, għandu jiġi ddeterminat jekk jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li din tal-ewwel tidħol fl-imsemmi suq u tikkompeti magħha, peress li dan il-kriterju bl-ebda mod ma jeħtieġ li jintwera b’ċertezza li l-imsemmija impriża effettivament tidħol fis-suq ikkonċernat u, iktar u iktar, li hija tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tibqa’ fih (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C-307/18) EU:C:2020:52, punti 36 u 38).

53

Meta jkunu inkwistjoni ftehimiet, bħall-ftehim kontenzjuż, li jkollhom bħala konsegwenza li jżommu temporanjament barra mis-suq diversi impriżi, hemm lok li jiġu ddeterminati, fid-dawl tal-istruttura tas-suq u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li tirregola l-funzjonament tiegħu, jekk kienx hemm, fl-assenza tal-imsemmija ftehimiet, possibbiltajiet reali u konkreti li dawn l-impriżi jaċċedu għall-imsemmi suq u jikkompetu mal-impriżi li huma stabbiliti fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 37 u 39).

54

Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ ftehimiet bħal dawn li saru fil-kuntest tal-ftuħ tas-suq għal prodott mediċinali li fih prinċipju attiv li reċentement waqa’ fid-dominju pubbliku għall-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-limitazzjonijiet regolatorji speċifiċi għas-settur tal-prodotti mediċinali kif ukoll għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u b’mod partikolari l-brevetti miżmuma minn manifatturi ta’ prodotti mediċinali ta’ verżjonijiet tal-bidu relatati ma’ proċess wieħed jew aktar ta’ manifattura ta’ prinċipju attiv li waqa’ fid-dominju pubbliku (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) u oħrajn, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 40 u 41), jekk il-manifattur tal-mediċini ġeneriċi għandu tabilħaqq id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità tiegħu stess biex tidħol fis-suq u ma toħroġx kontra ostakli għad-dħul ta’ natura insormontabbli (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 58).

55

Sabiex isir dan, għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, jekk, fid-data tal-konklużjoni ta’ tali ftehimiet, l-imsemmi manifattur kienx wettaq passi preparatorji suffiċjenti li jippermettulu jaċċedi għas-suq ikkonċernat f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali. It-tieni, għandu jiġi vverifikat li d-dħul fis-suq ta’ tali manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma jiksirx ostakoli għad-dħul li huma ta’ natura insormontabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 33 u 45). Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali tal-bidu tista’ tiġi kkorroborata minn elementi supplimentari, bħall-konklużjoni ta’ ftehim bejniethom minkejja li l-ewwel wieħed ma kienx preżenti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C-307/18, EU:C:2020:52, punti 54 sa 56).

56

Fir-rigward b’mod partikolari tal-evalwazzjoni tal-eżistenza fis-suq ikkonċernat ta’ ostakoli għad-dħul li għandhom natura insormontabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ fabbrikazzjoni ta’ ingredjent attiv li jaqa’ fid-dominju pubbliku ma tistax, bħala tali, titqies bħala tali ostakolu insormontabbli, minkejja l-preżunzjoni ta’ validità marbuta ma’ din il-privattiva, peress li din bl-ebda mod ma tagħti informazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, dwar l-eżitu ta’ eventwali tilwima dwar il-validità tal-imsemmija tilwima (ara, f’dan il-qasam, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 46 sa 51).

57

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ tali privattiva ta’ proċess ma tipprekludix li jiġi kklassifikat bħala “kompetitur potenzjali” tal-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinali li għandu effettivament id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità stess li jidħol fis-suq u li, permezz tal-passi mwettqa minnu, juri li huwa lest li jikkontesta l-validità ta’ din il-privattiva u li jieħu r-riskju, mad-dħul tiegħu fis-suq, li titressaq fil-konfront tiegħu azzjoni ta’ ksur mill-proprjetarju ta’ din il-privattiva (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 46).

58

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li ma hijiex l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata li għandha twettaq eżami tas-saħħa tal-privattiva inkwistjoni jew tal-probabbiltà li tilwima bejn il-proprjetarju tagħha u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tista’ twassal għall-konstatazzjoni li din il-privattiva hija valida u miksura (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 50).

59

F’dan il-każ, mis-sentenza appellata u b’mod iktar partikolari mill-punti 58, 85, 91, 92, 123, 139, 143 u 154 tagħha jirriżulta li l-grupp Alpharma kien ħa diversi passi sabiex jikseb ATS u approva investimenti importanti sabiex jidħol fis-suq tas-citalopram ġeneriku iżda wkoll li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż, kellu tal-inqas żewġ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul fis-suq. L-ewwel waħda, jiġifieri d-dħul fis-suq permezz ta’ pilloli mmanifatturati skont il-proċess ta’ Cipla, li l-grupp Alpharma kien irċieva jew ordna mingħand Tiefenbacher, ma kinitx ġiet ikkontestata mill-elementi ġodda miġjuba għall-attenzjoni tal-grupp Alpharma fix-xhur ta’ Jannar u Frar 2002 fir-rigward tan-natura possibbilment ta’ ksur tal-proċess ta’ Cipla. It-tieni possibbiltà kienet dik li tidħol fis-suq permezz ta’ pilloli ta’ citalopram immanifatturati skont il-proċess ta’ Matrix, li ma kellux riskju ta’ ksur, li l-grupp Alpharma ma kellux iżda li seta’ jikseb fi żmien qasir permezz tal-kuntratt konkluż minnu ma’ Tiefenbacher.

60

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 88 u 136 tas-sentenza appellata, li l-grupp Alpharma kien iqis li l-privattiva ta’ Lundbeck li tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit ma kinitx tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul tiegħu fis-suq u li, fil-każ ta’ kawżi, dan il-grupp kellu possibbiltajiet raġonevoli li jikseb l-annullament ta’ din il-privattiva ta’ proċess.

61

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, li, skont Lundbeck stess, il-grupp Alpharma kien jikkostitwixxi kompetitur potenzjali.

62

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, kien b’mod ġust, u b’mod partikolari mingħajr ma kisret il-preżunzjoni ta’ validità marbuta mal-privattivi ta’ proċess ġodda ta’ Lundbeck u lanqas invertiet l-oneru tal-prova, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-grupp Alpharma u Lundbeck kienu jinsabu, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż, f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali.

63

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali injorat il-provi kontemporanji mal-ftehim kontenzjuż li skonthom il-grupp Alpharma u Lundbeck kienu jqisu li l-prodotti ta’ dan il-grupp kienu jikkostitwixxu ksur tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck. Fil-fatt, din l-allegazzjoni hija inammissibbli, fin-nuqqas, konformement mal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiġi indirizzat bi preċiżjoni punt ta’ motivi tas-sentenza appellata iżda wkoll li jiġu identifikati l-provi kontemporanji għall-ftehim kontenzjuż li l-Qorti Ġenerali injorat.

64

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti bbażata fuq il-fatt li, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq provi li ma jinsabux fid-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma ppermettitilhom jirribattu r-rilevanza tagħhom u, għaldaqstant, billi kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, hekk kif turi l-frażi “[f]i kwalunkwe każ” li tinsab fil-bidu tal-punt 108 tas-sentenza appellata, li dan il-punt jistabbilixxi motiv superfluwu tas-sentenza appellata, meta mqabbel ma’ dawk esposti fil-punti 106 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestati mill-appellanti, li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-argument tiegħu miġjuba fil-qosor fil-punt 103 tal-imsemmija sentenza. Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti relatat mal-punt108 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 65).

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat u t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata

66

Fil-kuntest taċ-ċaħda tat-tieni motiv imqajjem mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-grupp Alpharma bħala kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“119

[…] għandu ċertament jiġi osservat li l-kisba minn Lundbeck, fit‑30 ta’ Jannar 2002, tal-privattiva [li tipproteġi l-proċess li juża] l-kristallizzazzjoni fir-Renju Unit kienet sorpriża bil-grupp Alpharma, sa fejn dan kien jistenna li t-talba li Lundbeck kienet ippreżentat għal dan il-għan fit‑12 ta’ Marzu 2001 tiġi miċħuda, kif jirriżulta minn dikjarazzjoni tad-direttur tal-grupp Alpharma responsabbli b’mod partikolari għall-proprjetà industrijali […], ippreżentata mir-rikorrenti.

120

Bl-istess mod, għalkemm mill-posta elettronika tas‑17 ta’ Settembru 2001, parzjalment iċċitata fil-premessa 482 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] u prodotta f’verżjoni integrali quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li Tiefenbacher kienet żgurat lill-grupp Alpharma fir-rigward tal-fatt li l-proċess ta’ Cipla ma kienx jikser il-privattivi l-ġodda [ta’ proċess] ta’ Lundbeck, sussegwentement, dan il-grupp kien jikser il-konklużjoni li dan il-proċess kien jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-privattiva [ta’ Lundbeck li tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit], kif jirriżulta b’mod partikolari mill-posta elettronika tad‑19 ta’ Frar 2002.”

67

Permezz tal-ewwel motiv tagħhom imqajjem fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni, meta qieset li, permezz tal-ftehim kontenzjuż, il-grupp Alpharma kien intrabat li ma jbigħ ebda citalopram ġeneriku matul il-perijodu rilevanti, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-portata ta’ dan il-ftehim.

68

Sabiex tiċħad dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 164 sa 243 tas-sentenza appellata, sussegwentement ċaħdet l-argumenti mressqa mill-appellanti u relatati mal-formulazzjoni tal-punt 1.1 tal-ftehim kontenzjuż, fil-preambolu tiegħu, għaċ-ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni tiegħu, tad-digriet b’kunsens li sar wara l-ftehim kontenzjuż sabiex tintemm il-kawża dwar ksur RU u d-data li fiha l-grupp Alpharma daħal fis-suq.

69

Fil-punti 244 sa 247 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali finalment iddeċidiet li l-appellanti ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-provi li ppermettew lill-Kummissjoni tipprova li l-ftehim kontenzjuż kien jinkludi restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk li Lundbeck setgħet tikseb abbażi tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess tagħha u billi tirbaħ il-kawża f’dan ir-rigward.

70

Permezz tat-tielet motiv tagħha mqajjem fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom, l-appellanti sostnew li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”.

71

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv fil-punti 248 sa 333 tas-sentenza appellata.

72

Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, esponiet, fil-punti 251 sa 257 tas-sentenza appellata, osservazzjonijiet preliminari li fil-kuntest tagħhom hija fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”.

73

Sussegwentement hija rrilevat, fil-kuntest ta’ tfakkira tal-analiżi tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari dan li ġej:

“261

Mid-deċiżjoni [kontenzjuża] jirriżulta […] li, għalkemm ir-restrizzjonijiet previsti fil-ftehimiet inkwistjoni kienu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[privattivi l-ġodda ta’ proċess] ta’ Lundbeck, jiġifieri dawn il-ftehimiet kienu jipprekludu biss id-dħul fis-suq tas-citalopram ġeneriku prodott minn proċess meqjus mill-partijiet fil-ftehimiet bħala ksur potenzjali ta’ dawn il-privattivi, mingħajr ma jkopri kwalunkwe citalopram ġeneriku, dawn il-ftehimiet huma xorta waħda restrittivi tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, sa fejn b’mod partikolari pprekludew jew għamlu inutli kull tip ta’ kontestazzjoni tal-[privattivi l-ġodda ta’ proċess] ta’ Lundbeck quddiem il-qrati nazzjonali minkejja li, skont il-Kummissjoni, dan it-tip ta’ kontestazzjoni kienet tagħmel parti mill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-privattivi (premessi 603 sa 605, 625, 641 u 674 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

262

Fi kliem ieħor, skont il-Kummissjoni, il-ftehimiet kontenzjużi bidlu l-inċertezza dwar l-eżitu ta’ tali kawżi f’ċertezza li l-prodotti mediċinali ġeneriċi ma kinux ser jidħlu fis-suq, u dan seta’ jikkostitwixxi wkoll restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan meta tali limitazzjonijiet ma jirriżultawx minn analiżi, mill-partijiet, tal-merti tad-dritt esklużiv inkwistjoni, iżda jirriżultaw pjuttost min-natura sostanzjali tal-pagament bil-kontra li, f’tali każ, jgħatti din l-evalwazzjoni u jinkoraġġixxi lill-[manifattur ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi sabiex ma jkomplix bl-isforzi tiegħu tiegħu sabiex jidħol fis-suq (premessa 641 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

263

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fid-deċiżjoni [kontenzjuż], li l-ftehimiet bonarji kollha fil-qasam tal-privattivi li jipprevedu pagamenti bil-kontra huma kuntrarju għall-Artikolu 101(1) TFUE, iżda stabbilixxiet biss li n-natura sproporzjonata ta’ tali pagamenti, flimkien ma’ diversi fatturi oħra, bħalma huwa l-fatt li l-ammonti ta’ dawn il-pagamenti jkunu jidhru li jikkorrispondu minn tal-inqas għall-profitti mistennija mill-[manifatturi ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi fil-każ li jidħlu fis-suq, l-assenza ta’ klawżoli li jippermettu lill-[impriżi ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi jintroduċu l-prodotti tagħhom fis-suq mal-iskadenza tal-ftehimiet mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew kawżi dwar ksur min-naħa ta’ Lundbeck, jew inkella l-preżenza, f’dan il-ftehimiet, ta’ restrizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-portata tal-[privattivi l-ġodda ta’ proċess] ta’ Lundbeck, jippermettu li jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-ftehimiet kontenzjużi kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-premessi 661 u 662 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).”

74

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali evalwat l-eżistenza ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” f’dan il-każ fil-punti 266 sa 333 tas-sentenza appellata.

75

F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari ddeċidiet, fil-punt 268 ta’ din is-sentenza, li, anki jekk jitqies li l-portata tal-ftehim kontenzjuż kienet tikkoinċidi ma’ dik tal-privattivi ta’ proċess ġodda ta’ Lundbeck, għandu jiġi konkluż li l-grupp Alpharma kien irrinunzja, inkambju għal pagament invers, għall-possibbiltà li jidħol fis-suq bis-citalopram prodott skont il-proċess ta’ Cipla, li kien meqjus li jikkostitwixxi ksur ta’ privattiva li fir-rigward tagħha kien hemm possibbiltajiet raġonevoli li seta’ jiġi annullat minkejja li din il-possibbiltà kienet reali u konkreta għall-grupp Alpharma, għalkemm il-pagament kien iddeterminat fl-għażla tagħha li tirrinunzja għaliha.

76

Fil-punti 277 sa 279 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tikklassifika l-ftehim kontenzjuż ikkontestat bħala ftehim bonarju. Għal dan il-għan, minn naħa, hija fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha ftehim ma huwiex immun mid-dritt tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li dan jirrigwarda privattiva jew li huwa intiż li jsolvi b’mod bonarju tilwima fil-qasam tal-privattivi. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li l-ftehim kontenzjuż kellu portata iktar estiża minn dik tal-azzjoni għal ksur RU u li l-imsemmija azzjoni kienet ġiet sospiża biss għat-tul ta’ dan il-ftehim, li kien jeskludi li l-imsemmi ftehim itemm tilwima.

77

Fil-punt 287 tal-imsemmija sentenza, sabiex tiċħad l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’ċertezza li l-grupp Alpharma kien ser jirbaħ il-kawża fil-kuntest ta’ eventwali tilwima dwar il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck, iddeċidiet li bl-ebda mod ma kien neċessarju li l-Kummissjoni tistabbilixxi b’ċertezza li l-grupp Alpharma kien jirbaħ li kieku għażel il-proċedura kontenzjuża.

78

Fir-rigward tal-ammont tal-pagament imwettaq minn Lundbeck favur il-grupp Alpharma, il-Qorti Ġenerali osservat b’mod partikolari, fil-punti 296 u 298 rispettivament ta’ din l-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet ġustament irrimarkat li l-ammont ta’ dan il-pagament kien marbut mal-profitti mistennija mill-grupp Alpharma u li dan l-ammont kien jikkostitwixxi profitt ċert għalih, filwaqt li l-profitt li seta’ jirriżulta mid-dħul fis-suq kien inċert.

79

Fil-punti 301 sa 310 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament kienet assimilat iċ-ċirkustanzi tal-każ ma’ dawk li kienu jikkaratterizzaw il-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643).

80

Fil-punti 311 sa 326 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrifjutat ukoll li tilqa’ l-argumenti tal-appellanti li skontu l-ftehim kontenzjuż ma setax jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” fl-assenza ta’ preċedent u minħabba l-inċertezza legali dwar dan it-tip ta’ ftehimiet.

81

Għal dan il-għan, hija l-ewwel nett fakkret, fil-punti 315 sa 317 tal-imsemmija sentenza, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-qasam speċifiku tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Sussegwentement, hija kkonstatat, fil-punt 318 ta’ din l-istess sentenza, li kemm Lundbeck kif ukoll il-grupp Alpharma kienu jafu li l-aġir tagħhom seta’ tal-inqas iqajjem problemi mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-punti 319 u 320 sa 325 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat rispettivament li ma kienx rikjest li l-istess tip ta’ ftehimiet bħall-ftehim kontenzjuż ikun diġà ġie kkundannat mill-Kummissjoni sabiex dan ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” u li l-istqarrija għall-istampa tal-KFST, tat‑28 ta’ Jannar 2004 (iktar ’il quddiem l-“istqarrija għall-istampa tal-KFST”), invokata mill-appellanti, ma kinitx tostakola tali klassifikazzjoni f’dan il-każ. Sussegwentement hija kkonkludiet, fil-punt 326 tas-sentenza appellata, li “diġà fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, kien stabbilit li l-proprjetarju ta’ privattiva ma kellux dritt iħallas kompetitur potenzjali sabiex dan jirrinunzja għal diversi possibbiltajiet reali u konkreti li jidħol fis-suq inkambju għal ammont imħallas mill-imsemmi proprjetarju u ffissat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-profitti mistennija minn dan il-kompetitur fil-każ ta’ dħul fis-suq”.

L-argumenti tal-partijiet

82

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 248 sa 333 tas-sentenza appellata, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat, bi ksur tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204), li l-ftehim kontenzjuż kien jikkostitwixxi “restrizzjoni minħabba l-għan”.

83

L-ewwel nett, fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” teżiġi probabbiltà kbira li tippreġudika l-kompetizzjoni u li din għandha tiġi evalwata b’mod restrittiv sa fejn hija ċċaħħad lill-konvenuti minn garanziji proċedurali bażiċi u ma tistax twassal sabiex jiġu pprojbiti ftehimiet li jistgħu jirriżultaw li huma favur il-kompetizzjoni. F’dan il-każ, l-appellanti jikkritikaw il-punt 287 tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-fatt li l-grupp Alpharma kien kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck, li ma kienx, il-fatt li l-ftehim kontenzjuż kien tali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bi grad għoli ta’ probabbiltà. Issa, anki jekk jitqies li l-grupp Alpharma kien kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck, dan ma jippermettix li jiġi dedott li l-ftehim kontenzjuż seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni bi grad għoli ta’ probabbiltà iżda sempliċement li kien probabbli li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

84

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li kien indispensabbli li jiġi stabbilit ix “xenarju ta’ ksur”, jiġifieri li jiġi ddeterminat dak li kien jiġri fl-assenza tal-ftehim kontenzjuż. Għalhekk, sabiex jintwera li l-ftehim kontenzjuż seta’ jwassal għal effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni bi grad għoli ta’ probabbiltà, il-Kummissjoni kien imissha stabbilixxiet li, fl-assenza tal-ftehim kontenzjuż, kien probabbli ħafna li l-grupp Alpharma jirbaħ it-tilwima fil-kuntest ta’ kawża dwar il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck jew li jikkonkludi ftehim inqas restrittiv mill-ftehim kontenzjuż, li kien jippermettilha tidħol fis-suq iktar kmieni. Issa, anki jekk jiġu aċċettati l-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-grupp Alpharma previsti minn Lundbeck – jiġifieri 50 % sa 60 % li l-privattiva ta’ Lundbeck tipproteġi l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni fir-rigward tar-Renju Unit annullat — dan ma jippermettix li jitqies li l-ftehim kontenzjuż seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’livell għoli ta’ probabbiltà, u dan peress li l-grupp Alpharma skopra tardivament in-natura ta’ ksur tal-prodott tiegħu, kif jirriżulta mill-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata.

85

Barra minn hekk, skont l-appellanti, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tista’ twassal għall-assurd jekk jiġi stabbilit ulterjorment li l-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck kienu validi. Fil-fatt, il-ftehimiet inkwistjoni jikkostitwixxu dejjem restrizzjoni minħabba l-għan minkejja li l-privattiva kkonċernata tkun ulterjorment meqjusa valida u l-bejgħ tal-prodotti li jikkostitwixxu ksur illegali.

86

It-tieni nett, l-appellanti jsostnu li, fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204), il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq l-importanza tal-esperjenza miksuba fir-rigward tat-tipi ta’ ftehimiet analogi għall-ftehim kontenzjuż. Issa, fil-punti 311 sa 326 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-argument li jgħid li ma kienx xieraq li l-ftehim kontenzjuż jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” fl-assenza ta’ esperjenza fil-qasam tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi li jipprevedu pagamenti bil-kontra. B’dan il-mod, hija ċaħdet kull speċifiċità għall-ftehim kontenzjuż fir-rigward tal-prassi deċiżjonali u ġudizzjarja Ewropea li tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni b’rabta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali iżda injorat ukoll il-pożizzjonijiet dottrinali mifruxa fuq dan it-tip ta’ ftehimiet. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeduċi, fil-punt 318 tas-sentenza appellata, li l-ftehim kontenzjuż kien jikkostitwixxi “restrizzjoni minħabba l-għan” mill-fatt li Lundbeck u l-grupp Alpharma kienu jafu li l-ftehim tagħhom seta’ joħloq problemi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni jew kien is-suġġett ta’ konsultazzjoni legali għal opinjoni. Bl-istess mod, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 319 tas-sentenza appellata, u ħlief bi ksur tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tqis li l-esperjenza li tirrigwarda l-forma ġenerali ta’ kollużjoni kienet tippermetti li tiġi aċċettata din il-klassifikazzjoni f’dan il-każ, fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-ftehimiet dwar ftehim bonarju ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi li jipprevedu pagamenti bil-kontra, li jinsabu fl-intersezzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u tad-dritt tal-privattivi u li, barra minn hekk, huma distinti b’mod ċar minn dawk imsemmija fis-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643), iċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 301 sa 310 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-ftehim kontenzjuż jista’ jiġi spjegat mix-xewqa leġittima ta’ Lundbeck li tipproteġi ruħha kontra dħul li jikkostitwixxi ksur fis-suq tagħha ta’ prodotti mediċinali u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu kif ukoll mill-volontà leġittima tal-grupp Alpharma li jevita l-konsegwenzi finanzjarji u legali tad-dħul tiegħu, li l-illegalità tiegħu ġiet skoperta tardivament, fis-suq u li tamministra stokk sostanzjali ta’ prodotti li jikkostitwixxu ksur. L-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 320, 321 u 325 tas-sentenza appellata, l-istqarrija għall-istampa tal-KFST li l-ftehimiet inkwistjoni kienu jinsabu f’ “żona ta’ dell ġuridiku” kif ukoll dubji tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet, fatt li jiġġustifika investigazzjoni settorjali li fi tmiemha hija tqis li tali ftehimiet kellhom ikunu s-suġġett ta’ eżami każ b’każ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha. Issa, tali elementi ma jippermettux li jiġi konkluż, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 326 tas-sentenza appellata, li l-ftehim kontenzjuż seta’ jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

87

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 160 sa 247 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza billi naqset milli teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovat l-allegazzjonijiet tagħha fis-sens li, minn naħa, ir-restrizzjoni prevista fil-ftehim kontenzjuż kienet tmur lil hinn mill-kuntest tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck u, min-naħa l-oħra, il-grupp Alpharma kien intrabat kuntrattwalment li ma jbigħx is-citalopram iffabbrikat skont proċess li madankollu ma jiksirx dawn il-privattivi, li hwa dak li jsostnu madankollu l-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju ta’ aannullament. B’dan il-mod, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħelset lill-Kummissjoni mill-oneru tal-prova li għandha u, għaldaqstant, invertiet dan l-oneru billi imponiet, fil-punti 162 sa 243 ta’ din is-sentenza, fuq l-appellanti li jipprovaw li ma kienx hemm restrizzjoni għall-bejgħ ta’ citalopram li ma kienx jikkostitwixxi ksur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u invertiet l-oneru tal-prova billi ċaħdet l-ewwel motiv tagħhom invokat insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata tal-ftehim kontenzjuż.

89

F’dan ir-rigward, mill-punt 157 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti sostnew fil-kuntest ta’ dan l-ewwel motiv li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li, permezz tal-ftehim kontenzjuż, il-grupp Alpharma kien intrabat li ma jbigħ ebda citalopram ġeneriku matul il-perijodu rilevanti sa fejn hija ma kellhiex provi f’dan is-sens.

90

Mill-punti 244 sa 247 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet ipprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-ftehim kontenzjuż kienet tippermetti li jiġi konkluż li l-obbligi assunti mill-grupp Alpharma skont il-punt 1.1 ta’ dan il-ftehim ma kinux limitati għas-citalopram prodott skont proċessi li fir-rigward tagħhom dan il-grupp u Lundbeck kienu ammettew li kienu jiksru l-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck, billi ċaħdet, fil-punti 162 sa 243 tal-imsemmija sentenza, suċċessivament l-argumenti kollha tal-appellanti fir-rigward tal-ittra tal-ftehim kontenzjuż, għaċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tagħha kif ukoll għall-avvenimenti li seħħew wara dan.

91

Għaldaqstant, permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti sempliċement jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa mill-ġdid il-fatti u l-provi kollha ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-portata tal-ftehim kontenzjuż.

92

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

93

Issa, l-appellanti bl-ebda mod ma allegaw u lanqas a fortiori wrew żnaturament tal-fatti jew tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

94

Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argument tagħhom ma jimplikax, kif isostnu l-appellanti, li hija kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jew invertiet l-oneru tal-prova iżda biss li hija qieset li l-argumenti mressqa minnhom ma kinux suffiċjentement konvinċenti.

95

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

96

Dwar it-tielet aggravju, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 252 sa 254 kif ukoll fil-punt 256 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti ftehimiet bejn impriżi li jiżvelaw, fihom innifishom u fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, għanijiet li huma jipprevedu kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom, grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju, peress li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, li huma jikkawżaw dannu għall-funzjonament tajjeb tal-proċess normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97

Fir-rigward tal-ftehimiet simili ta’ ftehim bonarju ta’ tilwim relatat ma’ privattiva ta’ proċess ta’ manifattura ta’ sustanza attiva li daħal fid-dominju pubbliku konklużi bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali u diversi manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u li kellu l-effett li jipposponi d-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi bħala korrispettiv għal trasferimenti ta’ valuri ta’ natura monetarja jew mhux monetarja tal-ewwel għall-benefiċċju tat-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali ftehimiet ma jistgħux jitqiesu, fil-każijiet kollha, bħala “restrizzjonijiet minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (C‑307/18), EU:C:2020:52, punti 84 u 85).

98

Madankollu, il-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” għandha titqies meta mill-eżami tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja kkonċernat jirriżulta li t-trasferimenti ta’ valuri previsti minnu huma spjegati biss mill-interess kummerċjali kemm tal-proprjetarju tal-privattiva kif ukoll tal-awtur tal-ksur allegat li ma jikkompetux fuq il-merti, sa fejn ftehimiet li permezz tagħhom kompetituri jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni jaqgħu manifestament taħt il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 83 u 87).

99

Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu, f’kull każ ineżami li jiġi evalwat jekk il-bilanċ pożittiv nett tat-trasferimenti ta’ valuri tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali tal-bidu favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienx suffiċjentement kbir sabiex jinċentiva effettivament lil dan tal-aħħar jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat u, għaldaqstant, sabiex ma jikkompetix fuq il-merti tiegħu lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali, mingħajr ma jkun rikjest li dan il-bilanċ pożittiv nett ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li dan il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kien jagħmel kieku rebaħ fil-proċedura dwar il-privattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 93 u 94).

100

F’dan il-każ, mis-sentenza appellata, u b’mod partikolari mill-punti 261, 263, 268, 296, 298 u 326 tagħha, jirriżulta qabel kollox li l-ftehim kontenzjuż kien jipprevedi l-impenn tal-grupp Alpharma li ma jidħolx fis-suq matul it-tul ta’ dan il-ftehim, inkambju għall-pagamenti mwettqa favur tiegħu minn Lundbeck, li l-ammont tagħhom kien marbut mal-profitti mistennija mill-grupp Alpharma. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li, jekk jitqies li dan l-ammont għandu jiżdied għal ammont inqas minn dak ta’ USD 10 miljun miżmum mill-Kummissjoni, dan xorta waħda jikkostitwixxi profitt ċert għall-grupp Alpharma peress li l-profitt li seta’ jirriżulta mid-dħul tiegħu fis-suq kien inċert.

101

Fil-punti 278 u 279 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sussegwentement qieset li l-ftehim kontenzjuż kellu portata iktar estiża minn dik tal-kawża dwar ksur RU, li kienet tikkonċerna speċifikament il-pilloli li l-grupp Alpharma kien diġà rċieva jew ikkummissjona, u li barra minn hekk ġie sospiż biss mill-ftehim kontenzjuż, fatt li jikkorrobora d-dikjarazzjoni ta’ Lundbeck, riprodotta fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li dan il-ftehim ma kienx itemm tilwima.

102

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali taqbel mal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u mfakkra fil-punt 262 tas-sentenza appellata fis-sens li, essenzjalment, il-ftehim kontenzjuż kien ittrasforma l-inċertezza fir-rigward tal-eżitu ta’ azzjonijiet kontenzjużi dwar il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck fiċ-ċirkustanza li l-grupp Alpharma ma kienx ser jidħol fis-suq, minkejja li dan il-ftehim kien ġie konkluż mhux wara analiżi, minn dan il-grupp, tal-merti tal-privattivi ta’ proċess inkwistjoni, iżda pjuttost minħabba l-ammont tal-pagament bil-maqlub previst li jħeġġeġ lil dan tal-aħħar li ma jkomplix bl-isforzi tiegħu sabiex jidħol fis-suq.

103

Għaldaqstant u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk kienx b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punti 301 sa 310 tas-sentenza appellata, tassimila l-ftehim kontenzjuż mal-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643), għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-ftehim kontenzjuż kien jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

104

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mill-appellanti.

105

L-ewwel nett, dawn ma għandhomx raġun jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ddeċidietx, fil-punt 287 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa oġġettivament il-possibbiltajiet reali għall-grupp Alpharma li tirbaħ fil-każ ta’ kawżi dwar il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck.

106

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 60 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑591/16 P, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, u l-punt 80 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑588/16 P, Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni possibbli ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fi ftehim ta’ ftehim bonarju, bħall-ftehim kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 50), l-evalwazzjoni tal-forza tal-privattivi tal-proċess inkwistjoni bħala probabbiltajiet ta’ suċċess ta’ waħda jew l-oħra mill-partijiet fil-ftehim ta’ ftehim bonarju kkonċernat ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” ta’ dan il-ftehim, ladarba jiġi kkonstatat, kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 346 tas-sentenza appellata, li kien il-prospett tat-trasferiment ta’ valuri mill-manifattur tal-mediċina oriġinali li wasslu lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi sabiex jirrinunzja għal dħul fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 89).

107

Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” tiddependi biss fuq il-kwistjoni dwar jekk il-partijiet f’dan il-ftehim issostitwixxewx xjentement kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-punt 98 ta’ din is-sentenza.

108

It-tieni, l-appellanti lanqas ma jistgħu jilmentaw li l-Qorti Ġenerali aċċettat il-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-ftehim kontenzjuż meta dan kien jissodisfa preokkupazzjonijiet leġittimi kemm min-naħa tal-grupp Alpharma kif ukoll ta’ Lundbeck, fis-sens li kien jippermetti li dan il-grupp jevita l-konsegwenzi finanzjarji u ġuridiċi ta’ dħul illegali fis-suq kif ukoll il-ġestjoni ta’ stokk kbir ta’ prodotti li jikkostitwixxu ksur u, lil Lundbeck, li jipproteġi ruħu kontra n-nuqqas ta’ simetrija tar-riskji eżistenti bejn il-proprjetarju ta’ privattivi ġeneriċi u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

109

Kif ġie ġustament deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punti 277 u 317 tas-sentenza appellata ftehim, minn naħa, ma jgawdix minn immunità fil-konfront tad-dritt tal-kompetizzjoni għas-sempliċi fatt li jikkonċerna privattiva jew li jkun intiż li jfittex ftehim bonarju għal tilwima fil-qasam tal-privattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke, 65/86, EU:C:1988:448, punt 15) u, min-naħa l-oħra, jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anki jekk ma għandux bħala uniku għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda jsegwi wkoll għanijiet leġittimi oħra (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

110

Barra minn hekk, il-fatt li l-adozzjoni ta’ aġir antikompetittiv tista’ tikkostitwixxi s-soluzzjoni l-iktar profittabbli jew l-inqas riskjuża għal impriża lanqas ma jista’ jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”.

111

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tirrifjuta li teskludi l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” fir-rigward ta’ ftehimiet bħall-ftehim kontenzjuż għal raġunijiet marbuta mal-fatt li d-danni li jistgħu jippretendu l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali oriġinali fil-każ ta’ dħul illegali ta’prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq huma ħafna drabi ħafna inqas mid-danni mġarrba minn dawn tal-ewwel, peress li huma l-awtoritajiet pubbliċi u mhux l-impriżi privati li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti legali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 88).

112

Għaldaqstant, l-interessi invokati mill-appellanti ma jistgħux jippermettu li jintlaħaq ftehim, li ġie kkonstatat fil-punt 103 ta’ din is-sentenza li jippreżenta l-grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, li tiġi evitata din il-klassifikazzjoni.

113

It-tielet nett, l-appellanti ma jistgħux ġustament jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli aċċettat l-għan antikompetittiv tal-ftehim kontenzjuż mingħajr ma eżaminat ix-“xenarju ta’ ksur”.

114

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 139 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑591/16 P, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, dan l-eżami jippermetti li jiġu evalwati l-effetti ta’ prattika kollużorja fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE meta l-analiżi tal-imsemmija prattika ma turix grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex tippermetti l-klassifikazzjoni tagħha bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 115 u 118 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

115

Konsegwentement, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑591/16 P, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (punt 140), u mingħajr ma ċaħdet id-distinzjoni netta li teżisti bejn il-kunċetti ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” u ta’ “restrizzjoni minħabba l-effett” li tirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63), l-eżami tax-“xenarju ta’ ksur”, li għandu l-għan li jenfasizza l-effetti ta’ prattika kollużorja partikolari, ma jistax jiġi impost għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prattika kollużorja partikolari ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”.

116

Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑601/16 P, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni (punt 86), l-evalwazzjoni li għandha titwettaq, konformement mal-punti 98 u 99 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim bħall-ftehim kontenzjuż jaqax jew le taħt il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, bl-ebda mod ma għandha l-għan li tidentifika u li tikkwantifika l-effetti antikompetittivi ta’ prattika iżda biss li tiddetermina l-gravità oġġettiva tagħha, li tista’ preċiżament tiġġustifika li l-effetti tiegħu ma għandhomx jiġu evalwati.

117

Kif indikat fil-punt 131 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑591/16 P, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, u fil-punt 87 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑601/16 P, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni, il-fatt li din l-evalwazzjoni għandha titwettaq, jekk ikun hemm bżonn, wara analiżi ddettaljata tal-ftehim ikkonċernat u b’mod partikolari tal-effett ta’ inċentiv tat-trasferimenti ta’ valuri li huwa jipprevedi iżda wkoll tal-għanijiet tiegħu kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih dan jidħol ma jimplikax iktar evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi ta’ dan il-ftehim. Dan jippreżumi biss li ssir evalwazzjoni globali u bir-reqqa tal-ftehimiet kumplessi stess sabiex mhux biss tiġi eskluża l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” meta jkun jidher dubju fir-rigward tad-dannu suffiċjenti tagħhom għall-kompetizzjoni iżda wkoll sabiex jiġi evitat li ftehimiet ikunu jistgħu jevitaw din l-istess klassifikazzjoni minħabba l-kumplessità tagħhom biss u minkejja li l-analiżi tagħhom turi li oġġettivament għandhom grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni.

118

Ir-raba’, l-appellanti ma jistgħux jinvokaw b’mod utli l-fatt li l-esperjenza rikjesta mill-ġurisprudenza sabiex il-ftehim kontenzjuż jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” hija nieqsa f’dan il-każ.

119

F’dan ir-rigward, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 319 tas-sentenza appellata, bl-ebda mod ma huwa rikjest li l-istess tip ta’ ftehimiet bħall-ftehimiet kontenzjużi ikun diġà ġie kkundannat mill-Kummissjoni sabiex dan ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan, u dan anki jekk isir f’qasam speċifiku bħal dak tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

120

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ftehim partikolari bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, huma importanti biss il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 u 85), li minnhom għandu jiġi dedott l-eventwali dannu partikolari għall-kompetizzjoni, jekk meħtieġ wara analiżi ddettaljata ta’ dan il-ftehim, mill-għanijiet tiegħu u mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu.

121

Issa, il-ftehim kontenzjuż, li ppermetta li jiddewwem id-dħul fis-suq tal-grupp Alpharma u li kien akkumpanjat minn pagamenti mwettqa minn Lundbeck favur dan il-grupp, li, minħabba l-ammont tagħhom, inċentivaw lil dan il-grupp sabiex ma jkomplix l-isforzi tiegħu sabiex jidħol fis-suq, jagħmel parti minn din il-kategorija ta’ prattiki li għandhom dannu partikolari għall-kompetizzjoni.

122

Il-ħames nett, l-appellanti ma jistgħux ġustament jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li l-istqarrija għall-istampa tal-KFST ma kinitx tostakola l-klassifikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

123

Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 320 sa 324 tas-sentenza appellata, għalkemm din l-istqarrija ssemmi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura antikompetittiva tal-ftehimiet inkwistjoni, din il-pożizzjoni, minbarra l-fatt li din kienet inħarġet biss wara evalwazzjoni preliminari, ġiet espressa mhux fi stqarrija li toriġina direttament mill-Kummissjoni jew mis-servizzi tagħha iżda f’komunikazzjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li ma setgħetx toħloq fir-rigward tal-impriżi aspettattivi leġittimi sa fejn l-aġir tagħhom ma kienx jikser l-Artikolu 101 TFUE.

124

Barra minn hekk, mill-istess punti tas-sentenza appellata jirriżulta li l-KFST kien indika fl-imsemmija stqarrija li l-imsemmija pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-ammont kbir tal-pagamenti mwettqa minn Lundbeck u li l-ftehimiet kollha li għandhom l-għan li jixtru l-esklużjoni mis-suq ta’ kompetitur huma antikompetittivi.

125

Għaldaqstant u fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punt 326 tas-sentenza appellata, il-klassifikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” minkejja l-istqarrija għall-istampa tal-KFST.

126

Is-sitt nett, l-appellanti jikkritikaw b’mod żbaljat lill-Qorti Ġenerali li, fil-punt 318 tas-sentenza appellata, iddeċidiet il-fatt li l-grupp Alpharma u Lundbeck kienu jafu li l-ftehim kontenzjuż seta’ joħloq problemi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni l-fatt li dan il-ftehim kien is-suġġett ta’ konsultazzjoni legali għal parir, bħala element li jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ dan il-ftehim bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

127

Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 318 tas-sentenza appellata. Il-kunsiderazzjoni magħmula f’dan il-punt mill-Qorti Ġenerali taqa’ fil-kuntest tal-eżami, minnha, tal-argument tal-appellanti bbażat fuq allegata inċertezza legali fir-rigward tan-natura antikompetittiva ta’ ftehimiet bħall-ftehim kontenzjuż. Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, sempliċement ikkonstatat li, minkejja l-inċertezza legali allegata, kemm Lundbeck kif ukoll il-grupp Alpharma kienu jafu bil-fatt li l-aġir tagħhom tal-inqas seta’ joħloq problemi mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni.

128

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u infondati rispettivament.

Fuq il-ħames aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata

129

Permezz tal-ħames motiv tagħhom imqajjem fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom, l-appellanti sostnew li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi naqset milli tinformahom, f’terminu raġonevoli, bl-eżistenza ta’ investigazzjoni li tikkonċernahom u bl-ilmenti li hija użat fir-rigward tagħhom, li jwassalhom sabiex ma jkollhomx provi li jiskaġunaw.

130

Sabiex tiċħad dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 353 sa 358 tas-sentenza appellata, fakkret il-ġurisprudenza dwar l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni kif ukoll il-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu, billi fakkret b’mod partikolari l-punti 42, 43 u 54 tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni (C‑113/04 P, EU:C:2006:593) kif ukoll il-punti 118 u 120 sa 122 tas-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190). (C-201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190).

131

Fil-punti 360 u 361 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeċidiet li la l-ewwel u lanqas it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienu eċċedew tul raġonevoli.

132

Sussegwentement hija ddeċidiet, fil-punt 362 ta’ din is-sentenza, li, “sa fejn l-appellanti jibbażaw l-aggravju tagħhom fuq id-data li fiha l-Kummissjoni saret taf għall-ewwel darba bil-ftehim kontenzjuż sabiex tistabbilixxi li hija kisret l-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni f’terminu raġonevoli u b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, għandu jiġi enfasizzat li tali approċċ bl-ebda mod ma huwa segwit mill-ġurisprudenza, li tieħu bħala punt tat-tluq id-data tal-ewwel miżuri li jimplikaw l-akkuża li wettqet ksur”.

133

Fl-aħħar nett, sabiex tiċħad kull ksur tat-tul raġonevoli tal-proċedura amministrattiva, fil-punti 367 sa 371 tas-sentenza appellata, hija qalet dan li ġej:

“367

[…] għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement jinvokaw it-telf ta’ tliet kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri l-abbozzi u l-kummenti dwar il-ftehim kontenzjuż, pereżempju l-abbozz imsemmi fil-posta elettronika [ta’ kollaboratur tal-grupp Alpharma] tal‑20 ta’ Frar 2002, il-pjanijiet ta’ attività relatati mas-citalopram u d-dokumenti tal-konsulent estern tagħhom.

368

F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li, permezz tal-allegazzjonijiet tagħhom, l-appellanti kienu ġabru l-kundizzjonijiet ta’ preċiżjoni u ta’ speċifiċità rikjesti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 357 [tas-sentenza appellata], għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-istqarrija għall-istampa tal-KFST u tal-investigazzjoni settorjali li l-Kummissjoni kienet fetħet, impriża diliġenti kellha żżomm kull dokument utli sabiex tiżgura d-difiża tagħha fil-kuntest ta’ eventwali proċedura għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u dan tal-inqas sal-iskadenza tat-terminu massimu ta’ preskrizzjoni previst mid-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 363 [tas-sentenza appellata]).

369

Issa d-diliġenza hija waħda mill=kundizzjonijiet rikjesti mill-ġurisprudenza (ara l-punt 358 [tas-sentenza appellata]) sabiex parti tkun tista’ tinvoka b’mod utli l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba t-tul allegatament irraġonevoli tal-proċedura.

370

Fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet mir-rikorrenti dwar l-okkorrenza ta’ avvenimenti partikolari u oħrajn għajr is-sempliċi mogħdija taż-żmien sabiex jiġġustifikaw l-inugwaljanza tad-dokumenti inkwistjoni, l-argument tagħhom ma jistax jintlaqa’.

371

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-dokumenti tal-konsulent estern tal-grupp Alpharma, li dan kien qered fl-2007 skont il-leġiżlazzjoni tal-Kamra tal-Avukati Daniża, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tawx iktar preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ din il-leġiżlazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, kieku kienu diliġenti, huma setgħu jżommu huma stess kopji ta’ dawn id-dokumenti.”

L-argumenti tal-partijiet

134

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 361 sa 364 u 366 sa 371 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-tul tal-investigazzjoni u ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom, bi ksur tal-punt 341 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il‑Kummissjoni (T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513). B’mod żbaljat hija ħadet inkunsiderazzjoni biss il-perijodu sussegwenti għan-notifika lill-grupp Alpharma tal-miżuri li jindikaw li kien qiegħed jiġi akkużat bi ksur, jiġifieri s-sena 2010 għal Alpharma LLC u s-sena 2011 għal Xellia, u mhux id-data ta’ riċezzjoni mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni dwar il-ksur, jiġifieri x-xahar ta’ Ottubru 2003 li jikkorrispondi għad-data tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni mill-KFST tal-informazzjoni dwar il-ftehimiet inkwistjoni. B’dan il-mod, hija ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kienet obbligata tesponi r-raġunijiet li għalihom dan it-tul ma kienx eċċessiv. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat imponiet fuq il-grupp Alpharma obbligu msaħħaħ ta’ konservazzjoni tad-dokumenti għal perijodu preċedenti għall-mument meta ġie informat bl-investigazzjoni li tikkonċernah, bil-kontra tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni (T‑240/07, EU:T:2011:284, punt 301). B’mod partikolari, hija ma setgħetx tqis li l-grupp Alpharma kien marbut b’tali obbligu minħabba li l-Kummissjoni kienet investigat l-attivitajiet ta’ Lundbeck u bdiet investigazzjoni settorjali, filwaqt li ma ntweriex li dan il-grupp kien sar jaf b’dawn l-investigazzjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

135

Il-ħames aggravju tal-appell huwa, essenzjalment, kompost minn żewġ partijiet.

136

Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jikkontestaw id-data miżmuma mill-Qorti Ġenerali tal-bidu tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni u li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul ta’ din il-proċedura.

137

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat li tikkonstata l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba t-tul irraġonevoli tal-imsemmija proċedura minħabba li huma ma kinux issodisfaw l-obbligu ta’ diliġenza tagħhom li kellu jwassalhom sabiex iżommu kull dokument utli sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura.

138

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 356 tas-sentenza appellata, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ dewmien raġonevoli, għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, jiġifieri l-fażi istruttorja preċedenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dik li tikkorrispondi għall-bqija tal-proċedura amministrattiva, l-ewwel waħda li testendi mill-ewwel miżuri adottati mill-Kummissjoni li jimplikaw il-kritika indirizzata lil impriża li wettqet ksur sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u t-tieni testendi minn din id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punti 42 u 43).

139

F’dan il-każ, mill-punti 359 u 361 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-ewwel miżuri li jimplikaw kritika tal-Kummissjoni indirizzata lil Zoetis, li saret Alpharma LLC, u lil Xellia ġew adottati rispettivament fid‑19 ta’ Marzu 2010 u fl‑14 ta’ Marzu 2011. Issa, l-appellanti la jallegaw a fortiori u lanqas juru li dawn id-dati jirriżultaw minn żnaturament tal-punti ta’ fatt, b’mod partikolari sa fejn ir-riċezzjoni mill-Kummissjoni tal-informazzjoni trażmessa mill-KFST f’Ottubru 2003 u marbuta mal-ftehimiet inkwistjoni jew kwalunkwe azzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 359 tas-sentenza appellata kienu jimplikaw kritika ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-grupp Alpharma.

140

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 361 tas-sentenza appellata, li l-ewwel fażi tal-proċedura dwar Zoetis u Xellia kienet bdiet fid-19 ta’ Marzu 2010 u fl-14 ta’ Marzu 2011 rispettivament.

141

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, għal żewġ motivi, irrifjutat li tilqa’ l-allegazzjonijiet tal-appellanti bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba t-tul sinjifikattiv li ssepara l-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li wasslithom sabiex ma jkunux f’pożizzjoni li jsibu ċerti dokumenti li huma qiesu determinanti għad-difiża tagħhom.

142

Minn naħa, hija ddeċidiet, fil-punt 367 tas-sentenza appellata, l-ewwel, li l-appellanti sempliċement jinvokaw it-telf ta’ tliet kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri l-abbozzi u l-kummenti dwar il-ftehim kontenzjuż, pereżempju l-abbozz imsemmi fil-posta elettronika ta’ kollaboratur tal-grupp Alpharma tal‑20 ta’ Frar 2002, il-pjanijiet ta’ attività relatati mas-citalopram u d-dokumenti ta’ konsulent estern għal dan il-grupp. It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 370 ta’ din is-sentenza, li r-rikorrenti ma pprovdewx spjegazzjonijiet dwar is-seħħ ta’ avvenimenti partikolari, minbarra s-sempliċi mogħdija taż-żmien, sabiex jiġġustifikaw l-inugwaljanza tad-dokumenti inkwistjoni. It-tielet nett, hija qieset, fil-punt 371 tal-imsemmija sentenza li, fir-rigward tad-dokumenti tal-konsulent estern tal-grupp Alpharma, li dan tal-aħħar kien qered fl-2007 skont il-leġiżlazzjoni tal-Kamra tal-Avukati Daniża, l-appellanti ma kinux taw iktar preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ din il-leġiżlazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, li kieku kienu diliġenti, huma setgħu jżommu huma stess kopji ta’ dawn id-dokumenti.

143

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 368 u 369 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma setgħux jinvokaw il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba t-tul allegatament irraġonevoli tal-proċedura, peress li dawn naqsu milli jissodisfaw id-dmir ta’ diliġenza tagħhom kif imfakkar mis-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C-201/09 P u C-216/09 P, EU:C:2011:190, punti 120 sa 122), iċċitata fil-punt 358 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dawl tal-istqarrija għall-istampa tal-KFST u tal-investigazzjoni settorjali li l-Kummissjoni kienet fetħet, impriża diliġenti kellha żżomm kull dokument utli sabiex tiżgura d-difiża tagħha fil-kuntest ta’ eventwali proċedura għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u dan tal-inqas sal-iskadenza tat-terminu massimu ta’ preskrizzjoni previst mid-dritt tal-Unjoni.

144

Fir-rigward ta’ dan it-tieni motiv adottat mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 368 u 369 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat ġurisprudenza mingħajr rabta mal-ilment imqajjem mill-appellanti u, minħabba f’hekk, timponi fuq dawn tal-aħħar obbligu ta’ diliġenza li jirriżulta minn ġurisprudenza li ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni li kienu jinsabu fiha.

145

Għalhekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat ġustament fil-punt 361 tas-sentenza appellata li l-proċedura amministrattiva kienet bdiet fir-rigward ta’ Zoetis u ta’ Xellia, rispettivament, fid‑19 ta’ Marzu 2010 u fl‑14 ta’ Marzu 2011 u ma kinitx tippreżenta tul mhux raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienu qegħdin jilmentaw lill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-punt 349 ta’ din is-sentenza u mir-rikors għal annullament tagħhom, li kienet infurmathom dwar l-investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni f’Diċembru 2003, dwar il-ftehimiet inkwistjoni, biss tmienja sa disa’ xhur wara l-bidu tagħha, wasslithom sabiex ma jkunux jistgħu jiġbru l-provi utli għad-difiża tagħhom, il-Qorti Ġenerali applikat direttament il-ġurisprudenza dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba n-natura mhux raġonevoli tat-tul tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva mwettqa mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, il-punti 43, 54 u 60 sa 71 tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni (C‑113/04 P, EU:C:2006:593), kif ukoll il-punti 118 sa 122 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190), imsemmija fil-punti 357, 358, 362 u 369 tas-sentenza appellata.

146

Billi għamlet dan u minkejja li ma kinitx ikkontestata t-tul tal-proċedura amministrattiva mwettqa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 368 u 369 tas-sentenza appellata, li kellha tiżgura ruħha, sabiex tevalwa l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Zoetis u ta’ Xellia, li dawn il-kumpanniji kienu effettivament ikkonformaw ruħhom mal-obbligu ta’ diliġenza tagħhom li, skont is-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti, huwa impost fuq kull impriża li tkun ġiet informata bil-ftuħ ta’ proċedura mibdija kontriha.

147

B’hekk, minkejja li l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni talli ma fetħitx kmieni biżżejjed il-proċedura amministrattiva mibdija fir-rigward ta’ Zoetis u ta’ Xellia, u dan wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, il-Qorti Ġenerali topponihom obbligu ta’ diliġenza li jirriżulta minn ġurisprudenza applikabbli għall-perijodu biss wara l-ftuħ tal-proċedura amministrattiva mill-Kummissjoni.

148

Għaldaqstant, u kif isostnu ġustament l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

149

Madankollu, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni vs Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 48).

150

Fil-każ preżenti, dan huwa l-każ.

151

Għalkemm, ċertament, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinvoka kontra l-appellanti l-obbligu ta’ diliġenza applikabbli għal impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni differenti, bħal dik inkwistjoni fis-sentenzi ċċitati fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li, tal-inqas f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet topponihom obbligu speċifiku ta’ prudenza li jimponilhom li jiżguraw il-konservazzjoni tajba fil-kotba jew fl-arkivji tagħhom ta’ elementi li jippermettu li jirrintraċċjaw l-attività tagħhom, sabiex, b’mod partikolari, ikollhom il-provi neċessarji fl-ipoteżi ta’ azzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji ulterjuri.

152

Fil-fatt, il-ftuħ, fil‑15 ta’ Jannar 2008, ta’ investigazzjoni tas-settur abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003 intiż, hekk kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 22 tas-sentenza appellata, mill-premessa 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mill-premessi 3 sa 5 tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2008 li tiftaħ investigazzjoni dwar is-settur farmaċewtiku, sabiex jeżamina l-ftehimiet konklużi bejn il-kumpanniji farmaċewtiċi, bħall-ftehimiet dwar ftehim bonarju ta’ tilwimiet relatati mal-privattivi ta’ proċess, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jiksrux l-Artikoli 101 u 102 TFUE, jikkostitwixxi minn naħa, element li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, bħal Zoetis u Xellia, li l-Qorti Ġenerali nnutat fil-punt 189 tas-sentenza appellata li kienu operaturi infurmati u ta’ esperjenza fis-settur farmaċewtiku, ma setgħux jinjoraw u, min-naħa l-oħra, element li kellu jwassalhom sabiex ikunu attenti kontra t-telf, minħabba l-mogħdija taż-żmien, ta’ provi li jistgħu jkunu utli għalihom fil-perspettiva ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ulterjuri.

153

Fil-fatt, kemm mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta b’mod ċar li l-investigazzjonijiet tas-settur jikkostitwixxu strument intiż li jikkonferma preżunzjonijiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat minn dawn l-investigazzjonijiet.

154

B’hekk, meta l-Kummissjoni tipproċedi bil-ftuħ ta’ tali investigazzjonijiet, l-impriżi li jappartjenu għas-settur ikkonċernat u b’mod partikolari dawk li kkonkludew ftehimiet espressament imsemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni inkwistjoni, bħalma kien il-każ ta’ Zoetis u ta’ Xellia, għandhom jistennew li eventwalment ikunu jistgħu jinfetħu proċeduri individwali kontrihom fil-futur, u dan sa fejn il-premessa 8 tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2008 li tiftaħ investigazzjoni fis-settur farmaċewtiku turi espressament li, “[s]a fejn l-investigazzjoni tas-settur farmaċewtiku turi l-eżistenza possibbli ta’ ftehimiet jew prattiċi antikompetittivi jew ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni […] tista tikkunsidra […] [il-bidu ta’] investigazzjonijiet rigward entitajiet individwali li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet taħt [l-Artikolu 101 u/jew l-Artikolu 102 TFUE]”.

155

Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk Zoetis u Xellia kellhomx għarfien jew le tal-istqarrija għall-istampa tal-KFST, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u tal-ftuħ mill-Kummissjoni, fil‑15 ta’ Jannar 2008, tal-investigazzjoni li tirrigwarda s-settur farmaċewtiku, jiġifieri inqas minn erba’ snin u nofs wara l-iskadenza tal-ftehim kontenzjuż, li l-appellanti ma jistgħux isostnu validament li l-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ Zoetis u Xellia kien ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom, minħabba t-tardività tagħha.

156

Dan għandu japplika iktar u iktar peress li, fil-punt 371 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, mingħajr ma l-appellanti jikkontestaw dan il-punt fil-kuntest ta’ dan l-appell, li, “[f]’ dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-dokumenti tal-konsulent estern tal-grupp Alpharma, li dan kien jeqred fl-2007 [jiġifieri qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni tas-settur mill-Kummissjoni,] b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Kamra tal-Avukati Daniża, għandu jiġi osservat li l-appellanti ma tawx iktar dettalji, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti”.

157

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq is-sitt aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata

158

Permezz tas-sitt motiv tagħhom imqajjem fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom, l-appellanti sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn hija kienet issanzjonat, fir-rigward tal-ftehim kontenzjuż, kemm A.L. Industrier, kumpannija omm tal-grupp Alpharma, u Xellia, kumpannija sussidjarja tal-grupp Alpharma, kif ukoll Alpharma LLC, kumpannija parent intermedjarja tal-grupp Alpharma, filwaqt li, fir-rigward tal-ftehim konkluż bejn Lundbeck, minn naħa, u Merck KGaA u Generics Holding (UK) Ltd, min-naħa l-oħra, hija kienet issanzjonat lil Merck GmbH, kumpannija omm tal-grupp Merck, bl-esklużjoni ta’ Merck, bl-esklużjoni ta’ Merck Generics Holding, kumpannija omm intermedjarja tal-grupp Merck.

159

Sabiex tiċħad il-punti 387 sa 392 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“387

[…] għandu jiġi rrilevat li matul il-perjodu rilevanti, Alpharma ApS, Alpharma Inc. u A.L. Industrier iffurmaw kumpannija waħda, filwaqt li dan ma kienx baqa’ l-każ meta ttieħdet id-deċiżjoni [kontenzjuża]. Fil-fatt, dak il-mument, Xellia, li ssuċċediet għal Alpharma ApS, Zoetis, li ssuċċediet għal Alpharma Inc., u A.L. Kull Industrier kien jappartjeni għal impriżi differenti, kif jirriżulta mill-premessi 50 sa 52 u 1269 sa 1275 tad-deċiżjoni [kontenzjuża].

[…]

389

[…]] jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni [kontenzjuża], b’mod partikolari l-premessi 43, 1275, 1284 u 1286, li l-Kummissjoni ddeċidiet li A.L. Industrier, li kkontrollat lil Alpharma Inc., iffurmat magħha impriża waħda, li kienet tinkludi wkoll Alpharma ApS. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jiċħdux li dawn it-tliet kumpanniji ffurmaw impriża waħda meta ġie konkluż il-ftehim kontenzjuż.

390

Fir-rigward tal-grupp Merck, mid-deċiżjoni [kontenzjuża] (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 31) jirriżulta li Generics (UK), li kienet il-kumpannija li ffirmat ma’ Lundbeck żewġ ftehimiet inkwistjoni, kien, matul il-perijodu kopert minnhom, ikkontrollat minn Merck Generics Holding, li min-naħa tagħha kienet ikkontrollata minn Merck. Bl-istess mod, id-deċiżjoni [kontenzjuża] tesponi li, fl-2007, Generics (UK) inbiegħet lil impriża oħra, b’tali mod li hija ħarġet mill-grupp Merck (premessa 33).

391

Min-naħa l-oħra, mir-risposta tal-Kummissjoni għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali u minn dokument li hija pproduċiet f’din l-okkażjoni jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża], Merck u Merck Generics Holding kienu għadhom jifformaw parti mill-istess impriża. Minkejja li, kif isostnu r-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza ma ssemmietx fid-deċiżjoni [kontenzjuża], għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi dokument jagħmel parti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, b’tali mod li hija kienet għad-dispożizzjoni tagħha meta adottat din id-deċiżjoni.

392

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ A.L. Industrier, kien għal kollox iġġustifikat li l-Kummissjoni żammet lil Zoetis bħala responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Xellia, peress li, b’mod ieħor, hija biss din tal-aħħar li kienet tkun responsabbli għall-kważi l-multa kollha marbuta mal-ksur imwettaq mill-grupp Alpharma, li kien jagħmel inqas ċert il-pagament ta’ din il-multa. Min-naħa l-oħra, sakemm Merck tikkontrolla Merck Generics Holding, ir-riżorsi finanzjarji ta’ din tal-aħħar jistgħu jintużaw sabiex titħallas il-multa imposta fuq il-grupp Merck, mingħajr ma huwa indispensabbli għal dan il-għan li tissemma fid-dispożittiv tad-deċiżjoni [kontenzjuża].”

L-argumenti tal-partijiet

160

Permezz tas-sitt aggravju tagħhom dirett kontra l-punti 378 sa 394 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet indirizzata lil Zoetis, li saret Alpharma LLC, u mhux lil Merck Generics Holding, filwaqt li xejn f’din id-deċiżjoni ma jiġġustifika li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ impriżi. Barra minn hekk, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivi u kisret il-ġurisprudenza li tipprevedi li l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, billi rreferiet għall-punt 74 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479).

161

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

162

Permezz tal-ewwel parti tas-sitt aggravju, l-appellanti essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ċaħdet is-sitt motiv invokat minnhom insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom.

163

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta impriża tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 49).

164

Meta tali impriża tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jiddeterminax liema persuna ġuridika jew fiżika l-Kummissjoni għandha l-obbligu li żżomm responsabbli għall-ksur u li tissanzjona permezz tal-impożizzjoni ta’ multa (sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

165

Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ sanzjoni kif inkwadrata mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni, C‑601/18 P, EU:C:2020:751, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 386 tas-sentenza appellata.

166

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta impriża tkun, bl-aġir tagħha, kisret l-Artikolu 101 TFUE, hija ma tistax taħrab minn kull sanzjoni minħabba li operatur ekonomiku ieħor ma ngħatax multa (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Samsung SDI u Samsung SDI (Malaysia) vs Il‑Kummissjoni, C‑615/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:190, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, impriża li ġiet imposta fuqha multa minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma tistax titlob l-annullament jew it-tnaqqis ta’ din il-multa, minħabba li parteċipant ieħor fl-istess akkordju ma kienx ġie ssanzjonat jew għall-parteċipazzjoni b’mod parzjali jew kollha tiegħu fl-imsemmi akkordju (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Samsung SDI u Samsung SDI (Malaysia) vs Il‑Kummissjoni, C‑615/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:190, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

167

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, ikkonstatat, fil-punti 387 sa 392 tas-sentenza appellata, li Alpharma LLC u Merck Generics Holding kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba, minn naħa, il-fatt li, Xellia, Zoetis, li saret Alpharma LLC, u A.L. Industrier kienu kull waħda impriżi differenti filwaqt li Merck u Merck Generics Holding, rispettivament, kumpannija holding u omm ta’ Generics (UK), li ħarġet mill-grupp Merck wara l-iskadenza tal-ftehimiet inkwistjoni, li kienu jagħmlu parti mill-istess impriża, u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni finanzjarja speċifika tas-sitwazzjonijiet implikati fil-ftehimiet inkwistjoni.

168

Għaldaqstant, fin-nuqqas li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ Merck Generics Holding, l-appellanti ma jistgħux validament jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

169

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt invokat mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li tgħid li, sabiex tiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn Zoetis, li saret Alpharma LLC, u Merck Generics Holding, il-Qorti Ġenerali kkompletat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża billi indikat li Zoetis ma kinitx tagħmel parti mill-istess impriża bħal A.L. Industrier fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

170

Minbarra l-fatt li din il-preċiżazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fit-tieni sentenza tal-punt 387 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ motivi ta’ distinzjoni tas-sitwazzjoni tal-appellanti u dik ta’ Merck Generics Holding, it-tieni motiv marbut mas-sitwazzjoni finanzjarja speċifika tal-kumpanniji implikati fil-ftehimiet inkwistjoni, kif jidher fil-punt 392 tas-sentenza appellata ma huwiex ikkontestat mill-appellanti, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 387 tas-sentenza appellata, l-imsemmija preċiżazzjoni tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża nnifisha.

171

Issa, sa fejn il-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni,C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), b’kont meħud, jekk meħtieġ, li dan l-att seħħ f’kuntest magħruf mid-destinatarju (ara, f’dan sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-fatt li spjegazzjoni mogħtija minn il-Kummissjoni fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punt 379 tas-sentenza appellata, ma tinsabx b’mod espliċitu u eżawrjenti fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jistax neċessarjament ikollu l-effett li tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tieħu inkunsiderazzjoni din l-ispjegazzjoni kif ukoll l-elementi li jinsabu f’din id-deċiżjoni sabiex iwieġbu għall-argument tar-rikorrent (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punti 62 u 63).

172

Dan għandu japplika b’mod partikolari meta l-Qorti Ġenerali jkollha tirrispondi għal argument, bħal dak tal-appellanti, li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-istadju tar-redazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li, kif tfakkar fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni hija bħala prinċipju libera li tagħżel fi ħdan impriża kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi dik li hija żżomm bħala responsabbli għall-ksur u li ma jistax raġonevolment jiġi impost fuqha li tispjega, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha u għal kull kumpannija li hija d-destinatarja tagħha ir-raġunijiet li għalihom hija żżomm responsabbli jiġifieri l-persuna fiżiċi jew ġuridiċi kemm kollha kif ukoll parti minnhom li jiffurmaw l-impriża jew l-impriżi li ħadu sehem fi prattika kuntrarja għall-Artikolu 101 jew għall-Artikolu 102 TFUE.

173

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq is-seba’ aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata

174

Fil-punti 401 sa 407 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni parti tas-seba’ motiv imqajjem mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, li permezz tiegħu huma sostnew li l-Kummissjoni kienet, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqhom, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ftehim kontenzjuż fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni.

175

Fl-ewwel lok, hija fakkret, fil-punti 403 sa 405 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tal-ksur kif ukoll dik dwar il-kundizzjoni li l-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jitwettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punt 407 ta’ din is-sentenza, li l-grupp Alpharma ma kienx jaf li l-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż setgħet tkun problematika fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni.

176

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali indikat li mill-punti 314 u 318 tas-sentenza appellata kien jirriżulta li ma kienx hemm inċertezza legali fir-rigward tal-possibbiltà li ftehim li għandu l-karatteristiċi tal-ftehim ikkontestat jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” u li sar fil-kuntest tiegħu.

L-argumenti tal-partijiet

177

Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 401 sa 407 tas-sentenza appellata, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta kkunsidrat li ma kinitx teżisti inċertezza legali fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni minħabba l-għan tal-ftehim kontenzjuż u, għaldaqstant, billi ppermettiet lill-Kummissjoni li timponilhom multa ta’ ammont għoli ħafna. Din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali hija murija mid-dikjarazzjonijiet tal-KFST iżda wkoll mit-tul tal-investigazzjoni settorjali li ppreċediet il-proċedura li fi tmiemha ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mit-tul ta’ din id-deċiżjoni.

178

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

179

Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 405 tas-sentenza appellata, impriża tista’ tiġi ssanzjonata għal aġir li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE peress li hija ma setgħetx ma tkunx taf bin-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, irrispettivament minn jekk kinitx konxja jew le li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 37).

180

Minn dan jirriżulta, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 404 tas-sentenza appellata u kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑588/16 P, Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni (punt 137), li l-fatt li tali impriża kklassifikat b’mod ġuridikament żbaljat l-aġir li fuqu hija bbażata l-konstatazzjoni tal-ksur ma jistax ikollu l-effett li jeżentaha mill-impożizzjoni ta’ multa sakemm din setgħet oġġettivament tiddetermina li dan l-aġir kellu natura antikompetittiva, jekk ikun hemm bżonn billi tieħu deċiżjonijiet xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker distintiva Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 38).

181

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament, fil-punti 315 sa 317 tas-sentenza appellata, li għalihom jirreferi l-punt 406 ta’ din l-istess sentenza, li kien stabbilit fil-ġurisprudenza, kif tfakkar fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, li ftehim ma huwiex immuni kontra d-dritt tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li dan jirrigwarda privattiva jew li huwa intiż li jsolvi bonarjament tilwima fil-qasam tal-privattivi.

182

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat essenzjalment, fil-punt 318 tas-sentenza appellata, imsemmija wkoll fil-punt 406 ta’ din l-istess sentenza, li, kemm mill-perspettiva ta’ Lundbeck kif ukoll minn dik tal-grupp Alpharma, il-ftehim kontenzjuż seta’ tal-inqas joħloq problemi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li Lundbeck qieset li “l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-[manifatturi ta’ prodotti mediċinali] tqieset bħala ‘diffiċli’ mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni” u peress li l-grupp Alpharma kien issuġġetta l-ftehim kontenzjuż dwar soluzzjoni bonarja għal opinjoni preliminari ta’ konsulent espert fid-dritt tal-kompetizzjoni.

183

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 407 tas-sentenza appellata, li l-grupp Alpharma ma injorax li l-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż setgħet tkun problematika fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-appellanti ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ppermettiet lill-Kummissjoni timponilhom multa minħabba l-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż.

184

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-istqarrija għall-istampa tal-KFST għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 123 u 124 ta’ din is-sentenza.

185

Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija stqarrija ma tostakolax il-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-ftehim kontenzjuż, hija ma tistax a fortiori tipprekludi s-sanzjoni tiegħu, anki permezz ta’ multa ta’ ammont ikkunsidrat mill-appellanti bħala għoli ħafna.

186

Lanqas ma jista’ jostakola din is-sanzjoni l-fatt imressaq mill-appellanti li l-inċertezza legali fir-rigward tal-ftehimiet bħall-ftehim kontenzjuż hija kkonfermata mit-tul tal-investigazzjoni settorjali li saret qabel il-proċedura li fi tmiemha ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mit-tul ta’ din id-deċiżjoni.

187

Minbarra l-fatt li, skont is-sentenza appellata, l-appellanti ma sostnewx dawn l-elementi la fil-kuntest tat-tielet motiv ta’ annullament tagħhom, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minħabba l-klassifikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, u lanqas fil-kuntest tas-seba’ motiv ta’ annullament tagħhom, ibbażat fuq żbalji li jaffettwaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punti 153 u 154 ta’ din is-sentenza, li tali investigazzjoni tinfetaħ sabiex tikkonferma jew tirrifjuta preżunzjonijiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat minnha u li ma hemm xejn li jsostni l-argument li t-tul tal-investigazzjoni tagħmilha possibbli li jitneħħew id-dubji espressi mill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet speċifiċi koperti minn din l-istess investigazzjoni.

188

Bl-istess mod, it-tul ta’ deċiżjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward peress li diġà tfakkar fil-punt 120 ta’ din is-sentenza li l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” ta’ ftehim tista’ tissupponi analiżi ddettaljata tiegħu, tal-għanijiet tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li din tikkonċerna ħames impriżi distinti kif ukoll sitt ftehimiet differenti li jippreżumu evalwazzjoni speċifika u ġiet indirizzata lil tnax-il kumpannija.

189

Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tmien aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata

190

Sabiex tiċħad is-seba’ motiv imqajjem mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħhom għal annullament u bbażat fuq żbalji li jaffettwaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari, qabel kollox, fil-punt 398 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-ksur inkwistjoni kien ta’ natura gravi. Sussegwentement, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, hija osservat, fil-punti 414 sa 433 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet użat il-punt 37 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 sabiex titbiegħed mill-metodoloġija ġenerali ta’ kalkolu tal-multi prevista minn dawn il-linji gwida u kienet adottat bħala ammont bażiku l-valur tal-pagamenti li l-grupp Alpharma kien irċieva mingħand Lundbeck, ħaġa li l-appellanti ma jikkritikawx lill-Kummissjoni.

L-argumenti tal-partijiet

191

Permezz tat-tmien aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom ibbażati fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-gravità tal-ksur waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Il-Qorti Ġenerali aċċettat, bi ksur tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-Kummissjoni tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-punt 1361 tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-ammont tal-multi imposti fuq il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi mingħajr ma introduċiet distinzjoni bejn il-ksur skont in-natura jew il-portata ġeografika tagħhom jew skont l-ishma tas-suq tagħhom, u dan b’mod partikolari meta, f’dan il-każ, il-ksur ġie kklassifikat bħala “gravi ħafna” fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u sussegwentement sempliċement bħala “gravi” fid-deċiżjoni kontenzjuża.

192

Il-Kummissjoni tqis li t-tmien aggravju għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

193

Għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punti 419 u 421 tas-sentenza appellata, li l-ammont tal-multa imposta fuq il-grupp Alpharma ma ġiex ikkalkolat skont il-metodoloġija ġenerali prevista mil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006, iżda billi jintuża metodu li jitbiegħed minnu kif awtorizzat fil-punt 37 tiegħu, fatt li ma ġiex ikkontestat mill-appellanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta minn dawn il-linji gwida u b’mod partikolari l-punti 19 sa 22 tagħha li jimponu fuqha l-obbligu li tiddetermina ammont bażiku tal-multa skont il-livell preċiż tal-gravità tal-ksur ikkonċernat.

194

Għaldaqstant it-tmien aggravju tal-appell għandu jinftiehem bħala li huwa intiż li jikkontesta mhux il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali, iżda l-ammont stess tal-multa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-ksur imwettaq, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat il-gravità tiegħu fil-punt 398 tas-sentenza appellata.

195

Għandu jitfakkar ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li meta hija tagħti deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips et Philips France vs Il‑Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

196

Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips et Philips France vs Il‑Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 74 l-Kummissjoni, C‑70/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

197

B’hekk, aggravju li jikkontesta l-ammont tal-multa evalwat mill-Qorti Ġenerali iżda li ma jistabbilixxix ir-raġunijiet li għalihom dan l-ammont huwa eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, huwa inammissibbli (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 115).

198

Issa, f’dan il-każ, l-appellanti bl-ebda mod ma sostnew u lanqas a fortiori stabbilixxew li l-multa li ġiet imposta fuqhom mid-deċiżjoni kontenzjuża u li ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali kienet eċċessiva sal-punt li kienet sproporzjonata.

199

Fuq din il-bażi, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq id-disa’ aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata

200

Sabiex tiċħad it-tmien motiv invokat mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mal-limitu massimu tal-multa li li A.L. Industrier, kumpannija parent tal-grupp Alpharma fil-mument tal-ftehim kontenzjuż, kienet kodebitriċi, sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset għal dan il-għan id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2011 u mhux ogħla mill-2012, li kien jinvolvi lil A.L. Industrier sehem ikbar mill-multa imposta in solidum fuq A.L. Industrier, fuq Alpharma LLC u fuq XelliaPharmaceutical, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 449 sa 456 tas-sentenza appellata, minn naħa, rrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx qieset l-aħħar sena kummerċjali kompleta qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri dik tal-2012, iżda dik ta’ qabel, jiġifieri tal-2011, peress li tal-aħħar ikkostitwixxiet l-aħħar sena sħiħa ta’ attività normali, u, min-naħa l-oħra, ikkunsidra li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tagħmel hekk peress li s-sena kummerċjali 2012 kienet sena kummerċjali tal-attiv ta’ A.L. Industrier li turi dħul li ma huwiex ġej minn attivitajiet ekonomiċi normali.

201

Fil-punti 458 u 459 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej:

“458

[…] għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-għan imfittex mill-istabbiliment, fl-Artikolu 23(2) [tar-Regolament Nru 1/2003] ta’ limitu ugwali għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża li tkun ipparteċipat fi ksur huwa b’mod partikolari li jiġi evitat li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont ogħla minn dan il-limitu teċċedi l-kapaċità ta’ pagament tal-impriża fid-data li fiha din titqies responsabbli tal-ksur jew meta tiġi imposta fuqha sanzjoni pekunjarja mill-Kummissjoni (sentenza [tal‑4 ta’ Settembru 2014, ] YKK et vs Il‑Kummissjoni, [C‑408/12 P, EU:C:2014:2153], punt 63]; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi [tal‑15 ta’ Ġunju 2005,] Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, [T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata, EU:T:2005:220], punt 389, u tas‑16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, T‑54/06, EU:T:2011:667, punt 91).

459

Konsegwentement, il-Kummissjoni, wara li eskludiet li l-limitu massimu applikabbli għal A.L. Industrier jista’ jiġi ffissat billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sena 2012, jiġifieri s-sena immedjatament qabel dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża], ma setgħetx tmur lura [għas-sena] 2005, iżda kellha tuża d-dħul mill-bejgħ tal-aħħar sena, qabel [is-sena] 2012, li matulha l-attivitajiet ekonomiċi ta’ A.L. Industrier kienu normali, indipendentement mis-setturi ta’ attività tagħha.”

L-argumenti tal-partijiet

202

Permezz tad-disa’ aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 458 u 459 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys vs Il‑Kummissjoni (C‑76/06 P,EU:C:2007:326, punt 20), u tal‑15 ta’ Mejju 2014, I. garantovaná vs Il‑Kummissjoni (C‑90/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:326, punti 15 sa 17), billi applikat kriterju żbaljat sabiex tiġi ddeterminata s-sena kummerċjali rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq A.L. Industrier.

203

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod wisq restrittiv l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi żammet biss l-għan li jikkonsisti f’li jiġi evitat li l-multi jaqbżu l-kapaċità ta’ pagament tal-impriżi mingħajr ma bbilanċjatha mal-għan l-ieħor intiż sabiex jiġi żgurat effett suffiċjentement dissważiv għall-multi imposti. Meta għamlet hekk, billi żammet id-dħul mill-bejgħ ta’ din il-kumpannija għall-2011, hija imponiet fuq A.L. Industrier multa mhux xierqa fir-rigward tal-kapaċità tagħha ta’ pagament u tas-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu tal-ksur. Fir-replika tagħhom, l-appellanti jippreċiżaw li, fil-punt 459 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet is-sena 2005 bħala sena ta’ riferiment għas-sempliċi raġuni li hija ma kinitx l-aħħar sena kummerċjali normali tal-attivitajiet ta’ A.L. Industrier, qabel l-2012.

204

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li d-disa’ aggravju huwa inammissibbli, minħabba li l-konstatazzjoni li l-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti l-attivitajiet ekonomiċi normali ta’ AL Industrier hija dik li tikkorrispondi għas-sena 2011 tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt, u, fi kwalunkwe każ, infondata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

205

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkritikaw mhux l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura normali tas-sena kummerċjali 2011 jew tas-sena 2005, li hija evalwazzjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell fl-assenza ta’ allegazzjoni u, a fortiori, ta’ prova mill-appellanti ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi, iżda l-kriterju użat mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sena kummerċjali 2012.

206

B’dan u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa ammissibbli.

207

Dan bl-istess mod sa fejn il-konstatazzjoni eventwali ta’ żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kriterju applikat fl-għażla tas-sena kummerċjali li serviet bħala l-bażi għall-applikazzjoni tal-limitu massimu tas-sehem tal-multa in solium konġunta imposta fuq A.L. Industrier ma jkollhiex il-konsegwenza li timponi fuq din il-kumpannija, li fir-rigward tagħha d-deċiżjoni kontenzjuża saret finali, żieda fis-sehem tagħha ta’ responsabbiltà in solidum, li barra minn hekk ma hijiex mitluba mill-appellanti, u jkollha biss konsegwenzi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

208

Dwar il-mertu, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi għal mekkaniżmu li jillimita l-limitu massimu tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq l-impriżi għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE bil-għan li jevita li dawn il-multi jkunu sproporzjonati għad-daqs tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 24) u, minħabba f’hekk, jaqbeż 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq minnhom matul is-sena kummerċjali preċedenti għal dik li matulha ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjonahom.

209

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li, sabiex jiġi ddeterminat il‑kunċett ta’ “sena kummerċjali preċedenti”, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ inkwistjoni u billi tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kuntest kif ukoll l-għanijiet imfittxa mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 17 u mir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s‑sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 25).

210

B’hekk, hija tista’ ma tikkunsidrax l-aħħar sena kummerċjali preċedenti għal dik li matulha d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi adottata jekk din ma tikkorrispondix għal sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys sament Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 26).

211

Madankollu u fid-dawl tal-ittra, tal-kuntest kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, hija għandha żżomm l-ewwel sena kummerċjali sħiħa ta’ attività ekonomika normali preċedenti.

212

F’dan il-każ, mill-punti 451 u 459 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minn naħa, li l-aħħar sena kummerċjali preċedenti għad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri dik li tikkorrispondi għall-2012, ma kinitx tikkostitwixxi sena kummerċjali ta’ attività ekonomika normali sa fejn kienet sena ta’ likwidazzjoni tal-attiv u, min-naħa l-oħra, li s-sena kummerċjali li tikkorrispondi għall-2011 kienet tikkostitwixxi sena kummerċjali finanzjarja ta’ attività ekonomika normali.

213

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u li fir-rigward tagħhom l-appellanti ma invokawx żnaturament, ġustament, u mingħajr ma kien hemm bżonn li tiġi evalwata l-opportunità li jsir użu mid-dħul mill-bejgħ ta’ sena finanzjarja preċedenti, f’dan il-każ dak li jikkorrispondi għall-2005, li l-Qorti Ġenerali setgħet tuża d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali korrispondenti għall-2011 għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa imposta fuq A.L. Industrier skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

214

Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat u għaldaqstant l-appell kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

215

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

216

Peress li l-Kummissjoni ordnat li l-appellanti jbatu l-ispejjeż u dawn tilfu l-aggravji tagħhom, hemm lok li jkunu kkundannati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

217

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

218

Konsegwentement, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Xellia Pharmaceuticals ApS u Alpharma LLC huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.