Kawżi magħquda C‑596/16 u C‑597/16

Enzo Di Puma vs Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

u

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)
vs
Antonio Zecca

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/6/KE – Insider dealing – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza kriminali finali fuq il-proċedura amministrattiva – Sentenza kriminali finali li tiskaġuna minn insider dealing – Effettività tas-sanzjonijiet – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑20 ta’ Marzu 2018

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Insider dealings–Projbizzjoni–Sanzjonijiet–Obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi–Portata–Possibbiltà li jiġi previst kumulu ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali–Limitu–Osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, Artikolu 14(1))

  2. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali kontra persuna, għal insider dealing, li kienet diġà s-suġġett ta’ sentenza kriminali finali ta’ skaġunar għall-istess fatti–Ammissibbiltà

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, Artikolu 14(1))

  3. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni–Eżistenza tal-istess ksur–Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali–Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

  4. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Limitazzjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kumulu ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali u ta’ sanzjoni kriminali–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet–Limitazzjoni li tissodisfa għan ta’ interess ġenerali–Għan li jiġu protetti l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji–Inklużjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1)).

  1.  F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ insider dealing. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva huwa limitat li jobbliga lill-Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi b’tali karatteristiċi, mingħajr ma jeżiġi mill-Istati Membri li jistabbilixxu wkoll sanzjonijiet kriminali fil-konfront tal-awturi ta’ insider dealing (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 42), xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu kumulu ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi, b’osservanza, madankollu, tal-limiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta, liema limiti tal-aħħar huma imposti, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, fl-implementazzjoni ta’ dan id-dritt.

    (ara l-punt 26)

  2.  L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali ma tistax titkompla wara sentenza kriminali finali ta’ skaġunar li tkun ikkonstatat li l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-leġiżlazzjoni dwar insider dealing, li abbażi tagħha nfetħu wkoll dawn il-proċeduri, ma kinux stabbiliti.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la dan l-Artikolu 14(1) u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/6 ma jippreċiżaw l-effetti ta’ sentenza kriminali finali ta’ skaġunar fuq il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja. Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu li ma jiġux applikati r-regoli ta’ proċedura nazzjonali li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punti 5859, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 2829).

    Tali evalwazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, li jinfetħu mill-ġdid, jekk ikun il-każ, il-proċeduri kriminali meta fatti ġodda jew li ġew skopruti reċentement jew difett fundamentali fil-proċedura preċedenti jkunu ta’ natura li jaffettwaw is-sentenza kriminali mogħtija.

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 50 tal-Karta.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għan li tiġi protetta l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji huwa ta’ natura li jiġġustifika kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ifittxu, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari li jirrigwardaw, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, Garlsson Real Estate, C‑537/16, punt 46).

    Madankollu, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, wara li l-proċeduri kriminali jingħalqu b’mod finali, hija suġġetta għall-osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, Garlsson Real Estate, C‑537/16, punt 48). Issa, f’sitwazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali taqbeż b’mod manifest dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, peress li teżisti sentenza kriminali finali ta’ skaġunar li tikkonstata l-assenza ta’ elementi li jikkostitwixxu l-ksur li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 huwa intiż li jissanzjona. Hemm lok jiżdied li, skont il-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 50, il-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem ma hijiex limitata għas-sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet ikkundannata b’sentenza li saret res judicata, iżda testendi wkoll għal dik li fiha din il-persuna nstabet mhux ħatja.

    (ara l-punti 30, 31, 35, 37, 39, 42 sa 44, 46, id-dispożittiv)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 38)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 42)